Thursday, January 10, 2008

Tlaqt u wasalt

L-ajruplan ħa rankatura, tella r-roti u telaq. U l-maratona bdiet. Maratona mhux ta’ sitta u għoxrin mil imma ta’ ħamsa u għoxrin siegħa, fejn tkejjel fejn wasalt u kemm baqgħalek mhux b’kemm il-kantuniera dort u kemm toroq terrat imma b’kemm il-siegħa għaddiet minn mindu tlaqt. L-arloġġ jtektek sekonda wara sekonda mingħajr għaġla ta’ xejn u sħaba wara sħaba tgħaddi minn ħdejk. U wara li ssib ftit saqajk, skrin żgħir quddiemek jagħmillek kumpanija, tehda ftit fuqu, toqtol ftit ħin u tasal ftit siegħat aktar qrib id-destinazzjoni.

Dubai wasalt wara seba’ siegħat, u dawwart l-arloġġ bi tlett siegħat. Tajt titwila ħafifa f’żewġ ħwienet u tlaqt lejn il-gate tal-ajruplan li jmiss. Pruvajt insib ftit konessjoni fuq il-Wi-Fi u wara li qata’ xi darbtejn u kelli nibda mill-bidu qdadt il-kummentarju tal-logħba. U minn wieħed b’xejn minn fuq ġew wieħed b’wieħed. U għamilt il-buli. Bgħatt xi żewġ messaġġi d-dar u kif kont mitluf kważi nsejt il-ġakketta warajja. Il-bogħod mid-dar, f’nofs l-itwal vjaġġ possibli u l-ballun xorta ħalla l-effetti.

Qbadt it-tieni ajruplan, u l-istess bħal qabel, mhux ġirja kontra l-ħin imma ġlieda biex iddawwar il-ħin. L-għejja daħlet sewwa, imma ma nistax nagħlaq għajn m’għajn. Il-ktieb baqa’ magħluq quddiemi. Il-ħin din id-darba f’idi u ma nistax nużah. Kont fid-dlam, xtaqt nara, xegħluli bozza qawwija, għamxitni u ma rajt xejn. Il-monotonija tinqata ftit bi ftit ikel li jpoġġu quddiemek bi tbissima mġebbda.

Nasal Singapore u ndawwar l-arloġġ ftit siegħat oħra ‘l quddiem, u issa jonqos biss l-aħħar tappa. Imma l-itwal waħda fosthom kollha. Konsolazzjoni bi skonsolazzjoni. Bil-mod il-mod l-arloġġ jibqa’ jdur b’mod konsistenti, fidil lejn ir-ritmu tas-sekondiera u dak li deher mhux se jispiċċa qatt, fil-fatt jgħaddi u mill-ajru, nieħdu rankatura għal isfel u mmissu t-tarmak u l-art Awstraljani waqt li nimli formola għal tad-dwana li niddikjara li ma ġibt ebda ikel minn imkien.


* * * * *


The Australian’ hi l-gazzetta li donni addottajt għaż-żmien hawnhekk. Gazzetta minn dawk il-kbar li trid titwi min-nofs għax ma toqgħodx f’idejk, jew inkella jekk tkun qiegħed taqra fuq sufan tħakkiklek mal-art. Qisni jien biss naqraha, m’għandix għalfjen ngħaġġel biex nilħaqha, l-bqija tan-nies kollha bil-‘Herald Sun’, li għandha daqs normali u tixbah it-tabloids Ingliżi, b’titli bombastiċi li ma jħallux lok fejn jinkiteb l-artiklu.

L-istorja prinċipali meta wasalt u li tidher li qanqlet il-poplu mhux ħażin hija ż-żieda fir-rati tal-imgħax. Fejn fl-Ewropa għandna rata bażika ta’ 4%, hawnhekk l-istess rata hija ta’ 8%. Ekonomija daqshekk b’saħħitha, li m’għandiex bżonn tniżżel ir-rati tal-imgħax biex tagħti spinta? Xi kummentarji jattakkaw il-banek kummerċjali li ma’ din ir-rata jżidu ftit aktar huma, ħa jżidu aktar il-profitti waqt li jagħsru aktar lil min għandu xi self.

It-tieni storja dominanti hija l-prezz tal-petrol. Waqt li kont fuq l-ajruplan, tgħallimt li barmil żejt issa laħaq il-prezz rekord ta’ USD100 u li b’hekk inkisret il-barriera psikoloġika li jintlaħaq dan il-prezz li min jaf fejn irid iwassal. Litru petrol hawnhekk sar AUD1.50 (EUR2.44) li huwa rekord għalihom, seraq ħafna titli fl-ewwel paġni tal-gazzetti u sar bidu tipiku ta’ ħafna konversazzjonijiet.

Umbgħad logħba cricket li spiċċat il-Ħadd li għadda qiegħda tieħu proporzjonijiet diplomatiċi bejn l-Awstralja u l-Indja. Logħba li l-Awstraljani rebħu, imma allegatament skond l-Indjani kienu mgħejjuna minn deċizjonijiet dubjużi meħuda mill-umpire. U min-naħa l-oħra l-Awstraljani jakkużaw lil wieħed mill-Indjani li għajjar wieħed minnhom xadina. Min-naħa Ewropeja, Sarkozy u Bruni jidhru li qegħdin jaffaxxinaw lill-poplu ta’ dan il-kontinent!

Mixja qasira fit-toroq ta’ Melbourne, hija parata ta’ kulturi b’fattizzi u wċuh differenti li donnhom jikxfu l-antennati tagħħom. Xi wċuh jġegħluk taħseb li bqajt Malta u kważi jkollok it-tentazzjoni li ssaqsihom jekk huwiex veru. Belt u pajjiż komposta mill-emigrant, li ħalla daru, qasam id-dinja, ttanta u sab xortih hawn. Fl-istess belt, u l-aċċent jinbidel il-ħin kollu u jikxef l-egħruq etnika tiegħu.

Ltqajt ma’ ftit Taljani, jitkellmu b’Ingliż tajjeb, ħafna minnhom mwieldin hawn imma meta jargumentaw jew iridu jiddramatizzaw jitfgħu dawk l-erba’ kelmiet Taljani. Wara ikla tajba magħhom u ħafna nbid, jitfgħu d-diski tagħhom u mhux lil Kylie Minogue, bejn forsi biex ikunu ftit differenti mill-bqija u bejn bħala lament lejn l-art li missirijiethom ħallew.

Mill-kenn tal-Mediterran, ħarist u osservajt l-enormità tal-oċejan, fejn il-mewġ ħafna ogħla u akbar imma xorta huwa mortali u jinbidel f’ragħwa bajda meta jaħbat mal-blat. Il-gawwi jitlajja ma’ kullimkien u ċ-ċawl ankè ssibu mad-djar.

It-temp jaqleb u jinbidel daqs burdata ta’ adoloxxenti bil-ponot f’wiċċha li għadha tiskopri u ma tafx xi trid. Jilħaq l-erbgħin grad u kważi tbati biex tieħu nifs, u l-għada flok fl-istaġun li jmiss jinżel sa ħamsa u għoxrin grad u tixtieq li ġarrejt ġakketta miegħek.
U baqa' ħafna xi jsir u jinbidel.

2 comments:

David Cuschieri said...

Kemm niehu gost nara lil persuna li taf tuza l-Malti b'mod daqshekk artistiku! Prosit! :)

Huwa interessanti hafna meta wiehed jitlaq minn xtutna u jara li hemm tant affarijiet li qed jigru 'l boghod minn pajjizna! Ghadni qatt ma mort l-Awstralja, izda nista' nimmagina li tkun esperjenza li ma tintesa qatt!

Anonymous said...

Hi David,

ma stajtx titkellem ahjar dwar l-arti tal-malti ta' Jean.

Prosit Jean!!!

Sakemm tigi Malta z-zejt ikun sar 200 dollaru u l-OPEC jghid li huwa normali u ma hemmx panic.

Awguri mill-qalb habib.