Jinqalalek xi
ħaġa, u ċċempel f’Call Centre rasek
mimlija li se ssolvi kollox. Tagħfas
in-numri mill-kumdita ta’ darek u fi ftit ħin issir vampa. Dik li kienet tidher sempliċiment tikka
tinbidel f’sekwenza ta’ frustamenti.
Jgħidulek b’ċertu pulitezza jew forsi paternaliżmu li l-linji kollha
qegħdin okkupati imma qegħdin jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jaqduk
mill-aktar fis. Jirnexxielek taqbad u tant
tkun ilek tisma’ leħen rekorjdat li tinsa li qed titkellem ma’ persuna aktar
milli ma’ robot. Forsi tgħolli leħnek
miegħu u tispiċċa taħlef li se taqta’ kull servizz li għandek ma’ din
il-kumpanija. Call Centre għal erbgħa u għoxrin siegħa imma biex jibagħtulek xi
ħadd id-dar biex issewuwlek is-servizz tagħhom taf trid iddum erbgħa u għoxrin
jum. Taf qed titkellem ma’ kumpanija ta’
komunikazzjoni u hemm kollox ħlief komunikazzjoni. Qalbek tgħidlek li dan l-istess persuna li
qiegħed ikellmek bħalissa kien l-istess wieħed li ċempillek daqs sena ilu
b’ħafna ħlewwa u wegħdek ġenna tal-art.
Illum ma jridx iċedi pulzier. Jixtieq jgħinek imma ma jistax. Qabel id-data li qallek mhu se jibgħatlek lil
ħadd. Id-dinja tħossha spiċċat u inti
l-akbar żvinturat fid-dinja. Għada stess
taħlef li se taqbeż qabża għand il-kompetitur biex tbiddel kollox, bħal li
kieku mhux diġà biddilt kollox sena ilu minn magħhom fuq l-istess problema. Kulma xtaqt ftit min jifhmek. Imma ħadd ma fehmek.
Dan l-aħħar
ir-rivista Taljana L’Espresso ħarġet
pubblika telefonata li persuna kien qiegħed jagħmel mal-awtoritajiet Taljani li
kien qiegħed fuq dgħajsa fil-baħar Mediterran.
It-telefonata marret xi ħaġa hekk.
Persuna Sirjana
(S): Hello?
Persuna Taljana
(T): Iva.
S: Ok, titkellem
bl-Ingliż?
T: Iva nitkellem
bl-Ingliż, iva. Il-pożizzjoni tiegħek,
il-pożizzjoni tiegħek.
S: Qegħdin tlett
mitt persuna fuq id-dgħajsa.
T: Tlett mitt
persuna? Tlett mija? Tlieta, żero, żero?
S: Iva, tlieta,
żero, żero.
T: Nies
abbord? Għandkom tfal?
S: Madwar mitt
tifel, mitt mara u forsi mitt raġel.
T: Tlaqtu
minfejn? Libja? Minfejn?
S: Iva.
T: Libja?
S: Minn
Zuwara. Jekk jogħġbok għaġġel. L-ilma dieħel ġewwa. Jekk jogħġbok għaġġel. Jekk jogħġbok għaġġel. Jekk jogħġbok.
T: Sinjur, intom
qegħdin timxu jew weqfin?
S: Qegħdin nimxu
bil-mewġ. Naħliflek li qegħdin
f’emerġenza kbira. Jekk jogħġbok, jien
tabib. Jekk jogħġbok.
T: X’inhi
l-problema?
S: Id-dgħajsa qed
tegħreq. Naħliflek, hawn daqs nofs metru
ilma fid-dgħajsa.
T: Tajjeb,
ismek. Ismek.
S: Jisimni
Mohammed Jammo, jien tabib.
T: Mohammed Jammo?
S: Jammo. Jien Mohammed Jammo.
T: Sinjur,
irrepeti l-pożizzjoni tagħkom.
Il-pożizzjoni tagħkom, irrepeti.
S: Nord, 34 20
18. Hi l-istess. U Lvant 12 42 05.
T: Tajjeb. Grazzi sinjur. Grazzi.
S: Grazzi.
Daqs 38 minuta wara
T: Hello?
S: Hello, jekk
jogħġbok bgħattu lil xi ħadd għalina?
T: Hello?
S: Hello.
T: Hello, jekk jogħġbok, tkellem, tkellem.
S: Bgħattu lil xi
ħadd għalina? Aħna s-Sirjani. Qegħdin daqs 300.
T: Sinjur, tajtek
in-numru tal-Awtorità ta’ Malta għax intom
qegħdin qrib Malta. Qegħdin qrib Malta,
qed tifhem?
S: Qegħdin qrib Malta?
Qrib Malta?
T: Iva sinjur. Iva
sinjur. Jekk jogħġbok mur, mur. Ċempel lil Malta direttament, qegħdin qrib u
dawk ikunu hemm. Dawk ikunu qrib, fhimt?
S: Ok.
T: Ok, jekk jogħġbok mur, mur, mur. Jekk jogħġbok.*
Daqs 31 minuta wara
T: Sinjur?
S: Hello. Jekk
jogħġbok sinjur. Ċempilt Malta u qaluli
li qegħdin eqreb Lampedusa milli Malta.
Tajthom il-pożizzjoni. Intom
qegħdin qribna aktar minnhom. Jekk
jogħġobkom. Qegħdin immutu.
Tajjeb, intom qegħdin
S: Qegħdin IMMUTU. Tlett mitt persuna. Qegħdin immutu.
T: Ċempiltu Malta?
Ċempiltu Malta?
S: Tabbandunawniex.
Qed jispiċċali l-kreditu.
Il-linja se taqa’. Tifhimni?
T: Iva fhimtek, fhimtek.
S: M’għandniex kaptan.
Il-kaptan ħarab. Il-kreditu kważi
spiċċa.
T: Iva, iva, iva, ċempel Malta, ċempel Malta.
S: Il-kreditu qed jispiċċa.
Se taqa’ l-linja, jekk jogħġbok, għandek in-numru tiegħi, ċempilli
inti. Jekk jogħġbok.
T: Iva sinjur, inti qed titkellem mal-Italja imma inti
qiegħed Malta.
S: Iva Italja.
Lampedusa. Lampedusa qiegħda
fl-Italja.
T: Inti trid iċċempel Malta.
Trid iċċempel Malta, sinjur.
It-telefonata spiċċat
imma l-mewġ le. Il-baħar Mediterran li
jien u inti se nitlaħalħu fih issa li ġej is-sajf, bela’ lil dawn it-tlett
mija. Il-prokrastinazzjoni u aktar minn
hekk l-indifferenza rebħu fuq il-kumpassjoni u l-umanità. Id-darba li jmiss li timtela nervi wara li
ċċempel f’xi Call Centre ġib ftit
perspettiva. U ħossok ixxurtjat.