Kienu tliet snin li ma ħsibtx li qatt se tesperjenzahom. Kont taħseb li se tagħmel ħajtek f’bank. Tgħodd in-numri għal ħaddieħor. Ittella’ l-ismijiet mis-sorra tal-iżvinturati. Timmanipula l-oġġettiviżmu tan-numri. Imma ltqajt ma’ xi ħadd u imbuttatek. U qbiżt għal rasek. U tant għoġbok li kultant ma ridtx titla’ ’l fuq u nsejt lil kulħadd. Taf anke ’l min imbuttak. Dħalt f’lista fejn qatt ma kont wisq f’listi. Ġiet l-aħħar sena. Bdejt tibża’. Irrealizzajt li ma kellekx minn xiex tibża’. Fraħt ftit u bdejt taħseb għal sentejn oħra. U l-baħar inbidel ftit. Jew ħafna. Taf li ħafna. Forsi inti ma tadattax tajjeb daqskemm taħseb. U qrobt lejn l-aħħar ta’ Novembru. It-Tnejn, 29 ta’ Novembru, riħ jonfoħ, taf jaqleb kollox ta’ taħt fuq. Taf jaqleb il-burdata tat-tliet snin ta’ qabel. Mort għat-toga u tawk rigal. Wasalt id-dar ftaħtu u tmeżmiżt. Ir-rigal ma kienx b’xejn. Urtak. Tnejn Red Bull. Min huma biex jaħsbu li inti tikkrammja? Forsi ma kkrammjajtx għax ma kellekx bżonn tmur iddur l-imwejjed tieħu l-ordnijiet biex ikollok għall-petrol. Fejn immapinulawk jew immanipulajt ħallewlek xi ħaġa u minkejja l-manipulazzjoni ma rmejthomx. Filgħodu, laqgħa li ma marritx wisq tajjeb. Il-moral mal-art. Fit-triq fuq żewġ roti, ħassejt ftit qtugħ ta’ nifs, imma wasalt ukoll. Bħal ma ridtx terġa’ tmur lura lejn l-università, jew dik skola? Imma kont taf li se tmur. Imqar b’rispett. Il-kappell dejjaqlek rasek ta’ fuq, u l-proverbjali. Ħassejt kull sena tal-wieħed u erbgħin fik, li fost nies t’għoxrin skorruti kienu wisq. Kultant tbissimt. Kultant biss. Imxejt lejn is-sala għax ħassejt il-bard. Litanija ta’ ismijiet ma taqta’ qatt kellha traqqdek imma kellek litanija oħra ddur f’moħħok, kull element jilgħab għall-ewwel post. Wasal ismek. Tlajt, tawhulek, ħadtu, u mxejt lura. Ma stajtx tpoġġi bilqiegħda. Kellek tmur quddiem bozza tixgħel qisha trid tara x’għaddej ġo fik. Qalulek tbissem. Sfurzajt. Qata’ qalbu u ġibed ir-ritratt. Tlajt lura f’postok. Ħassejtek komuni. Irrealizzajt li xi ħaġa cum laude hi quċċata iebsa daqskemm titla’ f’penthouse bil-lift. Inti stinat u insistejt bit-taraġ. Ftakart li inti ggradwajt minn università bla ħanut tal-kotba. U fl-aħħar fhimt aħjar għaliex dawk jissejħu sirijiet jew miss.
Ħriġt ’il barra. Il-maskra ma dejqitekx. U sibt lil min tliet snin u nofs ilu fetaħlek biebu u kkonvinċik li postok l-università u s-suġġett tiegħek il-Malti. Qridt u qridt, ferrajt id-dubji ta’ bħalissa, ikkontradixxejt lilek innifsek, u fakkrek li kont imlebleb biex tgħallem. U tiegħek biss jimporta. Ħassejtek aħjar. Mortu d-dar ta’ qabel u ħadt żewġ ritratti m’ommok li bħalissa mwaħħla mas-siġġu. Ftaħtu flixkun inbid tajjeb flok il-ħall tas-soltu. Kiltu. Tajjeb bħas-soltu. Mortu d-dar. Qomt filgħodu, qbadt ir-rota u mort l-iskola, fejn qed tosserva.
Issa għaddew tlitt ijiem. Tħossok aħjar. Baqa' biss ftit ċiniżmu mwaħħal miegħek.