Monday, January 9, 2012

L-instituzzjoni

Sieħbi Pawlu Mizzi berfel bloggata mill-isbaħ illum fejn argumenta li Malta huwa pajjiż tal-Yes Men.

Ma tantx naħseb hemm x’targumenta fiha. Biss forsi naħseb li aktar milli Yes Men, pajjiżna huwa mimli b’individwi li jpoġġu l-instituzzjoni li huma jagħmlu partu minnha, uħud b’deċiżjoni, uħud oħra għax ħadu deċiżjoni li ma jeħdux deċiżjoni, fuq kollox u fuq kulħadd.

Meta fil-fatt l-instituzzjoni qiegħda hemm biex isservi lill-individwu biex jikber, tispiċċa biex l-individwu jiċkien hu biex l-instituzzjoni tikber hi. Il-mexxej ta’ din l-istituzzjoni jiġi mpenġi bħala eroj u flok id-deċiżjonijiet tiegħu jiġu sfidati jew għallinqas mistoqsija, l-opinjoni tal-individwu tiġi bbażata fuq dak li jgħid (aktar milli jagħmel) il-mexxej. Il-mexxej jitqies bħala eroj aktar milli għal-egħmilu imma għal dak li s-sudditi tiegħu jikkonvinċu lilhom nfushom li dan hu hekk. Għadhom bżonn lil dak ix-xi ħadd li huma jemmnu li hu bravu ħafna, li hu fuq kollox, u li jistaw jafdaw, ituh idejhom u jwassalhom minn post għall-ieħor ‘il bogħod minn kull saram. M’għandniex xi ngħidu, din hija sitwazzjoni mill-aktar għammiela sabiex il-paternaliżmu mill-mexxej tal-instituzzjoni lejn il-membri tal-instituzzjoni jirrenja.

Mingħajr ma nfittex b’mod storiku lejn il-voti li ttieħdu fil-Parlament Malti, tara kif naħa waħda tal-kamra dejjem tivvota mod u n-naħa l-oħra dejjem tivvota mod ieħor. Il-membri tal-parlament huma mistennija li jagħmlu hekk mill-pubbliku. Meta per eżempju, l-president Amerikan ippropona servizz tas-saħħa għal kulħadd f’pajjiżu, dan l-ewwel kellu jikkonvinċi lill-membri Demokratiċi fis-Senat. Xorta waħda kellu minn ivvota kontrih. Hawnhekk le. Hawnhekk, li jgħid il-mexxej jagħti d-direzzjoni bil-bastun u n-nagħaġ isegwi. Il-vot aktar milli l-aktar punt kruċjali ta’ deċiżjoni huwa sempliċiment formalita.

Dan iwassal biex l-individwu jinħanaq, il-kreattività tiegħu tinfaga u l-isatus quo rari jiġi sfidat. Dak li qiegħed hemm, qiegħed hemm għal raġuni. Iva. Imma dik ir-raġuni tagħmel aktar sens? U b’hekk jħalli lil pajjiżna b’ħafna anomaliji li persuni barra minn xtutna ma jifhmux. Sentejn ilu kellna l-każ taċ-ċensura. Saret protesta. Konna ftit għexieren. Ħafna mill-artisti lanqas biss indenjaw ruħhom jattendu. Iġġustifikaw l-għażż tagħhom billi qallu li spiċċa ż-żmien tal-protesti. F’Jannar ta’ din is-sena stess, ir-rivista influwenti ‘Time’ għażlet lil-Protester bħala l-persunaġġ tas-sena tagħha.

Li persuna joħroġ mill-qoxra tiegħu, jistaqsi f’liema direzzjoni l-instituzzjoni sejra hawnhekk hija meqjusa bħala att prużuntuż. Il-kuxjenza tan-nazzjon bħalissa hija maqrusa. M’aħniex imdorrijin nistaqsu. Waqt li bil-kemm hawn triq li hi waħda li tista’ tissejjaħ dritta, noħolqu linji għalina nfusna dritti xemgħa, li jew inti ġewwa jew inti barra. Anke l-midja nnifisha, li suppost qiegħda hemm biex teduka, biex tinvestiga qiegħda hemm biex isservi lill-istituzzjonijiet.

Il-qawl tagħna stess, ‘il-mistoqsija oħt il-għerf’ hija meqjusa aktar bħala sempliċiment klixe milli bħala ftit mill-għerf ta’ missirijietna.