Monday, April 23, 2012

L-Għanja tal-Poplu




Is-siġġu ta’ fuq ix-xellug tiegħi kien vojt.  Bl-arja kundizzjonata tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tħossok li qiegħed f’xi teatru miftuħ Grieg fix-xitwa aktar milli ġos-sala Sir Temi Zammit tal-Università ta’ Malta ma tantx ħadt gost narah vojt.  Bir-reżha nieżla l-isfel u tippenetra bdejt nikkonspira bejni u bejn ruħi li l-arja kundizzjonata hi b’saħħitha daqshekk għax il-kont tad-dawl tal-Università x’aktarx issussidjat. 
Is-siġġu tiegħi ikun E12, il-vojt ta’ ħdejja kienet it-tlettax u għedt naħseb ma nxtarax għax hawn ħafna nies superstizzjużi.  Imma fir-realta’ mhux dak kien l-uniku siġġu vojt fis-sala li għal-lum kellha tospita il-festival tal-Għanja tal-Poplu.

Kanzunetta wara l-oħra, l-palk u l-ktejjeb bil-lirika assorba s-sub konxju kollu u t-tehwdin u l-konspirazzjonijiet ta’ qabel saru xi ħaġa tal-passat.  Ħafna drabi l-pjanu klassiku preferit fuq keyboard, inħasset atmosfera ta’ awtentiċità.
Il-lingwa nattiva tesprimi dak li lingwa barranija tispjega. 
Il-lirika kienet kontemporanja u reali.  Xi kultant nammetti li kienet fuq in-naħa negattiva – abbużi sesswali fil-familja, omm ta’ żewġt’itfal fuq is-sodda tal-mewt, darba oħra imnebbħa minn fuljett tal-Moviment ta’ Kana.  Biss forsi sa fl-aħħar sirna niktbu fuq il-ħajja ta’ kuljum u ma nibżgħux inħarsu lejna nfusna fil-mera.  Imxejna miż-żmien meta konna nimlew il-vapuri lejn l-Awstralja għax hawn ma kien hawn xejn u l-poeżija tagħna titkellem fuq kemm għandna xemx sabiħa.  U wara kollox liema kien l-aħħar rumanz li qanqlek u kien mimli pożittività?

Il-kanzunetta fl-ordni tan-numru tas-siġġu vojt ta’ ħdejja kienet ‘Malta Tiegħi’ tal-Kultural.  Erbgħa telgħu fuq il-palk b’vjolin, tanbur Afrikan, mikrofonu u kitarra.  Il-lirika kont diġà tajtha daqqa t’għajn bis-serqa u ntrigatni.  L-awtur jew awturi imdaħħlin f’kontradizzjoni bejnhom u nfushom li min jaf kemm ħassejtu jien stess.  Din il-blata li tissejjaħ Malta.  Kultant tħobbha.  Kultant ma tiflaħiex.  L-istess dilemma li forsi nies bħal Ġwann Mamo jew Manwel Dimech ħassew għall-ħaddiem Malti.  L-imħabba bla qies tant li taw biċċa minnhom infushom lejh u fl-istess ħin jiskantaw bl-injuranza tiegħu u kif inhu kuntent u jilgħaq lil dak li jagħsru.  L-ebda demografija tas-soċjetà Maltija ma ssemmiet imma moħħi hemm mar. 
U flimkien mal-lirika, il-mużika ħarġet sinċerità u ħassejt l-innoċenza ta’ dawn l-erba’ żerbinotti.  Ftit kordi tal-kitarra intużaw, imma kienu biżżejjed bħal meta ħarsa waħda tkun biżżejjed biex tifhem dik xi trid tgħidlek.  Jew bħal meta nifs jgħidlek ta’ ħdejk hux komdu jew qed jitqanżah.
U ridtha tirbaħ għax ridt nerġa’ nismagħha għal darb’oħra malajr kemm jista’ jkun.

Wasal l-intervall, indaqqet il-qanpiena għal darba, darbtejn, tlieta u ntasabt għal darba oħra fis-siġġu.  Ukren wasal b’instrument b’tnejn u sittin korda donnu biex juri ftit kuntrast mad-diska li sa issa għadha f’widnejja.  Qablu kien hemm il-Brikkuni li bi tlett numri, jimlew aktar is-serata waqt li jfakkru fejn bdew u fejn waslu llum, b’isimhom jidher li għarrex widnejn il-preżentatur, b’ilsienu jirrepeti l-isem qisu qed jomgħod ħelwa tal-maskta.
Sarah Class tat tlett numri, fejn laqtitini aktar milli meta meta użat il-valvi tal-pjanu milli l-kordi tal-kitarra.
Għaddew dawn it-tlett artisti u wasal ħin tal-verdett tal-ġurija.  Ma tantx inħossni komdu nara min jirbaħ u min jitlef fil-qasam tal-arti.  Imma għal-lum se nagħlaq għajnejja.
Kultural rebħu u erġajt għext ‘Malta Tiegħi’. 

In-numru tlettax rebaħ.  Bħal Malta dan in-numru jiġi offiż ta’ spiss.  Imma parti mill-matematika’ ta’ kuljum daqs kemm il-blata li tissejjaħ Malta hi parti minn min aħna.


Malta Tiegħi tista' tinstema' hawn.

Friday, April 20, 2012

Ramel u bżieżaq




Ir-ramel inħobbu.  Speċjalment fejn jiltaqa’ mal-baħar.  Forsi nħobbu għax ifakkarni fil-baħar.  U fil-fatt inħobbu l-aktar meta jiltaqa’ mal-baħar.  Għax jixxarrab.  U jibbies.  Nimxi fuqu b’aktar faċilita.  U jiffriskali saqajja. 

Sieħbi imma ma jafdahx.  Jgħid li qatt ma taf x’hemm mistur fih.  U ta’ ġo fih taf iweġġak.  Jidħol f’saqajk u jinfettak.  U fitt ukoll.  Dubbiena tiġi fuqek u titlaq.  Imma r-ramel jeħel miegħek.  Ileqq veru imma ma jiswiex daqs kastell mibni minn tifel.

Illum imma webbiltu jiġi miegħi.  Għedtlu mmorru sal-baħar.  Ma semmejtx ramel għax inkella ma kienx jiġi mill-ewwel.  Għaddejt għalih u konna fil-karozza tiegħi.  U bl-isteering f’idi ġejt hawn fil-bajja.  Għedt f’qalbi jgerger tnejn fil-bidu u malajr jgħaddielu.  U kien liebes papoċċ mhux karkur allura m’għandux skuża li se jeħel miegħu jew li jista’ jdaħħal xi ħaġa f’saqajh.

Ipparkjajt.  Inżilna mill-karozza.  Qalli mela hawn ġejna.  U jien dħakt. 

- Se ngħaddi sal-latrina jiena.
- Irranġa.  Jien se nibda nimxi lejn il-baħar.
- Narak aktar tard mela.

U mxejt fuq ir-ramel.  In-naħa n-niexfa.  Ma qarmiċx taħt saqajja imma mellisni.  Kważi xtaqt li għandi qasma f’saqajja ħalli jidħol ftit ramel hemm u jsir aktar parti minni.  Mort in-naħa l-oħra tal-bajja.  Ridt nimxi fuq ir-ramel kemm niflaħ, imma ma ridtx indur u nagħqad fi ċrieki, għax bżajt li l-koppja mixħuta fuq ir-ramel jgħadduni b’sempliċi.

Intasabt fejn kien hemm biċċa ġebla ġmielha u xrift ix-xugaman.  Il-ġebla sservi bħala mħadda.  Se tkun iebsa vera imma r-ramel se jkun aħjar mill-aqwa saqqu.  Ħriġt il-ktieb.  Naqra ftit qabel ninżel ngħum.  Għadu ż-żmien għall-baħar forsi imma la qed hawn u x-xemx qed tiddi mhux se nitlef għawma.  Imma nħalli l-għawm għall-aħħar.  Bejn għax l-għawma qisha l-ġelat u għalhekk tagħmilha l-aħħar biex tissiġilla l-ġurnata u bejn ikolli nammetti li ‘l bogħod mill-idealiżmu nagħmel hekk għal ġieħ il-prattiċita. 
Jekk ngħum issa nirżaħ u jkolli ndur lejn id-dar.
Sadattant se nixħet rasi ‘l fuq u nkompli dal-ktieb.

U rasi qiegħda ‘l fuq imma l-ktieb niżżiltu biex naħseb ftit fuq l-aħħar sentenza li qrajt.

‘It-tama bħal bużżieqa, ma tistax issalpa lejn is-sema jekk iżżommha bi spaga.’

U qed nara ħames bżieżaq.  Safra, ħamra, blu, vjola u ħadra.  Tnejn oħra jonqos biex ikun hemm il-kuluri tal-qawsalla.  U mdendel magħhom, jixxengel ‘il fuq mir-ramel hemm Xandru.

Xengilt idi.  Mhux bħal Taljan meta jrid jispjega.  Imma bħal Malti li qed jistgħaġeb u ma jistax jifhem.

- Taf li niddejjaq nimxi fuq ir-ramel.

Monday, April 9, 2012

X'imkien ieħor


Qiegħed hawn għas-sirda ta’ dan l-għodu. Ngħasses dan il-palazz. Palazz li qed iġegħlni nħossni żgħir. Daqs nitfa. Fejn ġewwa jgħix wieħed ħafna iqsar minni, u li mhux kapaċi jiddritta daqsi imma meta jgħaddi jimla l-atmosfera tal-madwar u nħoss dehxa tul ġismi kollu li tinfed mhux biss l-uniformi li nkun għaddejt fil-għodu imma l-għadam mgħottija minn laħmi.

Din l-għodwa bdiet bit-tajjeb. Qomt qabel l-iżverjalin. U minn soddti imxejt l-erba’ passi li għandi bżonn biex nasal fil-kċina. U kewwist kikkra te. Ma żidtx ħalib. Ħallejt ir-riħa tat-te titla’ sa mnifsejja. U tpaxxejt nara l-fwar telgħin ‘il fuq u xħitt idi fuqha, nħallieha ssaħħanomli. U mlietni u saħħnitli l-intern.

Bħalissa kull m’għandi f’idi l-manku. Kiesaħ silġ. Subgħajja ma niflaħx nagħlaqom. Fuq spallti għandi l-kumplament tal-ixkubetta. Tqila. Li ma tafx bi sħana.

Sagħtejn oħra imma jibdluni. Nidħol ftit ġewwa. Inserraħ l-ixkubetta flok ma dahri mal-ħajt. U nerġa’ nkewwes kikkra te oħra. Bħal ta’ fil-għodu.

Wednesday, March 14, 2012

Numru wieħed


Numru wieħed. Tal-ewwel. U kif tista’ timmaġina, miċ-ċokon tiegħi wieħed biss joqgħod hawn. Jiswa daqs mija imma. Jieħu ħsiebi. Malli ż-żebgħa titqaxxar ftit mill-ewwel tarah ħiereġ minn hawn, jixxkatlani kollni, u jtini laqgħa. U nerġa nħossni ġdid. Il-kuluri dejjem vivaċi, perfett biex nikkuntrasta mal-isħab griżi li huma n-norma hawnhekk.

Hu qed jikber. Fil-fatt waħħal pum biex waqt li b’idu x-xellugija jdaħħal iċ-ċavetta fis-sallatura u jiftaħ iżomm bil-leminija, u jħossu sod. Forsi wkoll għax fix-xitwa taħmel ħafna xita u ż-żewġ indani jiġu jiżolqu.

Ħabbata m’għandiex. Ma hemmx bżonn. Min jiġi kemm jgħaqqad ponn u bl-għekiesi tal-erba’ swaba iħabbat. U s-sid jiġi jiftaħni. Meta jkun hawn. Kultant hawn min iħabbat b’difrejh, u jdarrasni. Oħrajn li huma ftit aktar spissi, jiftħu l-ħalq li għandi u jsejjħulu b’ismu. U hu jiġi jiftaħni malajr aktar mis-soltu.

Il-bieraħ kienet waħda minnhom. U wara li s-sid fetaħ bid-daħka tas-soltu, ħareġ u ħallieni mbexxaq. Baqa’ quddiemi. Wiċċu lejja. U beda jħares mhux dirett lejja għal-bidu. Beda jsemmi kif ix-xitla qed tixxeblek, u li r-roża tagħha jaqta’ maċ-ċelest tiegħi. Nixtieq kieku naraha xi darba. Imma jien l-affarijiet ta’ faċċata biss nara.


Umbgħad dak li ġie qallu, ‘Numru wieħed dejjem bqajt’.

‘In-numru għaxra ta’ Downing Street ikollok tiżbgħu iswed u ċ-ċelest nippreferieh jien,’ wieġbu.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Chris Agius.

Tuesday, March 6, 2012

Flok sirt siġra

Poġġewni hawn f’nofs dat-taraġ. Fuq l-art tal-konkos. Minflok f’xi ġnien, fejn ġardinar itini dak li għandi bżonn biex ngħix kuljum. U nkun nista’ nħaddar u nsebbaħ, noffri l-kenn lil xi għasfur u jħallasni lura b’għanja minn tiegħu.

Jew forsi nitwal u nitwal u ‘l quddiem nixxeblek ma’ xi ħajt tas-sejjieħ imtella’ b’sengħa. Hawnhekk il-ħajt qiegħed hawn għax ilu hemm. Laqgħa żebgħa ilu ma jieħu, u l-ġimgħa l-oħra smajt erbat itfal jgħidu li dak l-isfar qisu dak li għandhom fil-klassi.

Dix-xitwa kesaħ fuq li kesaħ. Kesħa li daħlet f’għeruqi u tertirt mingħajr ma stajt qatt inċekek snieni. U minflok waqawli l-erba’ werqiet li kelli li kienu telgħu meta kont għadni fil-ġnien. Illum ftit xemx imma issa l-ħsara saret. Qisha vitamina fuq min diġa l-kankru laħaq kważi ħadu. Imma għallinqas f’dawn l-aħħar erbat ijiem ta’ ħajti qed inħossha bħal kutra li qed tmellisni. Is-sħana qatt ma għamlet ħsara lil ħadd. U jien waħda minnhom.

Poġġewni f’din il-qasrija. Xi darba kienet kannella illum imnittna daqs il-ħajt. Qasrija li hija l-metafora ta’ ħajti hawnhekk f’dan it-taraġ, fejn min jgħaddi minn hawn jgħaddi għax ikollu bil-fors aktar milli għax jieħu pjaċir jgħaddi minnu. Il-bieraħ ġie ġuvnott b’maktur ma’ wiċċu u kiteb bl-isfar erba’ kelmiet li jien ma nistax nifhem daqskemm ma nistax nifhem kif spiċċajt hawn.

Kienu wegħduni li jien dak li dat-taraġ għandu bżonn biex jisbieħ. Imma waħdi m’għamilt ebda differenza.


Minflok sebbaħt, krieht jien bħall-madwar.


Dan ir-ritratt partikulari ittieħed minn Alan Falzon. Għal aktar ritratti tal-istess Alan, żur dan is-sit.

Saturday, February 18, 2012

It-Trabokk tal-Brikkuni

Fi kliem il-Brikkuni stess, sigriet bejn tnejn m’hu sigriet xejn.

Il-kelma issa ġriet. Niftakarni xi erba’ snin ilu, mmur il-Liquid biex narahom l-ewwel darba, meta nedew l-ewwel album tagħhom ‘Kuntrabanda’. Il-folla kienet mdaqqsa u xejn iżjed. Niftakarni nasal ftit tard, għadni ma nafx eżatt x’se nsib eżatt, imma l-kurżita kienet għelbitni. Bħal kif kienu għelbu s-sens infantili lil dak il-proxxmu li fl-istess lejla ċempel lill-pulizija biex jgħidilhom li hemm bomba fil-post.

Is-snin gerrbu. Mil-Liquid, niftakarni nikkjuwja l-MITP il-Belt biex nerġa’ nesperjenzahom, qalbi ttaqtaq din id-darba jirnexxiliex nidħol jew le. Xi kunċert żgħir ‘l hawn u ‘l hemm minn xi tlett membri, umbgħad kunċerti sħaħ il-Buskett, it-Tattingers fi żmien il-Milied, l-Ospizio fis-sajf, l-Imtarfa għal ftit ħin, it-Tattingers għal darba oħra, imma fuq din anqas ma ngħidu fuqha aħjar.

U s-Sibt li għadda għal darba oħra l-Belt, din id-darba mhux l-MITP, imma s-City Theatre fejn il-post kbir biżżejjed biex jesa’ ħobża imma kuntarju għal dak l-oħxon li żaqqu ma tesax kelma, il-konfini tiegħu ma jippermettux il-kliem u l-mużika jaħarbulu u ħadd m’għandu għalfejn iċempel u jieħu ħin lil Ċikku ċ-Ċinkwina għax ma jistax jorqod minħabba l-istorbju, wara kollox dan mehdi fuq każ importanti li għadu ma ssolviex.

Xbieki ma kienx hemm, trabokki lanqas imma kulħadd deher maqbud. Maqbud mill-melodija u l-kliem ħerġin minn fuq il-palk. In-nies qiegħda tisma’ b’attenzjoni, dak li ilha tistenna xhur sħaħ. Uħud jidhru li rifsu fuq it-trabokk għall-ewwel darba, u qegħdin maqbudin minn dak kollu li qed jiġri quddiem għajnejhom u qed iħammel widnejhom. Niftakar lil xi ħadd jgħid li għal kunċert passat, kien hemm diverista’ ta’ minn punks għal indie kids. Illum jidher li hemm diversità minn tfal fl-aħħar snin tal-adoloxxenza għal persuni fl-aħħar snin tagħhom fl-uffiċju.

Tlettax –il diska wara l-oħra ġdida mingħajr waqfien. Għalissa ftit hemm żagħbil, l-attenzjoni għandha prijorità. Il-melodija forsi aktar mirquma minn dak ta’ qabel. Xi sebgħa mużiċisti b’kollox imma l-ħoss magħqud. Il-vixxra mużikali aktar kawta minn ta’ qabel, imma l-lirika nieqsa mir-rispett lejn min jitlob ir-rispett għax dejjem poġġewh fuq pedestall mingħajr wisq mertu. Kultant jidħol ftit romantiċiżmu għax fejn hemm il-poeżija diffiċli tirreżisti. U fuq kollox niftakru li l-lingwa Maltija meta mħaddma kif suppost taf tgħaxxiek daqs kull lingwa oħra, jekk xejn tispjega din il-blata u l-qoħob tagħha aqwa minn kull lingwa oħra. Il-libsa li xtrajt turi l-gosti tiegħek aktar minn dik li krejt.

Wara dan kollu, marru lura lejn Kuntrabanda. Xi negozjanti saru nies bil-kuntrabandu. Għal din il-banda, l-kuntrabandu bil-a kien il-pedament tagħhom. Pedament li f’xi żmien forsi kien hemm min jaħsbu kastell tar-ramel jew inkella diċerija. Imma meta tmiss b’idejk ikollok tammetti li d-diċerija issir fatt. U issa kien imiss li l-pedamenti tas-City Theatre sodi biżżejjed, hekk kif beda l-brijju bil-qbiż minn folla li riedet tiċċelebra ma’ min qed jindukralhom is-sens tas-smiegħ tagħhom.

Monday, February 13, 2012

Fidwa jew platt


“Għedtlek ibni, għedtlek.”

“Ħallini ma.”

“Għedtlek biex ma tmur xejn.”

“Ma flaħtx, ma flaħtx ma mmurx.”

“Jien issa ma niflaħx ibni. Issa ma niflaħx inhares lejk. Hekk f’dis-sura.”

“Ħallini ma.”

“Ikel fuq il-platt b’xi mod dejjem kellna.”

“Ikel bla togħma kellna ma.”

“Żaqqna dejjem imlejnieha.”

“Nieklu biex ngħixu ma.”

“L-ikel għalhekk qiegħed.”

“Ma tifhimx ma int, ma tifhimx.”

“Fil-grieħi nifhem ibni.”

“Hallieni ftit bi kwieti issa ma.”

“Ma niflaħx ibni narak hekk.”

“Il-feriti jingħalqu.”

“Basta qabel tagħlaq għajnejk.”

“Dmiri għamiltu.”

“Id-dmir lejn Allah biss.”

“Id-dmir lejn il-kuxjenza.”

“Id-dmir, id-dmir, Allah sabbarni.”

“Għal darba kont qed inħossni utli.

L-elettriku li dan l-aħħar ma kellniex ħassejtu jgħaddi minni. Konna flimkien. Idejal wieħed. Forsi veru, qed nikkupjaw lill-Eġizzjani u lit-Tuneżini. Imma l-għajta llum kienet tagħna kollha kemm hi. Ftaħt idejja beraħ u għajjat b’gerżumti kollha u b’tama. Għax naħqa ta’ ħmar forsi qatt ma telgħet is-sema, imma dak il-ħin ħassejtna bħal żwiemel. Żwiemel li ddejqu fl-istalla, u qed jagħtu b’saqajhom mal-ħajt jittamaw li t-tektik tan-nagħla idejjqu widnejn is-sid, u jiċċaqlaq biex jagħmel xi ħaġa.”

“Titbaqbaqx ibni, stejqer.”

“Għal darba ħallieli qalbi tħabbat mija mija ma. Xbajt niddubita jekk baqax qalb hemmhekk.”

“Saram żejjed ibni.”

“Oħlom ftit ma, u insa l-platt.”

“Tgħid hekk għax dejjem sibtu.”

“Jien nimrah irrid ma. Nieħu n-nifs fejn irrid mingħajr bżonn nirreġistrah.

U inti taf daqsi li sa issa ma stajtx nagħmel hekk. Il-platt dejjem sibnieh, bħal kif iċ-ċekk dejjem wasal ukoll. Imma għal erbgħa kuskusiet biex nimlew żaqqna biex l-għada nerggħu nqumu lura għax-xogħol bqajna dejjem hawn. Il-platt qed hemm biex ninħelbu aktar. Ngħollew għall-karrottu, nigdmuh, inħassru sninna, nibqgħu fil-gallinar nissemnu ħalli nagħmlu stuffat tajjeb.”

“Iskot ibni, iskot.”

“Ma neħħi ftit l-ingwanti. M’għandiex ġdiem.”

“Kif qed titkellem hekk ibni?”

“Ħallieni ħa nħoss idek fuq għonqi u fuq il-gerżuma bħal kif darba kont tagħmel, u kont nitgħarrex u kont nogħxa. U hawn waħedna ma qegħdin. Neħħi ftit dak l-għamad minn ma wiċċek u ħallieni nħares lejn il-wardiet ta’ wiċċek, li min jaf kif daħlu ‘l ġewwa imma ħadd ma seta jeħodomlok u ħallieni nogħxa ftit fihom, bħal meta tarbija kont nogħxa f’biżlejk.

Fidwa tas-sensi rrid ma, mhux platt.”


Dan ir-ritratt huwa rebbieħ tal-World Press Photo of the Year, hu meħud mill-Ispanjol Samuel Arandaon ġewwa l-Yemen.