Ritratt: Virginia Monteforte |
Kull darba li
l-editur tani ċ-ċans biex nikteb kelmtejn fuq dawn il-paġni dejjem
iddedikajthom għall-kawża tal-immigranti f’Malta. Illum se nkompli f’din il-vena, minkejja li
l-kelma immigrazzjoni ma ssemmiet
qatt waqt kampanja elettorali sħiħa. Forsi
għax min m’għandux vot, ma jixraqlux li jissemma. F’termini ta’ statistika huwa mifhum li
n-numri qatt ma jigdbu. Allura min
m’għandux vot, lanqas biss numru ma huwa u tista’ taħseb kemm aktar u aktar
għandu isem jew leħen li jistgħu jwasslu għal ftit dinjita.
Forsi wkoll dan
huwa sinjal tajjeb, għax fl-ebda ħin ma kien hemm min prova jirbaħ il-vot billi
jbeżża’ bil-babaw. Ukoll għax il-biżgħat
li kienu jinfilsaw f’moħħ in-nies xi talin dwar l-immigranti li għad jibdew
jiklulna ħobżna sfaxxaw fix-xejn bin-numri preżentati mill-Ministru
tal-Ekonomija, li wrew li ħolqu aktar xogħol milli ħadu. U li b’ton forsi msefsef, qed jgħidilna li għandna
bżonnhom.
Nista’ nimmaġina
kif immigrant iħossu waqt kampanja elettorali speċjalment f’pajjiż bħal tagħna
fejn din tiddomina l-ħajja ta’ kuljum.
Nimmaġina li jkun bħal dak it-tifel li jara lil sħabu kollha tal-iskola
bl-aħħar ġugarell u hu b’idu f’idu.
Daqs tlett
ġimgħat ilu wkoll kelli x-xorti niċċelebra suċċess ta’ immigrant. Jekk forsi hawn min jaħseb li qiegħed nikteb
dan kollu għax nixtieq inħokk dahar xi ħadd biex forsi jħokkli tiegħi darb’oħra,
nibda billi npoġġi l-karti tiegħi fuq il-mejda u ngħid li dan l-immigrant huwa
ħabib tiegħi personali.
Is-suċċess ta’
dan l-immigrant imma ma kienx biss tiegħu personali. Kien ukoll għall-ilsien Malti. L-ilsien Malti jsib biżżejjed ostakli
min-nies li wirtu dan mingħand ommhom stess.
U meta tara l-linka terħi ħsus l-ilsien Malti fuq il-karta b’ċertu sengħa,
rispett u mħabba minn xi ħadd li ommu x’aktarx qatt ma semgħet b’Malta aħseb u
ara kemm setgħet tgħaddilu l-vokali u konsonanti Maltin ma tistax ma
tifraħx. Tirrealizza li l-immigranti
jagħtuna ħafna aktar min-numri għall-kotba li jinqraw fil-budget ta’ kull sena.
Walid Nabhan,
Palestinjan li twieled fil-Ġordan ilu jagħtina xogħlijiet letterarji sa
mill-2009, meta permezz ta’ ġabra ta’
stejjer qosra Lura d-Dar u Ġrajjiet oħra
li ma ġrawx ħabbat fuq il-bieb tal-letteratura Maltija forsi bi ftit mistħija
imma b’ponn sod biżżejjed li dewa u nstema’.
Min fetaħlu l-bieb żgur li ma ddispjaċiehx, tant li sentejn wara mar
quddiem il-pubbliku b’kollezzjoni oħra bl-isem ta’ Leħen tal-Fuħħar. Sakemm
tħallat il-fuħħar mal-ilma, għandek iċ-ċans li tagħġen u tibni forom kif
trid. Imma la darba jinxef, isir
permanenti. Xi drabi jintuża għal
skopijiet utilitarji, drabi oħra għal skopijiet dekorattivi. B’din il-ġabra l-kittieb adottat laqat
it-tnejn. Żejjen il-letteratura Maltija
bil-metafori tiegħu u bis-saħħa tal-bżonnijiet ta’ sopravivenza tiegħu li ma
jħalluhx bi kwietu fakkarna min xiex jgħaddi ħaddieħor inqas privileġġjat.
Waqt li l-proża
fiha ħafna anqas regolamenti, u tħallik tgħid li trid, jidher li din ma kienetx
biżżejjed għal Walid. Ried jesprimi ruħu
f’konfini ta’ sillabi u ritmi permezz ta’ ġabra ta’ poeżiji bl-isem ta’ Fi triqti lejha.
Ir-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji ppublikat mill-Klabb
Kotba Maltin fl-2013 (bħall-bqija ta’ xogħlu) spiċċa biex wassal lil Walid
għall-Premju Letterarju mill-Unjoni Ewropea ta’ din is-sena, premju li jingħata
kull tlett snin, u li ġie evalwat minn erba’ ġurati nnominati mill-Akkademja
tal-Malti u ieħor mill-Federazzjoni ta’ Publikaturi Ewropej. L-istorja internazzjonali ta’ Palestinjan li
qatt ma għex fejn familtu ssejjaħ artha inkitbet bil-lingwa tagħna u f’mumenti
uriet riflessjonijiet fuq Malta stess, li lili personali għenitni nitgħallem
aktar fuq arti u fuqi nnifsi stess, għax kultant issir taf fuq innifsek ħafna
aktar mil-lenti ta’ ħaddieħor milli minn tiegħek stess.
Dan l-immigrant
ħallasna wkoll lura taċ-ċittadinanza li tajnieh wara ħafna u ħafna snin u battikati,
billi wkoll esporta l-poeżija Maltija fid-dinja Għarbija, meta riċentament
ttraduċa l-poeżiji ta’ Adrian Grima fl-ewwel lingwa tiegħu. Dan il-ktieb ġie mniedi fl-Eġittu.
Bħal kif ħafna
Maltin ħallew isem ‘il barra minn xtutna, persuni bħal Walid qed jagħtu lilna
li ddeċidejna li nibqgħu hawn dimensjoni oħra ta’ Mediterranjenità. Jekk forsi fir-rumanz tiegħu jirrakkonta kif
iċ-ċikonji ukoll telqu mid-dinja Għarbija, ċikonju mill-isbaħ iddeċieda li
jbejjet għandna.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Ġunju, 2017.
Il-ktieb L-Eżodu taċ-Ċikonji jista' jinkiseb minn hawn.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Ġunju, 2017.
Il-ktieb L-Eżodu taċ-Ċikonji jista' jinkiseb minn hawn.