Oriġinarjament kelli
ħafna lwien different. Aħdar, isfar,
aħmar u blu. U t-taħlita tal-ilwien kien
jagħmilni differenti minn dawn kollha li hawn madwari. Meta konna għadna flieles kulħadd kellu l-ilwien
tiegħu. Ommi kienet tgħidilha personalità. Ma nafx eżatt x’riedet tgħid biha. U konna kollha nieħdu gost inħallu l-kuluri
jkanġu fix-xemx. Kien hemm min kellu
l-istess kuluri tiegħi. Imma ta’ ħadd ma
kienu fl-istess ordni bħal tiegħi. U
allura ta’ ħadd ma kienu l-istess. Kont
tista’ tiddistingwi minn wieħed għall-ieħor.
U konna naqbżu bl-ilwien u kuluri mwaħħla magħna minn siġra għall-oħra
bla ebda biża ta’ xejn. Kellna
kurżitajiet biss.
U s-sema kien sempliċi tinda kbira għal dak li
min jaf x’hemm warajh. Li għalissa
għadna ma nafux. Imma qed noħolmu
bih. U la nikbru żgur se
nesperjenzaw. Għax ovvja li se mmorru
hemm.
Naħseb li meta
l-kbar isaffru f’widnejn xulxin ikunu qed jitkellmu fuq hemm. U ma jsaffrux jgħajjtu meta jkunu qed
jirreferu għal hemm għax ma jridux iħassru s-sorpriża li se nsibu meta naqbżu
dik it-tinda blu u jkollna post ieħor fejn inħallu ilwienna jsebbaħ il-madwar.
Imma l-affarijiet
jinbidlu. Waqqajt l-ilwien kollha u baqagħli
lewn wieħed biss. U l-istess lewn ta’
ħuti, tal-ġirien u tar-razza kollha. U
l-istess tal-fjuri. L-uniku lewn jew
kulur, sejjaħlu li trid differenti huwa l-isfond. U l-isfond qiegħed hemm għal kulħadd. U qiegħed differenti biex għallinqas jindunaw
li hawn l-għasafar f’din il-biċċa għalqa.
Għalfejn irrid ikolli
kulur differenti minn ta’ l-oħrajn?
Il-bnedmin li
żgur huma intelliġenti ħafna aktar minni kważi kollha jilbsu l-istess. Kważi kollha bl-istess simbolu fuq il-flokk
tagħhom. U dawk huma li għandhom l-akbar
karozzi. U la għandhom l-akbar karozzi
bil-fors li huma l-aktar li rnexxew.
Allura jiena sempliċi għasfur għandi nkun differenti minn ħaddieħor.?
Hekk għandi
l-wens fil-massa. Ħadd mhu se jisfida xi
ħaġa milli nsaffar. U meta għandi aptit
ma nidhirx lanqas għandi għalfejn nistaħba.
Biċċa uġiegħ ta’ ras anqas.
Dan l-aħħar
fil-fatt ilha ħafna ma tuġgħani rasi.
Forsi għax m’għadniex naħseb aktar.
Ma nafx.
Għal darba oħra grazzi lil Pawlu Mizzi għal dan ir-ritratt li sewa ta' inspirazzjoni.