Sunday, December 20, 2009

Ċikku l-Poplu

Niftakar darba kont għand ħbieb barranin tiegħi, u wara ikla tajba, bħala deżerta ħadt jew aħjar offrewli biċċa ċikkulata bil-bżar aħmar. Missieri li kien miegħi u li għalih il-Kinnie bħala ‘Bitter Sweet’ hija l-pinnaklu tal-kuntrasti fetaħ par għajnejn daqs ta’ kuntrattur meta jara xi biċċa art ODZ li fi ftit żmien tista’ tinbena biex jgħin lil xi familja biex ikollha fejn toqgħod. Jiena, ejja ngħidu li wkoll ma kontx rajt bħalha qabel, imma lgħabtha li llum b’xejn ma trid tkun sorpriż u għajnejja ma tantx ftaħthom wisq għax l-inbid kien qiegħed jagħmel tiegħu.

Il-Ġimgħa li għaddew, irħejtha lejn il-Belt għall-Chiaroscuro, li wkoll għandu l-kuntrasti tiegħu. Post ejja ngħidulu sofistikat ġewwa Strada Stretta. Imma llum m’għadx hawn baħrin, u għalhekk tista’ tgħid li l-kuntrasti nqalbu f’kompremessi. Kelli idea għal xiex sejjer imma ħriġt sorpriż aktar milli stennejt.

Ċikku l-Poplu kellu jkun hemm idoqq. U fil-fatt hemm kien. Dan Ċikku l-Poplu pjanista eċċellenti, u għalhekk sibt l-ewwel kuntrast, għax il-pjanu tiegħu mhux eżattament tal-populin imma aktar forsi tal-magħżula. Ma nafx kif m’għażilx xi isem Franċiż biex jirreklama lilu nnifsu. Ftit inbid tajjeb ġo tazza kbira li trid ftit teknika partikulari kif taqbadha ħa tidher sofistikat u pjanu li kif għedna tajjeb ħafna. S’issa xejn speċjali u kien hemm affarijiet li jmorru ma’ xulxin daqs ipod u mużika mniżżla b’xejn.

Imma meta leħen Ċikku jew aħjar il-versi miktuba minnu stess akkumpanjaw l-pjanu tiegħu stess, l-affarijiet inqalbu ta’ taħt fuq u l-kuntrasti bdew jinħolqu fi klassi għalihom. Umoriżmu fin li jgħarrxek u bħal tagħrixa tipprova tirreżistiha u fl-istess ħin qed tieħu pjaċir biha. Jew bħal xarba tajba li taf li l-għada se tqum b’rasek daqs qartalla imma terġa tagħmilha darba wara l-oħra għax iċ-ċirkustanzi mhux ituk għażla oħra.

Minn temi ambjentali għal dawk li forsi jdaħħku għax taboo, i.e. sesswali Ċikku seraq ix-xena. Miegħu kellu lil Rose u din tat palata. Oriġinalita fil-vernakular anitk u forsi anke ma’ dak kontemporarju, għax minn mindu ‘l hawn sirna nidħku għax tistaqsi tfajla tixrobhiex? Udjenza li forsi s-soltu tiddejjaq tisma’ erba’ kelmiet goffi minn erba’ fit-triq, imma llum qiegħda mixħuta mal-art tidħak tisma’ l-istess kliem jintqalu minn wieħed fuq mikrofonu.

Wara kollox il-mod ta’ kif l-istess kliem jiġu trażmessi aktar importanti milli x’jintqal.

U l-inbid intiehem ħafna aħjar għax billi Maltin mhux bil-fors inħobbu l-Eurovision.

Saturday, August 1, 2009

Brikkuni

Kien hemm festun bil-bozoz ħomor fuq il-palk. U kien hemm l-isem tagħhom disinjat bil-kartun b’dimensjoni 3-d. U ma kienx hemm reklam wieħed imkien. Il-biċċa ta’ quddiem il-palk kienet għadha vojta s’issa u mad-dawra kien hemm min intasab bil-qiegħda. U l-arja kienet kajmana, ta’ kif tistenna fl-aħħar ta’ Lulju f’Malta. Nofs il-lejl beda joqrob u l-antiċipazzjoni bdiet tiżdied u l-kotra bdiet titħajjar timxi ‘l quddiem, qrib il-palk u qrib fejn se jkun hemm l-azzjoni kollha dalwaqt. U min qiegħed bil-qiegħda fuq iż-żewġ tarġiet mal-madwar beda jitgħatta. U wieħed minn ta’ bil-qiegħda beda jitfa’ l-birra mill-flixkun. Beda jiġri l-entużjażmu bih, jew il-bozoz ħomor fakkruh fil-festa tar-raħal u sussegwentament f’xi marċ? Jew ried jesibixxi viralità finanzjarja għax flixkun birra kien xi tlett ewro? Jew kien sorpriż li l-kotra llum differenti mis-soltu, u għal kunċert trid titla’ fuq saqajk. Il-kotra ma tridx toqgħod lura, b’idejha fil-but u xxengel ftit rasha u tiġbed ir-ritratti ħa timpustahom fuq il-facebook. Illum il-kotra trid tipparteċipa u tkun parti mill-avveniment u tinsa l-ġimgħa sħiħa li għadha kif għaddiet minnha, u tirremetti ġimgħa xogħol.

U ftit wara il-birra waqfet tixxerred fl-ajru u l-aħħar numru tal-album ‘Kuntrabanda’ – Funeral tal-Barberun beda ftit ftit jaqta’ l-għatx u jiġġustifika l-istennija u l-antiċipazzjoni kollha, bil-brikkuni imlibbsin b’uniformi li fakkritni fi żmien il-Franċiżi f’Malta u ovvjament Napuljun. U l-awtentiċità u r-realiżmu ta’ ħajjet il-kotra u tiegħi personali għola bit-tieni numru: ‘Uffiċju’, b’Mario Vella jpenġi stampa preċiża ta’ naħseb nofs l-uffiċji f’Malta biss flokk pinzell juża pinna u flokk biċċa karta għandu lil sħabu jdoqqu warajh.

U komplejna, waħda wara l-oħra, u min-numri ftit kajmani għaddejna għal dawk aktar mgħaġġla u n-nies issa mhux tipparteċipa biss bdiet imma tiżżagħbel qisha trid tfakkar lilha nnifisha, li qed tieħu sehem f’xi ħaġa li maż-żmien ħa tibqa’ ssemmi u tiftaħar li kienet hemm. U billi ma tantx hemm ritratti biex tfakkar u tipprova li kienet hemm ma jimpurtax għax il-memorji kollha stampati vivaċament f’moħħha. U ż-żagħbil naqas xi ftit għax issa kien hemm numru ġdid: ‘Gallinar tas-Sultan’ u din għadu ħadd ma semagħha u jixraqilha l-attenzjoni kollha.

Umbgħad is-soltu l-encore u bħal kif ġara f’Jannar u f’ta’ qabel, il-kotra għadha ma xebgħetx u tgħajjat għal oħra u wara ftit inkejja l-Brikkuni ma jiddiżappuntawx. U ankè wara l-oħra żejda il-kotra trid iżjed imma issa daqshekk u minn banda aħjar hekk għax għandi bżonn nieħu ftit nifs u għarqan xraba, u ħasra li ta’ qabel beda kollox ma għadux iwaddab il-birra, għax m’għandix aptit nimxi sal-bar.

Lejla tremenda. Lejla pinna. Lejla Maltija ta’ vera, minkejja mingħajr murtali u ġigġofogu. Is-siġar tal-Buskett qiegħdin fl-isfond ta’ kollox. Il-qamar ma jidhirlix li jidher imma hemm ftit stilel jixgħelu s-sema. U llum l-istilel xegħlu hawn isfel fil-Buskett Roadhouse ukoll.

Wednesday, March 18, 2009

Qed nistenniek nieżla max-xita


Qiegħdin hekk qishom ringiela wara xulxin jew aħjar ħdejn xulxin. Tazzi żgħar tax-shooters. Imma mhux mimlijin bil-vodka bir-Red Bull jew biż-Zambuca. Naħseb mimlijin bil-Limunċell. It-tazza żgħira, u l-istorja qasira. Imma t-tazza mimlija sa fuq u trid taqbadha bi ftit galbu u teknika għax inkella twaqqa minnha u l-Limunċell idellek ħafna u jdejjqek. Naħseb li mimlijin bil-Limunċell għax l-istejjer ma jweġġgħulekx rasek bħall-vodka. Fihom l-alokoħol xorta waħda imma l-persentaġġ qiegħed tajjeb. Ma jaqtgħukx minn saqajk mill-ewwel, wara wieħed tieħu tnejn oħra u l-ikla ta’ qabel tħossha kompluta wara li ddurhom waħda waħda.

Mejlak iħallat il-ħelu mal-morr. Il-familjari mal-istranġier. Il-ħemda ta’ raħal Għawdxi ma’ belt f’nofs l-Ewropa burokratika. Il-parrokkjaliżmu mal-kosmopolitan.

Ħafna mill-istejjer kont qrajthom qabel minn fuq il-blogg tiegħu stess. Imma naqrahom għat-tieni darba ma ddejjaqt xejn. Bħal xarba tajba ma tiddejjaq xejn terġa’ tixrobha t-tieni darba. Speċjalment jekk preżentata fi flixkun aktar sabiħ jew adattat mill-ewwel darba. L-ewwel darba l-Limunċell kien jintefa’ fi flixkun kwalunkwe, x’aktarx tal-wiski jew vodka, bit-tikketta se tinqala’ jew ma tinqalax, din id-darba l-flixkun waħdu wkoll iħajjrek u hu ta’ dehen għal ta’ ġo fih.