Poġġewni hawn f’nofs dat-taraġ. Fuq l-art tal-konkos. Minflok f’xi ġnien, fejn ġardinar itini dak li għandi bżonn biex ngħix kuljum. U nkun nista’ nħaddar u nsebbaħ, noffri l-kenn lil xi għasfur u jħallasni lura b’għanja minn tiegħu.
Jew forsi nitwal u nitwal u ‘l quddiem nixxeblek ma’ xi ħajt tas-sejjieħ imtella’ b’sengħa. Hawnhekk il-ħajt qiegħed hawn għax ilu hemm. Laqgħa żebgħa ilu ma jieħu, u l-ġimgħa l-oħra smajt erbat itfal jgħidu li dak l-isfar qisu dak li għandhom fil-klassi.
Dix-xitwa kesaħ fuq li kesaħ. Kesħa li daħlet f’għeruqi u tertirt mingħajr ma stajt qatt inċekek snieni. U minflok waqawli l-erba’ werqiet li kelli li kienu telgħu meta kont għadni fil-ġnien. Illum ftit xemx imma issa l-ħsara saret. Qisha vitamina fuq min diġa l-kankru laħaq kważi ħadu. Imma għallinqas f’dawn l-aħħar erbat ijiem ta’ ħajti qed inħossha bħal kutra li qed tmellisni. Is-sħana qatt ma għamlet ħsara lil ħadd. U jien waħda minnhom.
Poġġewni f’din il-qasrija. Xi darba kienet kannella illum imnittna daqs il-ħajt. Qasrija li hija l-metafora ta’ ħajti hawnhekk f’dan it-taraġ, fejn min jgħaddi minn hawn jgħaddi għax ikollu bil-fors aktar milli għax jieħu pjaċir jgħaddi minnu. Il-bieraħ ġie ġuvnott b’maktur ma’ wiċċu u kiteb bl-isfar erba’ kelmiet li jien ma nistax nifhem daqskemm ma nistax nifhem kif spiċċajt hawn.
Kienu wegħduni li jien dak li dat-taraġ għandu bżonn biex jisbieħ. Imma waħdi m’għamilt ebda differenza.
Minflok sebbaħt, krieht jien bħall-madwar.
Dan ir-ritratt partikulari ittieħed minn Alan Falzon. Għal aktar ritratti tal-istess Alan, żur dan is-sit.
No comments:
Post a Comment