Kien hemm festun bil-bozoz ħomor fuq il-palk. U kien hemm l-isem tagħhom disinjat bil-kartun b’dimensjoni 3-d. U ma kienx hemm reklam wieħed imkien. Il-biċċa ta’ quddiem il-palk kienet għadha vojta s’issa u mad-dawra kien hemm min intasab bil-qiegħda. U l-arja kienet kajmana, ta’ kif tistenna fl-aħħar ta’ Lulju f’Malta. Nofs il-lejl beda joqrob u l-antiċipazzjoni bdiet tiżdied u l-kotra bdiet titħajjar timxi ‘l quddiem, qrib il-palk u qrib fejn se jkun hemm l-azzjoni kollha dalwaqt. U min qiegħed bil-qiegħda fuq iż-żewġ tarġiet mal-madwar beda jitgħatta. U wieħed minn ta’ bil-qiegħda beda jitfa’ l-birra mill-flixkun. Beda jiġri l-entużjażmu bih, jew il-bozoz ħomor fakkruh fil-festa tar-raħal u sussegwentament f’xi marċ? Jew ried jesibixxi viralità finanzjarja għax flixkun birra kien xi tlett ewro? Jew kien sorpriż li l-kotra llum differenti mis-soltu, u għal kunċert trid titla’ fuq saqajk. Il-kotra ma tridx toqgħod lura, b’idejha fil-but u xxengel ftit rasha u tiġbed ir-ritratti ħa timpustahom fuq il-facebook. Illum il-kotra trid tipparteċipa u tkun parti mill-avveniment u tinsa l-ġimgħa sħiħa li għadha kif għaddiet minnha, u tirremetti ġimgħa xogħol.
U ftit wara il-birra waqfet tixxerred fl-ajru u l-aħħar numru tal-album ‘Kuntrabanda’ – Funeral tal-Barberun beda ftit ftit jaqta’ l-għatx u jiġġustifika l-istennija u l-antiċipazzjoni kollha, bil-brikkuni imlibbsin b’uniformi li fakkritni fi żmien il-Franċiżi f’Malta u ovvjament Napuljun. U l-awtentiċità u r-realiżmu ta’ ħajjet il-kotra u tiegħi personali għola bit-tieni numru: ‘Uffiċju’, b’Mario Vella jpenġi stampa preċiża ta’ naħseb nofs l-uffiċji f’Malta biss flokk pinzell juża pinna u flokk biċċa karta għandu lil sħabu jdoqqu warajh.
U komplejna, waħda wara l-oħra, u min-numri ftit kajmani għaddejna għal dawk aktar mgħaġġla u n-nies issa mhux tipparteċipa biss bdiet imma tiżżagħbel qisha trid tfakkar lilha nnifisha, li qed tieħu sehem f’xi ħaġa li maż-żmien ħa tibqa’ ssemmi u tiftaħar li kienet hemm. U billi ma tantx hemm ritratti biex tfakkar u tipprova li kienet hemm ma jimpurtax għax il-memorji kollha stampati vivaċament f’moħħha. U ż-żagħbil naqas xi ftit għax issa kien hemm numru ġdid: ‘Gallinar tas-Sultan’ u din għadu ħadd ma semagħha u jixraqilha l-attenzjoni kollha.
Umbgħad is-soltu l-encore u bħal kif ġara f’Jannar u f’ta’ qabel, il-kotra għadha ma xebgħetx u tgħajjat għal oħra u wara ftit inkejja l-Brikkuni ma jiddiżappuntawx. U ankè wara l-oħra żejda il-kotra trid iżjed imma issa daqshekk u minn banda aħjar hekk għax għandi bżonn nieħu ftit nifs u għarqan xraba, u ħasra li ta’ qabel beda kollox ma għadux iwaddab il-birra, għax m’għandix aptit nimxi sal-bar.
Lejla tremenda. Lejla pinna. Lejla Maltija ta’ vera, minkejja mingħajr murtali u ġigġofogu. Is-siġar tal-Buskett qiegħdin fl-isfond ta’ kollox. Il-qamar ma jidhirlix li jidher imma hemm ftit stilel jixgħelu s-sema. U llum l-istilel xegħlu hawn isfel fil-Buskett Roadhouse ukoll.
Saturday, August 1, 2009
Subscribe to:
Posts (Atom)