Jidher li kulħadd irid jiekol, imma mhux ħafna jridu jomgħodu. Jerġa’ anqas huma lesti li jaħsbu mnejn l-ikel fuq il-platt ġej. Il-biedja f’Malta tinsab fi kriżi, u skont il-bdiewa nnifishom il-moral tagħhom qiegħed fl-istess livell tal-art li minnha jtuna x’nieklu. Imma ftit jidhru nkwetati b’din is-sitwazzjoni. Il-bidwi sfortunatament ftit għandu leħen, u l-gaffa tal-iżvilupp mhux biss ħaditlu ħafna mill-art li darba kien jaħdem hu stess imma wkoll qed tordmu ftit ftit. Forsi jiena stess m’għandix għalfejn nistgħaġeb daqstant għax ġej minn familja li temgħet u kielet hi stess mir-raba, imma ħafna drabi ħassejt id-disprezz ta’ sezzjonijiet tas-soċjetà Maltija lejn il-bidwi, li l-kallijiet f’idejh sforz il-ħamrija jagħmluh jidher anqas sofistikat. Imma n-natura qatt kienet wisq stmata minna?
Dan l-aħħar
fil-midja lokali ħarġet aħbar li lill-bidwi poġġietu f’ilsien in-nies. “Il-prodott Malti jidher li għandu l-aktar
pestiċida fl-Unjoni Ewropea.” Ftit wara
b’tipi ħafna anqas kbar, lil hinn mid-drammatiċità tal-istess titlu ħarġu
affarijiet oħra. Fost oħrajn ħareġ li
dawn it-testijiet saru fuq pereżempju bżara ħadra waħda jew tnejn. Irħejtha lejn wieħed mill-irħula li r-raba u
l-bidwi għadu jeżisti biex niddiskuti dan kollu. “Kif tista’ tkun reali b’test fuq ammonti
tant żgħar. Jista’ survey tal-elezzjoni
jsir fuq tlieta min-nies biex tħoss polz il-poplu?” Ħareġ li waħda mill-problemi kbar hija li
dawn it-testijiet iqumu mijiet tal-liri u ma jsirux f’Malta għas-sempliċi raġun
li f’Malta m’hawnx laboratorju li jista’ jagħmel testijiet speċifiċi.
Il-pestiċida
għandha l-prezz tagħha u l-bidwi mhux se juża l-pestiċida għalxejn b’xejn. Speċjalment meta tqis li l-qligħ għall-bidwi
dejjem qed jittiekel aktar milli qed jittiekel il-prodott li joffri. Sakemm il-prodott jinqata’ fi żmien biżżejjed
minn wara li jiġi applikat il-bexx, il-periklu jitlaq. Il-pestiċida bħall-mediċina. Sakemm tintuża b’mod tajjeb, l-effetti huma
mnaqqsa. Ukoll, skont ir-regoli
tal-Unjoni Ewropea kull tip ta’ pestiċida li jidħol fil-pajjiż għandu jkun
reġistrat fil-pajjiż. Kien hemm min ta
x’jifhem li ċertu pestiċidi qegħdin jidħlu speċifikament f’Malta biss. Il-bidwi li tkellimt miegħu b’tant pjaċir,
jirribattiha bis-saħħa kollha. “Taħseb
li dawn il-kumpaniji multinazzjonali se jinvestu f’tip ta’ bexx għalina biss,
meta in-numru tagħna kkumparat ma’ ta’ pajjiżi oħra huwa sempliċiment tikka? Għalihom dan ma jagħmel ebda sens
finanzjarju.”
Personalment,
insibha diffiċli nemmen li barra minn Malta fejn hemm kumpaniji enormi wara
l-prodotti agrikoli, u bla dubju għalihom il-profitti jiġu l-ewwel u qabel
kollox, iħaddnu etika għola minn tal-bidwi Malti.
Il-bdiewa qegħdin
jaqblu mal-ħafna stqarrijiet ta’ xjenzisti li d-dinja għaddejja mit-tibdil
tal-klima. Huwa l-bidwi li jħoss fuq
rasu t-tibdil ix-xemx taħraq aktar, u aktar minn hekk il-wasla ta’ ċertu
parassiti ġodda li ġġib magħha din il-bidla.
Dawn l-aħħar tlett snin pereżempju waslet parassita ġdida li attakkat
b’mod speċjali t-tadam.
Laqatni fil-laħam
il-ħaj. Jiena nadura t-tadam. Naraha frotta umli li tista’ ddaħħalha ma’
kollox. Dan l-aħħar spiċċajt nqatta’
flieli flieli kull tadama biex innaddafha. Ftit jiem ilu, imma rnexxieli tadam sabiħ,
aħmar nar. Ma stajtx ma nixtrihx. Imma meta gdimt l-ewwel gidma ndunajt li
t-tadam bl-apparenza tiegħu kien gidimni ferm qabli. Kien togħma tal-plastik. Kien ta’ barra.
Jista’ l-pajjiż
tagħna jippermetti li l-prodott tagħna tant bnin li jinqata’ fl-istess jum li
jasal fil-platt tagħna ma nibżgħux għalih?
Il-kelma organic bħalissa hija l-kelma tal-moda
ta’ bħalissa. Imma kemm verament dawn
ikunu lokali? Il-prodott jiġi affetwat
mhux mill-bexx biss. It-tniġġis fl-arja
jaffettwa daqstant ieħor. Xi rziezet jew
forsi aħjar kumpaniji li jpinġu lilhom infushom bħala organiċi qegħdin
mat-toroq, mnejn jgħaddu eluf ta’ karozzi jdħaħħnu kuljum. Ma jiddistingwux lanqas bejn prodott lokali u
prodott importat, li min jaf kemm inqata’ qabel u kellu jiġi trasportat u
għalhekk ħammeġ xi ftit jew wisq l-ambjent.
“Il-pitkalija
għandha bżonn riforma immedjata bħal kif kellha l-pixkerija. M’hemm sistema ta’ xejn. Lanqas biss inkunu nafu kemm qed indaħħlu mill-istess
prodott u x’domanda hemm għalih ħalli nieħdu prezz ġust. M’hemm traċċibilita ta’ xejn. Tagħti ħarsa lejn is-soqfa mtaqqba biżżejjed
inti biex tinduna kemm qiegħda fi stat ħażin.
Il-prodott tagħna għandu jkun preżentat bl-aħjar mod possibbli, wara
kollox l-ewwel ma tiekol l-għajn. U
rridu nibdew minn ras il-għajn, cioe mill-pitkalija. Il-bidwi huwa mgħaffeġ wisq biex jaħdem
fuq marketing tal-prodott tiegħu. Għandu bżonn l-għajnuna mill-pajjiż, li qed
jipprovdi huwa parti mill-ġid nazzjonali li m’huwiex imħallas ġustament għalih,
bħal kif inġustament kultant tara prodott medjokri ta’ barra fil-kannestri
tagħna.”
Il-bidwi wkoll
qed jonqoslu r-raba li jaħdem tant li qiegħed jaħdem l-istess raba jum wara
ieħor mingħajr ma jkollu għelieqi li jtihom nifs. Is-sostennibilità qed tiġi affettwata
negattivament. Tidher kontradittorja
meta tqis li qed ngħidu li l-bdiewa qed jonqsu.
Imma, is-sistema preżenti ma tippermettix li r-raba jdur minn bidwi għall-ieħor
b’mod naturali. Kull art agrikola
tal-istat li ma tibqax tinħadem għax bidwi jżarma, jirtira jew imut tiġi
ppreżentata f’tender. Bħalissa, nies
mhux bdiewa qed japplikaw għal din l-art għal skopijiet ta’ rikreazzjoni u qed
jgħollu l-prezz għal madwar €40,000 it-tomna, prezz impossibbli u bla
ebda sens ekonomiku għall-bidwi.
“Il-bidwi ilu
mir-referendum tal-UE jiġi mwiegħed li din is-sistema se tiġi rranġata. Huwa b’hekk biss li bidwi ġenwin jista’
jkabbar l-operat tiegħu u jibqa’ sostenibbli.
Partit wara partit wiegħed fil-manifest elettorali li din is-sistema se
tinbidel imma sa issa kienet wegħda fiergħa.
F’ġieħ l-agrikoltura u s-sens komun, huwa importantissmu li din il-bidla
sseħħ.”
Ftit ġimgħat ilu
ħarġet aħbar li l-pajjiż sinjur tal-Qatar kien qed jiffaċċja nuqqas ta’
ikel. L-ikel ta’ dan il-pajjiż huwa
kważi kollu importat u minħabba tensjonijiet diplomatiċi ħafna pajjiżi ddeċiedu
li ma jesportawx ikel lejh. Aħna ‘l
bogħod minn hekk, imma ma nistgħux nippermettu li l-biedja tmur il-baħar u
niddependu kompletament minn barra.
Malta hija gżira u l-importazzjoni ġġorr prezz għola. Li għandna ġewwa rridu nibżgħu għalih. Bħal kif irrealizzajna li l-frawla Mġarrija
hija speċjali, irridu nirrealizzaw li l-bidwi Malti huwa daqstant ieħor
speċjali. Ma jagħmilx sens li l-Olandiżi
jieklu l-patata tagħna u aħna nieklu l-patata tagħhom għax irħas.
Il-biedja ħobżna
daqs il-ħobża.
Dan l-artiklu deher fit-Torċa ta' nhar il-Ħadd, 19 ta' Awwissu, 2018.