Friday, December 14, 2007

Dawl żejjed


Ħriġt mix-xogħol ghall-ħabta tas-sagħtejn u nofs, u ħaffift il-pas għax bdiet traxxax xi ftit. Taqtir nieżel konsistenti bil-mod bil-kemm jxarrbek qisu ħiereġ minn doxxa ta’ sular ta’ fuq nett bi pressa baxxa.
Dħalt fil-karozza, u bdejt insuq lejn Buġibba u l-ajru donnu krieh, il-pressa tad-doxxa żdiedet ftit u l-atmosfera mgħejjuna mis-sħab ġiet aktar griża, bħal dak li għadu mhux deċiż jmurx għall-iswed jew għall-abjad, biss donnu bħalissa qiegħed jxaqleb lejn tal-ewwel.

U għalkemm għadna kmieni wara nofsinhar xegħelt id-dawl tal-karozza. Użanza rari użata hawn Malta. Niftakar meta mort l-ewwel darba Ruma, fil-qilla tax-xemx ta’ nofsinhar f’Lulju kienet l-ewwel ħaġa li osservajt. Karozzi kollha bil-fanali ta’ quddiem jixgħelu u x-xufier kien qalli li minn studju sabu li fanali ta’ quddiem mixgħula ovvjament jiġbdu aktar l-attenzjoni tas-sewwieq oppost u l-aċċidenti tat-traffiku naqsu bi kwart.
U ħassejtni qiegħed nagħti eżempju lis-sewwieqa l-oħra, nipprova ndaħħal użanza nobbli, u kull ma kien jonqos pjattaforma għolja bir-roti għal taħt il-karozza ħalli nidher u kulħadd jieħu din it-tagħlima.

Ftit wara wasalt fejn kelli nasal u pparkjajt. Ix-xita kienet għadha nieżla, u ħaffift il-pass lejn il-bar fejn kellna niltaqgħu. Dħalna, ħadna l-ewwel birra jew vodka, u bdew il-konversazzjonijiet tas-soltu. Ml-ħin ordnajna l-pizzez, kulħadd jaqsam u jħallat bħall-aħwa, u wara wasal il-ħin tar-rigali mill-imgħallem, li aħna nsejjħu l-boss. U jien messni ktieb li l-għażla tiegħu mill-imgħallem wera li studjani ftit mhux ħażin f’dawn ix-xahrejn li ilna flimkien u laqtitni l-kwotazzjoni ta’ George Bernard Shaw, ‘You will never write a good book until you have written some bad ones’.

L-attenzjoni waqgħet fuq l-Għawdxi tal-grupp u dħakna għax qal ċumbini fuq labar tal-inxir. Umbgħad qbadnieha fuq kemm jagħmel sens pont bejn Malta u Għawdex. Bejn jnaqqas mill-istrapazz tat-traġitt u l-użu bilfors tal-vapur, bejn li jsir aktar kummerċ bejnietna, u bejn li l-esklussivita ta’ Għawdex tintilef darba għal dejjem. Ma tħossokx li nqtajt biżżejjed minn Malta jekk se tqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk għax il-kumdità u l-faċilta jnaqqsu mill-gost u l-avventura. U wara ftakarna li bħalissa lanqas kapaċi nlestu l-pont ta’ Manwel Dimech, u l-argumenti waqgħu fix-xejn bħal meta qiegħed issaqsi għasfur f’gaġġa jippreferix dud jew ħaxixa selvaġġa x’jiekol, meta quddiema skalora biss għandu.

U gerbeb il-ħin u lill-Għawdxi wegħdtu li issa nwasslu saċ-Ċirkewwa. Wasalt fejn il-karozza u nara d-dawl ta’ quddiem għadu mixgħul, din id-darba naħseb biex ngerrex xi ħalliel. Dħalt fil-karozza u ovvjament din ma qabditx, bħal molla mgħattna li ma toqmosx.

U flok pjattaforma ta’ ftit siegħat qabel xtaqt ħofra biex nitgħatta mill-Għawdxi ta’ quddiemi li issa ma stajtx inwasslu. Imma għallinqas ma kienx tfajla.

1 comment:

Anonymous said...

Tajba man.........L-Ghawdxi!!