Monday, June 25, 2012

Flok garrejt




Illum ġejt ftit s’hawn.  Is-soltu nkun fejn Bieb il-Belt, jew fejn dak li kien xi darba jissejjaħ hekk.  Nimxi bil-mod fuq dawn iż-żewġ saqajn li jfakkruni li ġwienħajja għandhom użu daqs parlament ġdid f’pajjiż fejn il-membri parlamentari jikkontribwixxu lejn id-demokrazija daqs il-probabilita li ssib lili fuq l-ewwel paġna ta’ edizzjoni speċjali tan-National Geographic.

Imma l-fatti jirbħu s-sens komun mhux daqstant konvenzjonali.  U parlament ġdid fejn normalment kont indur u nagħqad qed jinbena.  U qed joħloq ħafna trab.  Jien m’iniex xi ajkla.  Lanqas verdun.  Jien pjuttost kreatura urbani aktar milli rurali.  Imma t-trab mhu tajjeb għal ħadd.  U ddejjaqt.  L-istorbju ma jagħmel tajjeb lil ħadd lanqas.  U jien ma nafx ngħanni jew għallinqas insaffar biex forsi nikkompeti mal-ħsejjes irritanti.  Naf biss ingorr.

Imma dan l-aħħar flok komplejt ingorr bħall bqija tal-miġemgħa li tgħaddi kuljum mill-istess triq li nokkupa jien, qbadt saqajja u mxejt u kultant tirt minkejja li mhux wisq fil-għoli.  U minn ħajja sħiħa fil-belt, irrealizzajt li ftit passi u erba’ titjiriet ‘il bogħod hawn ambjent differenti.  U minflok fuqi biss, l-ikħal ma jispiċċa qatt qed taħti wkoll.  Dalgħodu minflok ġġilidt għal xi biċċa ħobż mimlija żejt milli rmiet il-miġemgħa, ħadtha bil-mod innaqqar ftit minn dan il-ħaxix ta’ hawn.  Dam ftit ma niżel għax kien ġdid imma kelli ċ-ċans nidderiġieh għax kont waħdi u naħseb għada se jinħass aħjar.
Dan il-ġebel li qed fuqu aħjar mit-tarmak.  Mhux lixx, imma min irid iċ-ċass meta jista’ jkollok il-vivaċita?

Flok garrejt imxejt ftit.  Lura fejn kont inkun mhux se mmur aktar.  Se ngawdi ftit hawn u d-deċiżjoni li noħroġ mill-qoxra taċ-ċentru.

Fetħa vojta jew parlament ma tagħmillix aktar differenza.

Dan ir-ritratt huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl!

Wednesday, June 6, 2012

It-tajra




Naħseb li ridt xi tattika partikolari.  Mhux ta’ 4-4-2 jew 3-5-2 imma ta’ kif tħalli biċċtejn karti irqaq ħafna maqtugħin b’mod trijangolari waqt li magħqudin b’biċċa ta’ qasba jieħdu vantaġġ mir-riħ.   Il-boxxla kont tgħallimtha mal-Iscouts.  Jew aħjar it-teorija tagħha aktar minn kollox.  U kif jgħidu t-Taljani, il-prattika twassal ħafna aktar mill-grammatika.  

Illum il-ġurnata fuq il-bejt hemm pinnur imwaħħal, imma la qiegħed hemm għall-prattika u lanqas għat-teorija.  Sempliċiment bħala ornament.

Ir-riħ, f’ħajti kultant idejjaqni.  Meta jibda jonfoh qisu fi sfida biex ineħħieli l-gakketta minn fuqi per eżempju, u jfakkarni f’dik l-istorja li kellna fuq Id-Denfil, ta’ meta x-xemx u r-riħ għamlu mħatra minn min minnhom ikun kapaċi jġiegħel lil dak is-sinjur bil-ġlekk biex jaqilgħu minn fuqu.  Idejjaqni ta’ dak il-ħin imma, mhux eżattament jaffetwani daqstant. 

Forsi għalhekk il-pinnur qiegħed hemm biss bħala ornament, u mhux biex jgħinni nippjana l-ġurnata.

Illum qieghed hawn barra f’dax-xagħri u hu ftit riħ.  Imma ssaqsiniex jekk hux grigal jew lbiċ.  Qieghed imma b’saħħtu biżżejjed biex imexxi s-sħab u kultant sħaba qed tgħatti lill-oħra u b’hekk ix-xemx ikollha anqas ostakli biex tilħaq art u ssaħħan bil-benna tagħha.
Hawn is-skiet li kultant jinkiser bil-ħoss ta’ xi tir ta’ senter, għax l-istaġun reġa’ fetħilhom.  Tajr ta’ veru imma m’iniex nara. 

L-uniku konsolazzjoni hija tajra tal-karti, li hawn wieħed liebes ġlekk ftit ‘il boghod minni li għajnejh ma qalagħhomx minn fuqha.  Nahseb dan bhal Khaled Hosseini, l-Afgan ta’ The Kite Runner li t-tjur tal-karti jġibulu ħafna memorji u jeħduh fi tfulitu u l-ħolm li kellu xi darba li min jaf kemm inbidlu minn dak iż-żmien ‘l hawn.

U jien issa qed niftakar.  Ir-RAI ma konniex stajna naqbduh.  L-iskrin tat-televixin kien qed jikkumplimenta d-dixx ross li konna għadna kif kilna.  Il-logħba ma stajniex narawha.  Kien żerbinott minn ħdejna li weħlitlu t-tajra mal-erjal ta’ fuq il-bejt.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn sieħbi Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl.