Il-Ħamis, kien hemm mumenti
li mhux biss ħassejtni li nfetħu bibien is-sema imma konna f’nofshom, iperpru, jirribellaw
biex jitqaċċtu miċ-ċappetti u jinżlu bis-saħħa kollha fuqna. Minkejja li konna f’Fortizza, is-sigurtà u
l-kenn kienu ‘l bogħod daqs l-istilel li s-soltu kienu jkunu jiddu fuqna. Ħassejtni għasra, qisni l-pitazz li sidu
assorba fih kull emozzjoni bil-linka, u issa wara li xxarrab sar biss ċapep ta’
inka, u flok se jinżamm fl-idejn b’ċertu għożża se jintrema f’qiegħ borża
mis-suwed.
Imma kollox ma’ kollox iċ-ċappetti
b’xi mod żammew sod u l-bibien qagħdu. U
l-magħmul mhux dejjem bla kunsill lanqas. Li kellu jitgħatta tgħatta, il-ħwejjeġ ngħasru
xi ftit u l-Fortizza provdiet kenn
f’kappella u sala. Fil-kenn, il-proża u
l-poeżija b’ilħna Maltin, Kurdi, Persjani u Għarab fost l-oħrajn reġgħu mlew
is-sensi u fejn kien għadu niedi nixef ftit aktar.
Rarament iċċekjajt b’tant
żelu s-siti tat-tbassir tat-temp daqs nhar il-Ġimgħa. Għax minkejja li l-Pjan B ħadem, il-Pjan B
qatt ma jista’ jkun tajjeb daqs il-Pjan A.
Kieku hekk, ikun hu il-Pjan A.
Xtaqt nisma’ l-ilħna varji fil-beraħ tal-bitħa tal-Fortizza. Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun u
meta f’xi ħin tqattret nitfa nida, qalbi għamlet tikk. Imma t-tikk baqgħet tikk, u smajtha jien
biss, waqt li l-ilħna differenti din id-darba mlew il-bitħa beraħ tal-Fortizza,
u semagħhom kulħadd.
Is-Sibt tkompla fejn
ħallejna. Il-proża reġgħet tħalltet
mal-poeżija, l-poeżija mal-mużika kultant mingħajr bżonn ta’ strumenti, u l-istejjer
fittiziji ta’ Elias Khoury mar-realtajiet ta’ nies mhux wisq ‘il bogħod minna.
Fi tlett’ijiem iltqajna ma’
lingwi differenti u vuċijiet differenti.
Vuċijiet differenti jfissru ħsejjes differenti. U l-ħsejjes differenti jfissru mużikalità
differenti. Il-mużikalità differenti tat
lok għal teknika differenti biex ġew espressi emozzjonijiet minn wieħed lejn
l-ieħor. Il-Festival naħseb li kien
ċelebrazzjoni ta’ dan kollu bis-saħħa tat-traduzzjonijiet kollha li saru. U waqt li l-ebda lingwa qatt ma jista’
jkollha mera perfetta għal lingwa oħra daqskemm li tħoss int fuq xi ħaġa qatt
ma nista’ nħossu jien, il-qsim u t-tixrid tal-lingwi permezz tal-letteratura
kienu ċelebrazzjoni tad-diversità fil-ħajja.
Fil-finali meta kull kittieb
qara xi versi minn tiegħu, għal mument qabditni ftit dieqa, għax is-sabiħ tkun
tridu ma jispiċċa qatt. Imma forsi veru
s-sabiħ jista’ ma jispiċċa qatt, għax il-mumenti li għaddejna minnhom se
jibqgħu fina, u l-esperjenzi u l-ħsibijiet tal-awturi mistiedna ħadthom miegħi
lejn id-dar f’forma ta’ kotba.