Lucy mhi ħadd speċjali
u la mhi xejn speċjali, ovvja li kważi ħadd ma
jafha. Lucy hija waħda minn dawk li
fil-folla ma tispikkax, wiċċ li sempliċiment jgħin biex ir-ritratt ta’ fuq għajnejk
jew ta’ fuq l-iskrin ma jħalliex partijiet vojta, bħal kif jagħmlu l-extras f’xi film. La hija daqstant plaċida, l-istorja tagħha ma tistax
tkun tiswa aktar mill-erba’ karti li miktuba fuqha.
Imma l-istorja ta’ Lucy, li Lara Calleja
tatha l-ħajja b’xi mod ħadmet.
Billi ma telgħetx muntanji għoljin,
billi ma tmexxix kumpaniji ta’ miljun ruħ, u billi m’għandiex miljuni wara
isimha Lucy xorta għandha storja li żżommok u li fuq kollox tista’ tirrelata magħha.
Storja miktuba b’ċertu sempliċità,
sentenza qasira wara oħra. Huwa
monologu, fejn in-narratriċi hija l-karattru prinċipali u kull karattru li daħal
fl-istorja dejjem rajnieh mil-lenti ta’ Lucy, bħal kif inhi wara kollox
il-ħajja. Kull ħaġa li nagħmlu jew tiġrilna
nterpretat minnha nfusna, għax lilna ġara u aħna nafu xi nħossu fuq dak, fuq
dik, fuq dawk is-sitwazzjonijiet.
L-istorja kultant ikollha bżonn sfond mużikali
kemxejn melankolika jew depressiva fejn il-Joy Division pereżempju jistgħu jkunu
idejali biss kuntrarju għal Ian Curtis, Lucy dejjem hemm fiha ċertu tama, u meta
l-bibien dehru magħluqin u t-toroq ma jagħtu għal imkien għax wara kollox triq
ma tiċċaqlaqx, afdat f’saqajha biex tasal x’imkien.
U aktar milli moħħha fejn se tasal,
moħħha fil-vjaġġ innifsu.