Thursday, December 2, 2021

Ċerimonja

Kienu tliet snin li ma ħsibtx li qatt se tesperjenzahom. Kont taħseb li se tagħmel ħajtek f’bank. Tgħodd in-numri għal ħaddieħor. Ittella’ l-ismijiet mis-sorra tal-iżvinturati. Timmanipula l-oġġettiviżmu tan-numri. Imma ltqajt ma’ xi ħadd u imbuttatek. U qbiżt għal rasek. U tant għoġbok li kultant ma ridtx titla’ ’l fuq u nsejt lil kulħadd. Taf anke ’l min imbuttak. Dħalt f’lista fejn qatt ma kont wisq f’listi. Ġiet l-aħħar sena. Bdejt tibża’. Irrealizzajt li ma kellekx minn xiex tibża’. Fraħt ftit u bdejt taħseb għal sentejn oħra. U l-baħar inbidel ftit. Jew ħafna. Taf li ħafna. Forsi inti ma tadattax tajjeb daqskemm taħseb. U qrobt lejn l-aħħar ta’ Novembru. It-Tnejn, 29 ta’ Novembru, riħ jonfoħ, taf jaqleb kollox ta’ taħt fuq. Taf jaqleb il-burdata tat-tliet snin ta’ qabel. Mort għat-toga u tawk rigal. Wasalt id-dar ftaħtu u tmeżmiżt. Ir-rigal ma kienx b’xejn. Urtak. Tnejn Red Bull. Min huma biex jaħsbu li inti tikkrammja? Forsi ma kkrammjajtx għax ma kellekx bżonn tmur iddur l-imwejjed tieħu l-ordnijiet biex ikollok għall-petrol. Fejn immapinulawk jew immanipulajt ħallewlek xi ħaġa u minkejja l-manipulazzjoni ma rmejthomx. Filgħodu, laqgħa li ma marritx wisq tajjeb. Il-moral mal-art. Fit-triq fuq żewġ roti, ħassejt ftit qtugħ ta’ nifs, imma wasalt ukoll. Bħal ma ridtx terġa’ tmur lura lejn l-università, jew dik skola? Imma kont taf li se tmur. Imqar b’rispett. Il-kappell dejjaqlek rasek ta’ fuq, u l-proverbjali. Ħassejt kull sena tal-wieħed u erbgħin fik, li fost nies t’għoxrin skorruti kienu wisq. Kultant tbissimt. Kultant biss. Imxejt lejn is-sala għax ħassejt il-bard. Litanija ta’ ismijiet ma taqta’ qatt kellha traqqdek imma kellek litanija oħra ddur f’moħħok, kull element jilgħab għall-ewwel post. Wasal ismek. Tlajt, tawhulek, ħadtu, u mxejt lura. Ma stajtx tpoġġi bilqiegħda. Kellek tmur quddiem bozza tixgħel qisha trid tara x’għaddej ġo fik. Qalulek tbissem. Sfurzajt. Qata’ qalbu u ġibed ir-ritratt. Tlajt lura f’postok. Ħassejtek komuni. Irrealizzajt li xi ħaġa cum laude hi quċċata iebsa daqskemm titla’ f’penthouse bil-lift. Inti stinat u insistejt bit-taraġ. Ftakart li inti ggradwajt minn università bla ħanut tal-kotba. U fl-aħħar fhimt aħjar għaliex dawk jissejħu sirijiet jew miss.

 

Ħriġt ’il barra. Il-maskra ma dejqitekx. U sibt lil min tliet snin u nofs ilu fetaħlek biebu u kkonvinċik li postok l-università u s-suġġett tiegħek il-Malti. Qridt u qridt, ferrajt id-dubji ta’ bħalissa, ikkontradixxejt lilek innifsek, u fakkrek li kont imlebleb biex tgħallem. U tiegħek biss jimporta. Ħassejtek aħjar. Mortu d-dar ta’ qabel u ħadt żewġ ritratti m’ommok li bħalissa mwaħħla mas-siġġu. Ftaħtu flixkun inbid tajjeb flok il-ħall tas-soltu. Kiltu. Tajjeb bħas-soltu. Mortu d-dar. Qomt filgħodu, qbadt ir-rota u mort l-iskola, fejn qed tosserva. 

 

Issa għaddew tlitt ijiem. Tħossok aħjar. Baqa' biss ftit ċiniżmu mwaħħal miegħek. 

Monday, November 15, 2021

żifna f'xifer irdum


Xi darba, daqs sitt snin ilu, Nadia Mifsud, inħbiet wara l-kantuniera u minflok tatna qatgħa qabditilna jdejna u daħħlitna ’l ġewwa. Dakinhar, għażlet il-forma tal-poeżija, b’versi ħielsa, u kultant ġinnastika ta’ kliem li sfidaw ir-riġidita orizzontali. Donnu riedet tgħidilna jien Bormliża, imdorrija bit-turġien u allura ħa nqabbiżkom ftit minn tarġa għal oħra, anki jekk għall-bżonn tistordu ftit u taqtgħu nifiskom.

 

Did-darba, ma stennitniex wara l-kantuniera, u m’użatx ġinnastika. Ħaditna minflok lejn xifer l-irdum, żeffnitna u waqt li kienet hemm, la fakkritna li għal uħud ifisser it-tmiem u lanqas li hemmhekk ix-xemx meta titla’ jew tinżel tagħti spettaklu. Minn hemmhekk, ippreżentat karattri bi stejjer li jiġru fl-ibliet, kważi dejjem lil hinn minn Malta imma bl-għeruq jibqgħu jiġru xi mkien hawn u qishom ma jistgħux jinqalgħu. Hemm studenti li nqatgħu għal ftit, oħrajn li kellhom jaħarbu mill-pajjiż għax minkejja l-ftuħ li joffri l-irdum ma felħux il-klawstrofibità tal-gżira. Oħrajn ħarbu ħarba ta’ malajr. In-narratur kważi dejjem fl-ewwel persuna, il-verbi jibdew bl-‘n’ bħal isimha. Forsi l-istint poetiku ta’ ġo fiha ma jafx ma jiktibx hekk, ma jinteressahiex li toffri aktar bilanċ. Hemm storja ta’ xi ħadd li trid twassal u lesta xxidd il-libsa tagħha. Kultant tilgħab bil-kliem iżżejjed, u tistaqsi fejn se tieħdok, imma umbgħad tagħlaq b’nofs sentenza li jaħfer il-logħob tal-kliem ftit żejjed.

 

Il-protagonisti kważi kollha nisa, kultant jiskappa l-element femminista li jinħass umiljat li ġie offrut barmil tal-ilma ġdid, drabi oħra toħroġ il-fraġiltà tal-omm li qisu l-ebda kittieb maskili m’azzarda jmiss is-sanktità tagħha, kellha tkun hi. 

 

Hija ġabra ta’ sittax-il storja qasira, li timmaġina li se jkollok il-favoriti u inqas favoriti. Imma l-ispeċjalità ta’ din il-ġabra hi li mumenti u karattri minn storja jerġgħu jfiġġu fi stejjer differenti, u għalhekk ngħid li hawnhekk Mifsud offriet xi ħaġa li tmur oltre mill-ġabriet l-oħra mdorrijin bihom. Kienet Clare Azzopardi l-aħħar darba li għamlet l-istess permezz tal-ġabra Kulħadd Ħalla Isem Warajh. Hemm nisġa bejn storja u oħra, ħa tfakkrek f’karattri li ftit ilu kont qrajt fuqhom, ħa terġa’ tieħdok lura qabel tmexxik ’il quddiem. Il-karattri li tatek dewqa tagħhom qabel, ħa tiftaħlek tieqa oħra fuqhom fi stejjer oħra, u waqt li tkun hemm tfakkrek kemm taf tilgħab bil-kliem. U bik.

 

Imma fil-letteratura aktar minn sempliċiment tajba anki jekk ikun hemm min żeffnek meta int ma tafx tiżfen ma jimportax.