Saturday, December 18, 2010

L-ajruport

Wara titjira ta’ ħarira aktar minn siegħa, qed hawn Fiumicino fi triqti lejn Krakow, għax irrid ngħix u nħoss in-natura tat-Tatras. Il-muntanji għalina xi ħaġa ta’ barra minn hawn, u ta’ barra kollox aħjar. Imma mhux dejjem veru. Ilna fuq tletin sena li l-aħħar bastiment telaq minn Malta, imma r-rispett jew forsi l-inferjorità għadha magħna. Il-baħar isbaħ mill-muntanji. Il-baħar l-isbaħ ħaġa tal-univers. Sejjer fil-muntanji għal ġimgħa biex inbiddel ftit. Ikollok il-kavjar kuljum imma kultant xorta trid bajda moqlija. Qed nitkellem fuq in-natura u l-ftuħ u bħalissa qed f’ajruport. Tista’ ssib kuntrast jaqta’ aktar minn dan? Kobor kemm trid imma hawn għeluq li jifga. Hawn riħa qisha ta’ plastik, li dieħla f’imniffsejja aktar minn tal-latrina tal-Belt ta’ fejn il-venda. Qed nagħfas b’subgħajja fuq il-ġenb ta’ rasi, ftit ‘il fuq minn widnejja forsi din is-sensazzjoni negattiva jew nawżja iċċedi. Għadha ma ċedietx imma dawn iż-żewġ sekondi tal-għafsa huma aħjar mix-xejn, u avolja ma mmissx imnieħri r-riħa ta’ plastik titlaq ftit, jew għallinqas hekk qed nikkonvinċi ruħi.
L-ajruport, u warajh l-ajruplan. Il-prezz li trid tħallas biex titlaq għal ftit u jkollok xi erba’ ġimgħat ta’ qabel b’xi ħaġa quddiemek lejn xiex tħares waqt li maqbud f’rutina.
Qabel, l-ajruport kont nassoċċjah mal-fatt li sejjer x’imkien. Imma issa dik qisha telqet. Id-daqq tal-vann tal-ġelat ma jimlilhiex l-istonku, l-ġelat biss jagħmilli hekk.
Qed nitkellmu fuq ġelat, issostitwieh ma’ kafè, jew ankè fis-sajf ħalli l-istess ġelat u hawn min jagħżel l-ajruport minflok xi bajja biex jieħu l-istess ġelat jew kafè.
Xi ħaġa Maltija dik biss imma, le?

Sunday, September 26, 2010

Il-logħba s-sabiħa?

Kienet tissejjaħ il-logħba s-sabiħa. L-ispeċjalita tagħha? Is-sempliċità. U għalhekk saret il-logħba tal-umli. Il-ħarba mir-realtà tal-klassi li tinsab ‘il bogħod mill-poter. Il-ballet ta’ dawk inqas sofistikati jew li ma twieldux b’imgħarfa tal-fidda f’ħalqhom. Plejer bħal Billy Liddell, Skoċċiż u wieħed mill-aqwa plejers li qatt libes il-flokk aħmar ta’ Liverpool kien imur lejn Anfield fil-ġurnata tal-logħba bit-transport pubbliku. Bħal wara kollox kienu jagħmlu l-maġġoranza assoluta tal-ispettaturi li kienu jmorru kull ġimgħa biex ikollhom il-privileġġ li jaraw fl-azzjoni lilu u l-għaxar plejers l-oħra li jilbsu l-flokk aħmar. Il-plejer u l-ispettatur jgħixu f’dinja simili. Il-plejer huwa sempliċiment ixxurtjat biżżejjed li għandu talent li jaqla’ l-għajxien tiegħu permezz ta’ din il-logħba sabiħa u jipprattika sengħetu fuq ħaxix aħdar minflok f’xi minjiera taħt l-art jew fuq ix-xatt waqt li jirriskja ħajtu kontinwament.

Il-klabb u l-istadju għandhom il-karatteristiċi tagħhom. Il-plejer huwa assoċċjat mal-klabb u mhux il-klabb assoċċjat mal-plejer. Il-klabb għandu identità u ma jikkupjax lill-avversarju tiegħu. Kull tim għandu ċ-ċans tiegħu li jieħu unur fl-aħħar tal-istaġun u jpoġġi tbissima u jixgħel għajnejn il-partitarji tiegħu. Il-lista twila ta’ timijiet differenti li rebħu unur prestiġġjuż bħall-FA Cup huwa xhieda ta’ dan.
Persunaġġi ċelebri u ta’ ċertu poter ovvjament baqgħu ‘l bogħod mil-logħba. Jiddarsu jitħalltu ma’ dan l-isport sempliċi. Wara kollox, min hu b’moħħu f’postu li jrid jkun parti minn massa li tara logħba bil-wieqfa u tiġi aggredita mill-pulizija b’mod kontinwa? U, l-entrepreniżmu ftit għandu ċans jikber f’ambjent bħal dan.

Illum il-ġurnata, l-istorja ma tistax tkun aktar differenti minn dan kollu. Kelb żvelt u leali li jifraħ bik meta ttih l-anqas attenzjoni, żvolġa f’barri li jippreżenta ruħu li inti trid minnu u mhux viċi-versa. Fuq kollox l-istess barri huwa mlibbes ta’ ħaruf.
Dak li kien sempliċi ġie kkumplikat. Dak li kien innoċċenti ġie korrott. Ir-regħba belgħet kollox. Il-karattru ta’ kull klabb ġie żvinat b’ġirja kontinwa lejn il-kummerċjaliżmu. L-identità intilfet. L-ispettatur, li f’qiegħ qalbu huwa partitarju u jrid ikun parti mill klabb sar sempliċiment konsumatur. Il-logħba tibda bil-parità ta’ ħdax –il plejer kontra ħdax. Imma l-parità hija artifiċjali. Il-logħba hija battalja ta’ bejn min għandu u min m’għandux. Fejn qabel kienet sorpriża li ma jkunx hemm sorpriżi, illum sorpriża hija skerz. Ta’ fuq b’bankina aktar b’saħħitha mill-ħdax ta’ dawk ta’ isfel. U kollox jibqa’ l-istess, sena wara sena. Ta’ fuq komdi. Ta’ isfel m’għandhomx saħħa biex jiġġieldu għax nofshom falluti jiġru wara denbhom stess.

Il-plejer imsejjaħ l-istilla jiskorja u jbus l-arma fuq il-flokk, l-istess arma li għal ħafna, fosthom jiena, kienet jew għadha qisha l-motto konsistenti ta’ ħajjithom. Imma għalih dik l-arma hija l-logo tal-kumpanija li qed tqallgħu l-eluf ta’ liri fil-ġimgħa u li jdawwarha minn staġun għall-ieħor bħal kif inti ddawwar minn stazzjon għal ieħor tar-radju. Il-plejer mhux talli m’għadux jgħix fl-istess dinja ta’ min suppost qiegħed jirrapreżenta imma f’univers kompletament differenti. Inti ċċapċaplu anke wara telfa f’kesħa xxoqq il-għadam għax hekk ġejt mgħallem u hu issa qiegħed jaħseb kif ser jippoża fir-riklam il-ġdid li għandu.

Dik li kienet darba ħarba mir-realtà saret gaġġa fiha nnifisha. Il-klabb tiegħek minflok huwa l-kenn tiegħek, huwa l-mod ta’ kif inti tiġi sfruttat. Il-lealtà tiegħek m’hijiex apprezzata, u kull fejn tħares tara lil xi ħadd li jrid jipprova jbegħlek xi ħaġa biex ikabbar il-profitti li inti m’intix se tara investit fil-grawnd imma f’qliegħ akbar bejn id-diretturi. L-entrepreniżmu mhux talli daħal, imma ħataf kollox. Nies b’kuxjenza ta’ iljun bil-ġuħ investew il-loqom u issa jridu kollox. Id-diskursata bejn il-partitarji mhux fuq il-logħba imma fuq min se jeħodna. Imma issa d-deheb inbiegħ darba għal dejjem. Forsi tort tiegħi u tiegħek għax ma rajniex fil-bogħod u rajna kbir u għamejna bid-deheb ilellex. Imma issa tard wisq.

Ma niflaħx inkun aktar parti minn din il-kummiedja u flok qalbi se nagħti dahri. Għejjejt u xbajt waqt li f’qalbi nibki meta nara x’ġara mil-logħba li kienet tissejjaħ s-sabiħa u klabb li xi darba ismu biss kien iqajjimli ġismi xewk xewk.



Dan l-artiklu kien oriġinarjament inkiteb għar-rivista Anfield Island, li huwa l-publikazzjoni uffiċjali ta' Liverpool Supporters Club (Malta), rivista li fiha servejt bħala editur għal għaxar ħarġiet. Dan l-artiklu iżda ġie ċċensurat.

Saturday, July 31, 2010

Brikkuni fl-Ospizio

Ospizio. Post il-morda, post il-foqra, repentiti u l-imġienen. Taħlita u diversifikazzjoni wiesa’ ta’ emarġinati. Illum, il-Ġimgħa. Il-post għadu moħbi u f’pajjiż kbir daqs bitħa tal-ġirien, in-nies qed isaqsu għal mappa ta’ fejn hu l-post. Ftit bogħod minnu hemm il-librerija pubblika, li flok biex tissellef il-kotba jew għar-riċerka, llum qed tintuża bħala punt ta’ riferenza, u l-art tal-madwar bħala parking. Kulħadd qisu jaf fejn hi l-librerija, imma l-Ospizio, tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, in-nies ma tantx jew xejn ma jafu bih. Għax int taf mort f’dar sieħbek mitt elf darba, imma li għandu kamra tal-imbarazz m’għandekx idea, u wisq anqas b’li hemm fiha.

Taqbeż il-grada, timxi ftit fit-tul, jaqtgħulek il-biljett u ssib ruħek ġo bitħa mdaqqsa, fejn illum il-Brikkuni se jdoqqu fuq stejġ li fuqu hemm l-istilel tal-kartapesta bil-bozoz ikkuluriti f’nofshom. Fuq wara hemm il-bar, u bħar-Ryanair, dawn qatgħu l-middleman min-nofs għax m’għandekx bżonn aġent ibegħlek biljett biex tkun tista’ tixtri flixkun birra. U ta’ wara l-bar qed iżomm daqs tal-każin tar-raħal.

Il-ħin għaddej bil-mod, tħares ‘il fuq u hemm l-isħab miexi għax ir-riħ, imma l-istilel xorta jidhru jiddu. Il-kotra qed tikber flimkien mal-istennija. Illum m’hawnx morda u repentiti. Għall-inqas hadd mhu bil-faxxa ma’ rasu. Imma hawn taħlita ta’ nies li ddejqu jingħalfu r-ross bil-labra u flok il-ftuħ tal-fosos li l-partiti l-kbar jużaw biex jippattronizzaw u llum hemm xi ħadd ieħor minflok juża l-istess post għażlu l-intimita ta’ din il-bitħa li dalwaqt se timtela bil-mużika tal-Brikkuni.

U l-għaxra għoddhom daqqu u l-mużiċisti varji daqs il-kotra bdew idoqqu huma. U wara l-introjtu Mario Vella beda jeżerċita l-kordi vokali tiegħu, waqt li jniggeż, josserva u jiżżuffjetta, iżid bil-mod il-mod, waqt li l-kotra tixrob daqt li qed jintfalha, tqagħqi, tkanta u tiżżagħbel, numru wara numru.
Għoddhom taru siegħa u nofs, u suppost indaqqet l-aħħar diska, imma kulħadd jaf li l-Brikkuni ta’ brikkuni qegħdin biss jinbxu jew jistadu. Għal darba ħassejtni tajjeb nibla’ sunnara mikxufa u werżaqt li rrid aktar, u Il-Gallinar tas-Sultan li ħafna jsejħulha tiġieġa vjola saret ir-risposta għall-encore.

Ftit wara bil-kotra għadha tgħix il-mument mal-mużika ħierġa mill-ispeakers, il-pulizija sabet dan il-post imwarrab u kontra qalbha n-nies kellha tibda taħseb biex tmur lura lejn id-dar.

Mingħajr flus il-minesteru, reklamar, laqgħiżmu u kompremessi, t-trijonf ta’ dan il-grupp li fi kliemhom stess huwa DIY, huwa palpabbli. L-arti alternattiva qed tiġi mhedda miċ-ċensura, d-dimostrazzjonijiet ma tantx qed jiġbdu nies, imma hawn min qiegħed joħroġ għonqu u jikkreja xorta waħda. U fl-Ospizio l-kotra apprezzat u għoxiet b’dan kollu.

Saturday, April 24, 2010

Prima Facie


Sraqt l-ewwel daqqa t’għajn lejn Prima Facie eżatt wara li ġie f’idi.
Kelli ktieb ieħor fil-proċess u niddejjaq naqbeż minn wieħed għall-ieħor, bħal plejer merċinarju. Għal xi raġuni ġie Vieri f’rasi.
Imma l-ewwel daqqa t’għajn kienet tajba. Aktar milli l-apparenza, l-kontenut tal-prologu kien biżżejjed, biex jikkonvinċini li se naqra lil Mark Camilleri għax għamel biċċa xogħol tajba aktar milli għax vuċi ġdida fil-letteratura kontemporanja Maltija, u f’deżert jew forsi aħjar fix-xagħri kull ilma taħsbu Chardonnary Clos de Gat li fil-paġni tal-ktieb issemma.

Rumanz Polizjesk, jgħidilina l-awtur jew aħjar il-publikatur fuq il-qoxra tal-ktieb. Il-karattru prinċipali Spettur. Sa ċertu punt karattru tipiku tal-korp. Xogħolu dejjem fl-isfond. Bħall-mużika ħierġa minn Ipod f’widnejn il-jogger li jħobb iterraq fit-toroq aktar milli jiġri fuq magna u jibqa’ fl-istess post. Imma l-mużika mill-isfond ħafna drabi minn sekondarja tiġi primarja u l-kantunieri jew aħjar il-karozza ġejja minn faċċata ma tiġix ikkalkulata. U l-Ispettur tilef il-mara u t-tfal. Għandu l-J&B iwennsu imma.

F’intervista preċidenti għal publikazzjoni ta’ dan il-ktieb, Camilleri nsista li r-riċerka hija ta’ importanza assoluta. Il-ktieb huwa xhieda ta’ dan. Ħafna postijiet spjegati b’mod assolut, b’erba ittri u b’għajn ta’ seqer għad-dettall. Aktar milli pittura, kultant joffri ritratt diġitali fejn karta mitluqa mal-art ukoll għandha l-importanza tagħha.

U ma’ dan kollu, l-kultura kontemporanja fil-bordura. Il-karattri msawwrin bil-mużika li jisimgħu, l-films li jaraw u jikkwotaw minnhom, il-wiski li jixorbu, l-karozza li jsuqu, s-sigaretti li jpejpu. Kelli konversazzjoni qasira ma’ ħabib tiegħi ftit qabel li qrajtu u qalli li fih wisq ismijiet ta’ ditti u mużiċisti, bl-awtur qisu f’tellieqa miegħu nnifsu ta’ kemm isemmi. Imma forsi hawnhekk fejn l-awtur spikka. Sawwar il-karattri b’li jħobbu u li jagħżlu. Ħu waħda mill-vittmi li dejjem il-garaxx jixxkatla xi karozza jpejjep Du Maurier. L-Ispettur jpejjep Royals mill-ħomor. Vittma tħobb lil Beyonce. Predatur iħobb lil Bach. Min isemmi kanarin Kambei differenti minn min isemmi l-kelb Stallone.

Debutt feliċi.

Thursday, February 25, 2010

Ċensura

Ħaffift ftit il-pass wara li pparkjajt il-Furjana, tellajt iż-żipp tal-ġakketta għax donnha bdiet traxxax, u sakemm ilni ngħidlek wasalt Putirjal. Il-ħamsa kienu għoddhom kif daqqew. U issa kont għal-kenn mil-arkati ta’ Putirjal stess u bdejt nara lil min naf u ma nafx. Folla jew forsi aħjar ġgajta li normalment taraha f’xi attivita alternattiva, xi gig, xi Club Sandwich u hekk. U xi erba’ artisti li minbarra li jkunu mal-folla bħali, kultant ikollhom il-privileġġ li jkunu fuq xi pjattaforma, bid-dawl fuqhom, bl-għajnejn fuqhom, jirċievu xi applaws u wara erba’ taptipiet fuq daharhom.

Erba’ daqqiet bir-ras lejn erba’ uċuh familjari, ankè jekk rari jew qatt m’għedna kelma lil xulxin, u ftit ‘kif inti’ lil xi erba’ oħra li huma meqjusa aktar ta’ ġewwa. Żewġ bnadar ħomor biss, aħmar skur, aħmar ta’ veru, mhux aħmar ta’ xi grupp, partit, moviment sejjaħlu li trid, konvenzjonali. L-istrixxa tal-Moviment Graffitti ovvjament kienet hemm. Il-konsistenza ta’ dan il-moviment tispikka. Regolari fi ġlidiet daqs sekundiera ta’ arloġġ matul is-satra tal-lejl ta’ meta ma’ tistax torqod. U forsi dik li tagħmel il-Graffitti, ma tħalliekx torqod u tfakkrek li għandek id-dejn. Strixxun ieħor, din id-darba umoristiku, Stop Being Bloody Nerds. Bloody tgħid kelma dispreġġjattiva? Tieħu xejn bi kbir. U slaleb ta’ Sant’Andrija fuq ħalq jew aħjar ix-xuftejn ta’ xi attivisti oħra. Flok sarima.

U mad-daqq ritmiku ta’ żewġ tnabar bdejna nimxu lejn il-Parlament. Xi erba’ tal-ħwienet ħarġu jittawlu, min jitbissem, min jieħu interess, min jagħti b’rasu qisu jrid jgħid m’għandhomx x’jagħmlu dawn. U wasalna sa fejn il-Parlament, u r-riħ beda jagħmel tiegħu, imma l-ġgajta kellha spirtu kumbattiv u spirtu ta’ komunita, li llum kif qal Mark Vella stess minflok qagħdet id-dar tiekol xi ħaġa tajba ddeċidiet li tinżel fit-toroq għax l-oppressjoni fuq kif sempliċiment tesprimi ruħha dejjqitha u qed tħossha tifgaha. Kelmtejn tal-okkażżjoni, u fost kollox il-ħames proposti.

Tispikka l-proposta li tfakkarna fil-ħrafa tas-sekulariżmu f’Malta, fejn liġi miktuba fl-1933 għada fil-Kostituzzjoni tagħna, b’piena minn xahar sa sitt xhur fil-ħabs jekk il-Knisja Kattolika tiġi satirizzata. Id-dagħa pubbliku u komunitarju kontra qaddisin oħra fil-festi hekk imsejjħa tradizzjonali nimmaġina li huwa iżda eżentat. Inkella jkollna aktar nies ġewwa milli barra. Jew forsi agħar minn hekk għal ċertu nies il-festi jispiċċaw.

Min jgħid li konna 250, min 300. Kif jgħidu l-Brikkuni dan hu poplu li jsemma’ leħnu biss meta jogħla t-trab tal-ħasil. U għalhekk in-numru huwa sinjifikanti. Fil-mument hemm min qiegħed jinkwieta fuq it-trab tal-ħasil u jinsa li ‘l quddiem taf ma jkollux ħwejjeġ aktar x’jaħsel. U ċ-ċensura tara sa mnieħirha u moħħha magħluq daqs dan.

Saturday, February 13, 2010


Qiegħed hawn ftit waħdi, il-Mars Volta qiegħdin fl-isfond, u barra huma hawn il-kwiet u l-ħemda ma’ dawn l-erba’ ħitan. Qiegħed bi flokk komma qasira imma hawn ftit kesħa fina, jew forsi umdità? Imma avolja li qed nirtgħod xi ftit m’għandix aptit inxidd xejn fuqi, hekk. M’hawnx min jagħti parir jew jindaħal, u mal-uniku ħoss li għażilt jien, hawn, x’taqbad issejjaħlu, paċi? Le naħseb forsi kelma ftit żejda, naħseb sempiliċità l-kelma li rrid. Li tkun waħdek mhux bil-fors solitudni, jew forsi aħjar is-solitudni mhux bil-fors negattivita.

Fil-friġġ hemm nofs flixkun inbid diċenti, milli baqa’ mil-bieraħ, imma naħseb għadu ftit il-ħin għalih.

Din is-sena, naqqast. Jew forsi għax ma tantx ħriġt. Imma t-Tlieta kont barra, fil-post fejn fl-antik kont inniżżel l-aktar u ħadt tnejn biss. L-ewwel wieħed għax xi ħadd insista u Malta qatt ma rrifjutat qamħ u t-tieni biex ikolli xi ħaġa f’idi. U ftit wara mort lura d-dar bil-kwiet. Kien qisu t-tieni dar tiegħi hemm. Għadni nħobbu imma l-ġenn ta’ qabel qisu telaq. Hekk, waħdu mingħajr ma pruvajt niskartah. Min kien li qal, il-verita ssibek hi u mhux tfittixha int?

Forsi l-verita ma tantx għandha x’taqsam ma’ dan. Naħseb l-affarijiet jiġu waħedhom aktar propizja, imma ta’ qabel forsi fiha aktar toqol.

Imma t-toqol mas-sempliċità li semmejt qabel ma tantx toqgħod. Jew ridt ftit taħlita. U issa naħseb gedwidt biżżejjed, jew wasal il-ħin biex nibda naħseb ftit għal dik li qed tgerger minn ġo fija.

Jew, jew, jew.