Thursday, October 18, 2012

Ċamata






Kont qiegħed hemm fuq il-moll.  Bil-qiegħda aktar milli mixħut.  Il-baħar kaħlani, kajman, il-mewġ nofs kedda.  Xagħri mhux twil u għalhekk lanqas biss iċċaqlaq.  Meta nkun il-Belt qatt ma nieħu malja miegħi.  Ma nafx għaliex imma l-Belt qatt ma nassoċjah mal-baħar u għalhekk il-malja l-aħħar ħaġa li tgħaddieli minn moħħi biex nixħet fil-basket li nġorr wara dahari.  Imma llum wara li għamilt li kelli nagħmel fettilli ninżel ‘l isfel u nimrah lejn il-baħar.  Li qiegħed fejn il-baħar u mhux se ninżel ngħum ħassejtni qisni qed nonqos.  Bħal meta tmur titlajja qrib xi kunċert biex forsi tisma’ xi ħaġa għax biljett jew ma lħaqtx tixtri jew il-but qed jgħir u jikkonvinċik biex tħallielu ftit kumpanija ta’ żewġ karti mgeżwra.

Qisu mhux jien biss ma nassoċjax il-Belt mal-baħar, għax minn tant nies fit-toroq ewlenien hawn jien u dan it-tifel biss.  It-tifel ukoll qiegħed hawn mingħajr biss mhu se jgħum.  Jien il-baga li hemm bi dritti qisni qed inħossha tinkini.  Qiegħda tgħidli llum mhux se tużani b’sinjal biex tgħum sa ħdejja u ddawwar denbek lura?

Dan it-tifel qed kwiet hawn waħdu.  Ma jidhirx żerbinott.  Jidher li għandu bżonn il-ħin waħdu, u għalkemm jien bħalissa qed waħdi qisni qed inħoss għalih li m’għandux kumpanija.  Għax meta tikber normali li trid ftit ħin għalik, imma meta għadek żgħir is-solitudni morra.  U l-morr it-tfal ma jħobbuh xejn, mhux bħalna.  Bħall-affarijiet jaħarqu.  Ħafna żgħar lanqas il-Kinnie ma jniżżlu.

U qtajtha li għandi ngħidlu kelmtejn.  Minn fejn se nibda?

‘Illum sabiħ il-baħar hux?’
‘Żaqqu ratba u rasu iebsa’.
‘Għalhekk ma ġibtx il-malja u għomt ftit?’.
‘Iva.’
‘It-tfal mhux ukoll raskom iebsa?’
‘Iva, imma aħna ma naslux daqs il-baħar’.
‘Il-baħar illum kalm, mhu se jasal imkien’.
‘Is-sena l-oħra imma ħadli lill-papa.’

Lanqas ċamata ma qatt ħallietni daqshekk bla nifs.


Din l-istorja ċkejkna hija mnebbħa bħas-soltu mir-ritratt ta' Pawlu Mizzi.  Għal darba oħra, grazzi Pawl!