Tuesday, August 14, 2012

In-niċċa




Illum żbajt il-bieb.  Biċ-ċelest, bħal kif kien qabel.  Ma kelliex aptit nixxkatla u allura għedt nerġa nagħmlu l-istess kulur li kien qabel.  Forsi aptit kelma mhux f’posta.  Naħseb aħjar ma kelliex motivazzjoni.  Anzi aħjar bħalissa n-nervaturi f’idejja bdew jitilqu, s-saħħa tagħhom m’għadiex l-istess u kedda żejda żgur mhux li jrid it-tabib, li kultant immur inżur, u dejjem noħroġ mingħandu aħjar milli dħalt.  Jgħidli, li qed nehwden u li qed inħoss mhux uġiegħ li għandi ninkwieta fuqu għax hu biss il-bidu, imma sempliċiment uġiegħ taż-żmien.  Bħall kulur tal-bieb, beda jitlaq għax biż-żmien mhux għax xi ħadd b’vendikazzjoni qagħad jigirfu biċċa biċċa biex ikiddni, għax forsi mingħajr na naf weġġajtu.

U la żbajt il-bieb, żbajt din in-niċċa.  Ilha hemm minn żmien missieri.  Missieri kien jgħid li qiegħda biex min jgħaddi minn hawn jiftakar li kien miet għalina.  U jekk forsi jkun tiela’ din it-telgħa fis-sħana t’Awwissu u jħoss id-dinja kollha kontrih, jħares ‘l hawn u jiftakar li qed jaħseb li d-dinja ddur madwaru u li qed iħoss mhu fil-fatt xejn.  Ngħidlek id-dritt jien naraha mod ieħor.  Naraha kultant li missieri qisu ried juri l-qdusija tiegħu lit-triq kollha.  U min-niċċa kollha, l-fjuri tal-plastik narahom jirrapreżentaw l-artifiċjalita ta’ kollox.  Imma umbgħad ngħid missieri mhux veru hekk.  Ħafna drabi ma kienx iħalli idu x-xellugija tara x’qed tagħmel il-leminija. 

U għaliex tgħid kien għażel mument ta’ passjoni għal din in-niċċa.  Kien hemm tant mumenti ta’ ferħ.  Ma niftakrux ibati wisq bil-melankolija.  Forsi għax għalih dan kien l-akbar sagrifiċċju?  U naf li kien jiċċaħħad ħafna minn affarijiet għalina.

Ħsibt u ħsibt, u fil-fatt telqitli ftit il-konċentrazzjoni u fil-fatt ilqatt il-ħġieġa bil-pinzell.  Qed ngħid dan kollu fuq missieri, din in-niċċa jien ħallejtha hemm.  M’iniex komdu mija fil-mija biha, imma ma nafx inneħħieha.  Għall-memorja ta’ missieri tgħid jew għax wiċċu kif inhu jġibli sudizzjoni?

Dubju jinseġ dubju ieħor, li flimkien qed jagħmlu konundru.  Il-fatt hu li din in-niċċa bħat-twemmin parti minni.  Toħloqli d-dubji, imma jekk ma jkollix id-dubju fuq din, nibda niddubita fuq affarijiet oħra.  U tlett xhur oħra nerġa’ niżbogħha b’żebgħa friska ċelesti.


Ir-ritratt li ispira din l-istorja huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl!