Tuesday, January 1, 2008

Sejjer bil-mod

Minn din il-bloggata għaddew l-erbgħa u tletin ġurnata, u baqa’ lejl wieħed biss u ftit siegħat oħra. U l-lejl ma nafx kif se jgħaddi, hemm ħafna friefet jduru fl-istonku, qisu llum mhux ix-Xitwa imma r-Rebbiegħa u hemm ħafna fjuri għadhom jiftħu u l-friefet qegħdin jieħdu paċir jduru fuqhom waħda wara l-oħra.

L-arloġġ tal-Ewro nimmaġina li issa tneħħa wkoll, jekk le għallinqas in-numri issa spiċċaw minn fuqu. Imma fil-kartiera, l-karti tal-Ewro għadhom ma sabux posthom u minflok hemm xi ftit karti qishom tal-plastik ħodor fl-isfar b’wiċċ bil-mustaċċi b’ħarsa kemmxejn żorra. Karti li għaż-żmien li ġej irrid nidra u li se jsiru d-denominatorju tal-prezz materjalistiku li rrid niltaqa’ miegħu.

Il-bagalja saret wkoll, ġiet miżuna u qiegħda fil-limiti. Il-ħwejjeġ sajfin ma tantx tellgħu l-piż, ismi u l-indirizz ta’ fejn sejjer imdendel f’nosha bħal meta konna għadna fil-primarja. Jonqos issa xi żewġ bċejjeċ żgħar tal-aħħar minuta u kollox jingħalaq b’katnazz żgħir. Teknoloġija antika li sserraħlek ftit moħħok li ħwejjġek mhux se tinsterqilhom il-privatezza tagħhom, hekk kif se jduru minn kontinent għall-ieħor. L-affarijiet aktar ta’ preġju jinżammu f’idejk, l-ittri tibgħathom bil-posta waqt li d-dokumenti ta’ valur tibgħathom bil-messaġġier personali.

U l-ħolma qiegħda toqrob aktar. In-nagħas għadu ‘l-bogħod imma l-ħolma kważi quddiemi, għax il-ħolma nibtet mill-immaġinazzjoni u mhux mill-irqad. U mal-ħolm hemm il-prezz tar-responsabilità. Niftakar ma’ din il-frażi ltqajt l-ewwel darba magħha fil-ktieb eċċellenti, ‘Kafka on the Shore’ tal-Ġappuniż Haruki Murakami, frażi li iżda ġejja minn Yeats.

Immaġinazzjoni ta’ rutina mkissra, ta’ arloġġ li nikkmandah jien u mhux viċi-versa, skopertà ta’ x’toffri din il-gżira tant imbiegħda minn gżiritna, u eventwalment jiena min jien fil-fond fl-isfond ta’ dan kollu. U l-prezz ta’ dan sa issa jidher li hu l-kenn offrut minn din il-blata, il-familja li se nitbiegħed minnha u l-waqfa fuq is-sellum tal-karriera meta l-karrottu se jibqa’ jogħla biex jintlaħaq bija jew mingħajri. U l-mankanza tal-ħbieb ta’ ġewwa, li xi ftit minnhom ċċelebrajt l-għeluq tal-2007 magħhom il-bieraħ, meta moħħi kien diġa mbiegħed.

U jibdel din l-immaġinazjoni ta’ x’joffri dan il-kontinent f’realta’ hemm ajruplan li rrid naqbad għada u se jżommni fl-ajru mingħajr ma mmiss b’idi erbgħa u għoxrin siegħa oħra, prezz ieħor ma’ l-oħrajn li semmejna.

9 comments:

Anonymous said...

nispera li tkun ta esperjenza tal genn ghalik!

jean paul said...

Grazzi Nin :)

La delirante said...

Happy New Year Jean Paul!!

Anonymous said...

Il-vjaġġ it-tajjeb! Jiena ħabbejt l-Awstralja meta kont hemmek, u tibqa' waħda minn l-aħjar esperjenzi ta' ħajti. Ħu gost, osserva, isma'... u kompli tikteb fil-blog! Nispera naqra l-kelmiet tiegħek dwar dak il-kontinent sabiħ.

Anonymous said...

"...waħda MILL-aħjar esperjenzi..."

Ups, għamilt żbal :)

Anonymous said...

Nixtieqlek is-sena t-tajba, u li tiehu pjacir fil-vjagg tieghek. Ghandek blogg vera interesanti!:-)
keep it up...

Anonymous said...

Awguri Jean Paul minn qalbi.

Tinsiex issellili ghal Josephine Zammit Cordina.

Ciao king u l-vjagg it-twil it-tajjeb.

Nispera li ssib il-ferh hemmhekk habib.

Anonymous said...

Qiegħed naqra tard jien. Imma s'issa nittama li kellek vjaġġa tajjeb u li tkun esperjenza mill-aqwa.

Anonymous said...

Aw siehbi...Jien tad dawl zejjed??!!!.....jekk tiftakar??!!.....nispera li ma nsejtx id dawl mixghul did darba ax mhux naqra 'boost' ikollok bzonn imma hmara gdida!J'Alla qijed tiehu gost, u ghaliex le?? hekk haqqek!!Jien ninsab fil-gzira tal-gbejniet u int fil gzira sive kontinent!!Jien imkebbeb u int titperrec!Mur ghidilhom lil klijenti tieghek,li bhalissa qed tesperjenza shana tropikali liema bhala... huma jpinguk b'dik l-uniformi serja,l-ingravata m'ghonqok u int hemm b'dak il-bermuda ikkulurit jew inkella nazzarda nghid b'dik il-malja skullata...li hawn Malta rari tara bhala.Hawnhekk inhalli ftit hin ghal immagginazzjoni tal-ammiraturi tieghek..!!!!!!(PAWSA)Insomma,lura ghar realta' tal-hajja hawn Malta.Il-mawra tieghek nisthajjilha qisha iz-zjara tal Prim, kollox pjanat bil quddiem (kif jista jonqos meta inti tippjana hajjiet/??????? haddiehor).Nispera li ghadek issegwi il-'pixxina tal-fwied' bhal qatt qabel u mhux ghax mort f'pajjiz il-kangaroo bdejt tirraguna mghawweg u/jew b'ballun ovali...Bil-haqq, smajt?? Is-sinjura ix-xiha tilfet ma tac-cintorin (jew tal-kapitali)? Miskina,setghu hennew naqra ghaliHA......Jien ma baqghalix xi nghid habib.....nawguralek holiday sabiha u kulma tixtieq qalbek ghas sena 2008 u jekk xi darba ikollo bzonn toqghd tiddejjaq tibghatli xi LN (int tifhimni).Insellu ghalik jien u l-Port....jek trid spjegazzjoni ta din ahjar tibghatli SMS.........Awguri Siehbi........