Ritratt: Carl Farrugia |
Mingħajr ma naf
diġà gerbu ħmistax mit-tnedija ta’ Mhux
Nies, li naturalment għalija kienet ġurnata speċjali. Il-lejla għaddiet bħal leħħa ta’ berqa u
nixtieq nerġa’ ngħixhha kollha kemm hi, bl-eċitament kollu li f’ħinijiet issarraf
fi friefet fl-istonku, għaraq li xaqq minkejja li ma kienx hemm xemx u kont
wieqaf, u tregħid fl-irkoppa hekk kif kull darba qomt bil-wieqfa. Mhux se nuża umiltà falza, u ngħid li kont
qed naħseb li se nkunu jien u erba’ minn tad-dar, imma daqstant ieħor ma
stennejtx daqstant attendenza. U
għalhekk ħassejtni kuntent, imċekken u responsabbli fl-istess ħin, għax issa
dak li darba kont nikteb għalija sar ta’ ħaddieħor u kulħadd għandu dritt jagħżel
liema angolu jew lenti li jrid biex iħares lejn kull storja li rnexxieli
ngħaqqad. Imma wkoll nammetti li kont
ilni ma nħoss l-istess pjaċir ta’ meta qomt biex naqra silta mill-istorja li
ġġib l-istess isem tal-ktieb u ħarġet kif xtaqt. Darba qabel kont qrajt parti minnha waqt Palk Ħieles u ma kontx kuntent wisq b’kif
ħarġet, imma din id-darba għedt li dmir tiegħi li toħroġ kif ivviżjonajtha meta
qrajtha kemm il-darba waħdi.
Il-ġimgħa l-oħra
kellna l-Fiera tal-Ktieb, ovvjament kont
hemm kif kien hemm ukoll il-ktieb tiegħi fuq l-istand tal-Klabb Kotba
Maltin. Waqt li jiena nemmen li għandna
naqsmu kemm jista’ jkun millli għandna,
daqstant ieħor nammetti li kien ta’ sodisfazzjon tremend nara nies jaqbdu
l-ktieb f’idejhom, idaħħlu idejhom fil-but u jissagrifikaw dak li għandhom
fil-but ma’ xogħli stess.
Jekk fil-bidu għedt
li t-tnedija kienet ġurnata speċjali ma jistax jonqos li hija wkoll punt ta’ riferiment
għalija. U qed nistgħaġeb kemm seħħew
affarijiet f’dawn il-ħmistax. Sitt ijiem
wara t-tnedija, ħadna aħbar li jien għallinqas ma kontx qed nistenna għax kelli
u għad għandi fidi fil-matematika u l-umanità u rajt lil Donald Trump jiġi elett
President tal-Istati Uniti. Issa ma nafx
hux jien li ngħix fl-isħab jew le, u ma nafx għandix dritt nikkumenta fuq min
ivvota f’kontinent li jiena qatt ma rfist fuqu, imma qisu llum il-biża’ hija
ħafna aktar faċli li tbiegħha mit-tama.
Il-ħitan saru aktar importanti mill-pontijiet. Ma nemminx li din hija xi ħaġa tal-lum lanqas,
għax wara kollox fil-passat seħħew żewġ gwerer dinjija minħabba li kien hemm
min irid jaħtaf lil ħaddieħor u ried ibiddel flok ineħħi l-fruntieri.
L-ewwel tfakkira
ta’ x’ġej għalina waslet il-Ħadd meta daħlet l-aħbar li l-istess Trump qed
iwiegħed li jrid ikeċċi tlett miljun immigrant mill-Istati Uniti ftit wara li
jieħu kompletament il-poter f’idu. Qalbi
għamlet tikk, imma ma kontx naf li fil-jiem li ġejjin qalbi mhux biss se
tagħmel tikk imma se timtela dieqa. L-ewwel
ħarġet l-aħbar li fuq il-blata tagħna stess ġew maqbuda xi immigranti li kienu ilhom jgħixu magħna u jikkontribwixxu
għall-ekonomija li tant dan l-aħħar tant qed niftaħru biha għax qiegħda tikber
u titwessa’, għal snin sħaħ. Dawn ma nġabrux
minħabba xi rekord kriminali , imma minħabba li ħafna drabi nħarsu lejn xi nies
daqslikieku mhux nies. Pajjiżi bħal Mali
u s-Senegal mhumiex perfetti, u dawn l-immigranti li qegħdin fostna kienu qed
jgħinu nkabbru l-ekonomija tagħna u taw nifs lil pajjiżhom bħal kif għamlu dawk
l-immigranti Maltin li salpaw minn xtutna lejn l-Awstralja fis-sittinijiet u
x-xogħol li setgħu kellhom huma ntiret minn ħuthom.
It-Tnejn stess irċivejt
telefonata li wieħed minn dawn il-maqbuda huwa persuna li jattendi
għal-lezzjonijiet tal-Malti li nagħti jiena flimkien ma’ Integra. Biex intikom idea ta’ dan il-persuna maqbuda
issa tturmentata taħt detenzjoni f’Ħal Safi, ma tafx x’se jsir minnha wara kważi
ħames snin hawn, huwa persuna li jaħdem bil-ktieb ma’ kumpanija, (ħafna jaħsbu
li dawn ma jħallsux taxxi!), iħallas il-kera u kellu mħabba lejn Malta kultant
aktar minni nnifsi, għax forsi kien japprezza dak li aħna nqisu naturali imma
mhux naturali xejn, għax qabilna kien hemm min xerred demmu għalih.
Minbarra t-turmentazzjoni
tiegħu tistgħu taħsbu kemm huma daqstant ieħor itturmentati sħabu li qegħdin f’ilma
simili tiegħu. Jiena kulma għandi balla
fl-istonku.
Sieħbi Yayya, inti
nies daqsi u daqs ħaddieħor.