Numru wieħed. Tal-ewwel. U kif tista’ timmaġina, miċ-ċokon tiegħi wieħed biss joqgħod hawn. Jiswa daqs mija imma. Jieħu ħsiebi. Malli ż-żebgħa titqaxxar ftit mill-ewwel tarah ħiereġ minn hawn, jixxkatlani kollni, u jtini laqgħa. U nerġa nħossni ġdid. Il-kuluri dejjem vivaċi, perfett biex nikkuntrasta mal-isħab griżi li huma n-norma hawnhekk.
Hu qed jikber. Fil-fatt waħħal pum biex waqt li b’idu x-xellugija jdaħħal iċ-ċavetta fis-sallatura u jiftaħ iżomm bil-leminija, u jħossu sod. Forsi wkoll għax fix-xitwa taħmel ħafna xita u ż-żewġ indani jiġu jiżolqu.
Ħabbata m’għandiex. Ma hemmx bżonn. Min jiġi kemm jgħaqqad ponn u bl-għekiesi tal-erba’ swaba iħabbat. U s-sid jiġi jiftaħni. Meta jkun hawn. Kultant hawn min iħabbat b’difrejh, u jdarrasni. Oħrajn li huma ftit aktar spissi, jiftħu l-ħalq li għandi u jsejjħulu b’ismu. U hu jiġi jiftaħni malajr aktar mis-soltu.
Il-bieraħ kienet waħda minnhom. U wara li s-sid fetaħ bid-daħka tas-soltu, ħareġ u ħallieni mbexxaq. Baqa’ quddiemi. Wiċċu lejja. U beda jħares mhux dirett lejja għal-bidu. Beda jsemmi kif ix-xitla qed tixxeblek, u li r-roża tagħha jaqta’ maċ-ċelest tiegħi. Nixtieq kieku naraha xi darba. Imma jien l-affarijiet ta’ faċċata biss nara.
Umbgħad dak li ġie qallu, ‘Numru wieħed dejjem bqajt’.
‘In-numru għaxra ta’ Downing Street ikollok tiżbgħu iswed u ċ-ċelest nippreferieh jien,’ wieġbu.
Dan ir-ritratt huwa meħud minn Chris Agius.