Wara x-xokk, ħassejt
li kien dmiri li mmur il-vġili ġewwa Tas-Sliema. Daphne Caruana Galizia ma kienetx xi
ġurnalista favorita tiegħi. Pereżempju
ma niftakarx li qatt xerridt ħolqa mill-blogg tagħha fuq il-paġna tiegħi. Kultant ħassejtha wisq klassista, u wisq personali,
meta sa fejn naf jien ġurnalist għandu dejjem jiġġieled l-argument mhux il-persuna. Imma jiena wkoll għandi rispett kbir lejn
il-ġurnalisti ta’ veru. Dawk
il-ġurnalisti li mhumiex parti minn magna ta’ propoganda. U jiena nħoss li turi x’inti meta turi
rispett lejn min ma taqbilx miegħu mija fil-mija, għax mhux dejjem jgħid dak li
inti tridu jgħid. Inħoss li turi x’inti
meta turi rispett anke lejn dik il-persuna li tiġġieled ġlieda, anke jekk
kultant tintlaqat minn xi daqq ta’ pont tagħha ‘l hemm u ‘l hawn. Għax inti mhux qiegħed hawn biex tibqa’ bla
mittiefes.
Wasalt Tas-Sliema
mingħajr ebda xemgħa f’idi. Apparti li
mingħajr xemgħa, ħassejtni xi ftit bħal Ġiljaniż f’Tas-Sliema meta Tas-Sliema
jkunu għadhom kif rebħu kampjonat ieħor tal-waterpolo. Xi kliem minn taħt l-ilsien u ieħor mhux
daqstant minn taħt beda jwassalli f’widnejja li erġajna lura lejn
it-tmeninijiet. F’dak id-djalett
semi-Ingliż li kultant idarrasni. Jiena
tifel tat-tmeninijiet. Twelidt
fl-1980. Ġej minn familja Laburista, li
forsi kellhom xi ferita ‘l hemm u ‘l hawn tas-sittinijiet. Ġej minn missier li fil-jum ta’ qabel waqt
programm tar-radju fuq il-kitba tiegħi għax tkellimt fuq l-ambjent qalli
biċ-ċajt u mhux biċ-ċajt li nitkellem ta’ nazzjonalist. U ma nafx jekk kienx dak id-djalett jew dik
il-battuta ta’ missieri li rritatni jew weġġgħetni l-aktar.
Imma lil hinn
minn djaletti u battuti, inutli nitkellem fuq weġgħat meta ġurnalista spiċċat
biċċiet ‘l hemm u ‘l hawn. L-istat
tal-ġurnaliżmu tagħna huwa medjokri.
Forsi jirrifletti s-sistema edukattiva tagħna li flok nippruvaw naħsbu,
jgħidulna x’għandna nitgħallmu bl-amment ħalli niksbu aktar marki. Jew bħal meta niftakar kont għadni tifel u
kienu jtuna dawk l-istickers sofor biex inwaħħluhom fuq il-bieb ta’ barra ħalli
membri tal-Ġehovah ma jħabbtulnix. Għax
taf jgħidulna xi ħaġa u jġegħluna naħsbu.
U nidħlu f’dubju. U d-dubju
l-akbar għadu tal-moħħ daqskemm mixja hija l-akbar għadu għal saqajna.
Qiegħed
nirrealizza li forsi jiena wkoll qatt ma tajt l-appoġġ sħiħ lil min kien
qiegħed jipprova jtella’ l-livell tal-ġurnaliżmu f’Malta, għax forsi kultant
ħassejt li kienet qiegħda tagħfas il-klassi li jiena ġej minnha. Qiegħed forsi wkoll nirrealizza li kont qed
ngħix gidba. Qiegħed nitlef il-fiduċja
f’pajjiżi. Qisni qed nara lil pajjiżi
jitlef l-innoċenza tiegħu, li l-baħar ikħal ileqq mhux wisq aktar minn ġawhar
m’għonq mara li għadha kif qatgħulha sidirha minħabba xi kankru. Mhux biss minħabba l-bomba, imma aktar
għar-reazzjoni ta’ ċertu nies lejn din l-atroċità. Kulħadd jara f’min se jwaħħal, u ħadd ma
jgħid li forsi hu stess bħalma issa ngħid li jiena kont, kont parti minn dan
id-delitt. Kont parti minn dan id-delitt
għax forsi qatt m’għamilt pressjoni bil-mod tiegħi biex din il-ġurnalista li
ħarġet minn triqitha jkollha l-protezzjoni meħtieġa, u ħafna drabi oħra kitba
fuq il-kriminalità fuq gżiritna rarament ħadtha bis-serjeta meta
fl-istess nifs fil-librerija għandi żewġ kotba ta’ Roberto Saviano.
Tgħallimt li rrid
naċċetta aktar id-differenzi ta’ ħaddieħor, bid-djaletti differenti li forsi
kultant inħosshom ta’ xi ħadd li jrid jitkessaħ. Għax il-verità m’għandiex djaletti, u
pajjiżna hu x’inhu bid-differenzi kollha li għandu. Dak li ġara fis-sittinijiet, fit-tmeninijet,
in-nies jitkellmu fuqhom għax għaddew minnhom.
Min iħoss wieħed u min iħoss ieħor.
Imma jien ma rridx inkun parti minn ġenerazzjoni li tħalli l-ġrieħi u
tħammar wiċċ lil ta’ warajha.
Meta dalgħodu
xrift ‘il barra mid-dar biex interraq ftit, ħassejt aktar dlam mis-soltu u
l-arja aktar tqila. Waħħalt ftit mużika
f’widnejja biex forsi ntarrax ftit ‘il ħsibijiet li għamluli rasi qartalla u
nammetta li għal sekonda orribli meta kont f’mogħdija u ġiet karozza minn
warajja u tawwlitli delli ħassejt ħajti tiqsar.
Biex il-ħajja ta’
dan il-pajjiż titwal u tisbieħ jeħtieġ aktar min iqum fuq saqajh u jgħajjat u
jħabbel moħħu u l-qawl ta’ missirijietna ‘rajt ma rajtx smajt ma smajtx’
jaħarqu u jħalli l-ħuġġieġa tiegħu tixgħellu triqtu.