Did-darba, ma stennitniex wara l-kantuniera, u m’użatx ġinnastika. Ħaditna minflok lejn xifer l-irdum, żeffnitna u waqt li kienet hemm, la fakkritna li għal uħud ifisser it-tmiem u lanqas li hemmhekk ix-xemx meta titla’ jew tinżel tagħti spettaklu. Minn hemmhekk, ippreżentat karattri bi stejjer li jiġru fl-ibliet, kważi dejjem lil hinn minn Malta imma bl-għeruq jibqgħu jiġru xi mkien hawn u qishom ma jistgħux jinqalgħu. Hemm studenti li nqatgħu għal ftit, oħrajn li kellhom jaħarbu mill-pajjiż għax minkejja l-ftuħ li joffri l-irdum ma felħux il-klawstrofibità tal-gżira. Oħrajn ħarbu ħarba ta’ malajr. In-narratur kważi dejjem fl-ewwel persuna, il-verbi jibdew bl-‘n’ bħal isimha. Forsi l-istint poetiku ta’ ġo fiha ma jafx ma jiktibx hekk, ma jinteressahiex li toffri aktar bilanċ. Hemm storja ta’ xi ħadd li trid twassal u lesta xxidd il-libsa tagħha. Kultant tilgħab bil-kliem iżżejjed, u tistaqsi fejn se tieħdok, imma umbgħad tagħlaq b’nofs sentenza li jaħfer il-logħob tal-kliem ftit żejjed.
Il-protagonisti kważi kollha nisa, kultant jiskappa l-element femminista li jinħass umiljat li ġie offrut barmil tal-ilma ġdid, drabi oħra toħroġ il-fraġiltà tal-omm li qisu l-ebda kittieb maskili m’azzarda jmiss is-sanktità tagħha, kellha tkun hi.
Hija ġabra ta’ sittax-il storja qasira, li timmaġina li se jkollok il-favoriti u inqas favoriti. Imma l-ispeċjalità ta’ din il-ġabra hi li mumenti u karattri minn storja jerġgħu jfiġġu fi stejjer differenti, u għalhekk ngħid li hawnhekk Mifsud offriet xi ħaġa li tmur oltre mill-ġabriet l-oħra mdorrijin bihom. Kienet Clare Azzopardi l-aħħar darba li għamlet l-istess permezz tal-ġabra Kulħadd Ħalla Isem Warajh. Hemm nisġa bejn storja u oħra, ħa tfakkrek f’karattri li ftit ilu kont qrajt fuqhom, ħa terġa’ tieħdok lura qabel tmexxik ’il quddiem. Il-karattri li tatek dewqa tagħhom qabel, ħa tiftaħlek tieqa oħra fuqhom fi stejjer oħra, u waqt li tkun hemm tfakkrek kemm taf tilgħab bil-kliem. U bik.
Imma fil-letteratura aktar minn sempliċiment tajba anki jekk ikun hemm min żeffnek meta int ma tafx tiżfen ma jimportax.