Monday, September 18, 2017

Meta l-kapparra ta' immigrant tinsteraq



Ibrahim, immigrant ta’ tletin sena, ilu Malta daqs seba’ snin, u ġej minn pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq li ma tantx jissemma.  Jitkellem b’Malti diċenti, u ma jersaqx lejn it-Tiger Bar.  Għadu bla karti uffiċjali, u ta’ fuqu ħafna drabi jkunu senduqu għax lanqas sempliċi kont il-bank ma jista’ jiftaħ.  Wara sena detenzjoni, mar fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.  Ma tantx dam hemm, għax la rriskja ħajtu biex jitlaq mil-Libja, għalih ma kienx jagħmel sens li jgħix ħajja tat-tieni klassi.  Sab xogħol, li sa issa għadu fih, u ma’ sieħbu sab jikri post f’Birżebbuġia.

Dam jgħix f’dan il-post f’Birżebbuġia għal snin sħaħ u kien għoddu rabat qalbu ma’ dan il-post u raħal.  Imma bħal ħafna drabi f’ħajtu, kellu jbiddel.  Sid il-post iddeċieda li jwaqqa’ l-post fejn hu u sieħbu kienu joqogħdu u għalhekk kien kostrett li jsib kenn x’imkien ieħor.

Minn hawn u minn hemm sab kenn f’appartament fil-Gżira ma’ żewġ ħbieb oħra.  Minn kamra għalih, kellu jidra jaqsam kamra ma’ ħaddieħor.  Il-post tal-Gżira beda jarah aktar u aktar bħala post temporanju.  Beda jfittex.  Imma jew mhux sajjied tajjeb jew il-lixka tiegħu billi ta’ kulur skur ħafna, ħafna jitfantsu minnha, u meta jkellem lill-aġenti tal-proprjetà, aktar isib xuftejn jingħalqu milli bibien jinfetħu.  Imma darba fost l-oħrajn, deher xaqq ta’ dawl.  Waqt ħafna tfittxija bħas-soltu fuq Facebook, sab aġent li tah widen.  Qallu li għandu appartament f’raħal fin-nofsinhar ta’ Malta u jekk irid jiltaqgħu biex jarah.  Sadattant l-aġent bgħatlu xi ritratti tal-post.

Għal darba l-aġent żamm kemm kelmtu u kemm il-ħin, kombinazzjoni ftit rari.  Imma sfortunatament Ibrahim kellu jitqanna bir-ritratti ta’ fuq il-mobajl.  L-aġent infurmah li bħalissa hemm xi ħadd li qed joqgħod fl-appartament u ma jistgħux jidħlu.  “Imma tinkwieta xejn, daqt joħorġu.  Issa jekk trid iżżommu, jekk jogħġbok ħallasni €450.  Jekk ma ttihomlix intih lil ħaddieħor.”

F’ċirkustanzi normali, aġent bħal dan ixxommu jinten aktar minn ħuta ilha maqbuda jumejn u tħalliet barra ‘l bogħod mis-silġ.  Imma meta inti stess ikollok lixka li ħadd ma jrid, tibda tissuspetta li l-lixka tiegħek qiegħda tinten u mhux il-ħuta, u tibda tikkonvinċi lilek innifsek li sa fl-aħħar se jirnexxielek ikollok post diċenti għal fuq rasek.

Imma għaddew il-jiem, il-ġimgħat u dan il-post li Ibrahim ħallas il-kapparra fuqu qatt ma rah.  Ix-xahar inqabeż u minn wieħed saru tnejn.

“Min għandu l-post issa ma jridx jikrih, se nipprova nsiblek post ieħor,” beda jgħidlu l-aġent.
Wara ħafna ripetizzjonijiet ta’ din il-frażi, Ibrahim ried il-flus lura.
Imma din id-darba l-aġent la kien mobbli u lanqas żamm kelmtu.  Fl-aħħar minuta l-appuntament beda dejjem jitħassar.
Ftit aktar wara, l-unika tweġiba meta jingħafsu n-numru tal-aġent saret waħda awtomatika li tinformak li l-mobajl huwa mitfi.

Ibrahim irrealizza li mhux biss il-ħolma li jerġa’ jkollu post diċenti sfaxxat imma anke l-€450 li tant għoroq għalihom saru rmied.
Staqsieni għall-għajnuna, u bdejna billi flimkien żorna l-għassa tal-pulizija qrib ta’ fejn joqgħod biex jagħmel rapport.  Laqgħana membru tal-korp tal-pulizija, li b’kortesija tkellimna fit-tul u wara li Ibrahim ħareġ l-irċevuta, b’sorpriża tgħallimna li n-numru tal-karta tal-identità kwotata kienet valida.  Meta isem l-aġent daħħaltu fis-sistema ta’ Google, sirt naf li l-persuna huwa magħruf mill-pulizija u li fil-fatt kumpanija tal-aġenti diġà tellgħetu l-qorti wara frodi u weħel sentenza sospiża.

Ġejna mgħarrfa li aħjar isir rapport uffiċjali fir-raħal ta’ fejn il-post kien se jinkera.  Wara ħafna drabi, li qisu Ibrahim u l-pulizija ma bdewx jinftehmu sal-aħħar, iddeċidejt li nerġa’ nakkumpanjah.  Ħadulu d-dettalji biex isir rapport uffiċjali, imma l-pulizija dehret idejha marbuta u bla saħħa ta’ x’passi tista’ tieħu.
Sadattant Ibrahim irid jerġa’ jmur l-għassa biex jgħaddi kopja tal-irċevuta għax fotokopja fl-għases jidhru għadhom ma waslux, u tant ieħor mhux possibli li tintbagħat kopja ta’ din l-irċevuta bil-posta elettronika.

Ibrahim se jerġa’ jiftaħ ferita u jieħu triq twila oħra lejn l-għassa.

Il-każ tiegħu ma jidhirx uniku.


* L-isem ‘Ibrahim’ huwa fittizzju.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq It-Torċa tas-17 ta' Settembru, 2017