Monday, July 17, 2017

Jeremy Corbyn, Glastonbury u hawnhekk

Deher inkredibbli kif matul il-festival ta’ Glastonbury, fl-Ingilterra li seħħ fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn seraq ix-xena.  Il-festival ta’ Glastonbury huwa leġġendarju, għandu storja twila, u bla dubju huwa daqstant ieħor prestiġġjuż.  Il-mużika hija l-arti li tagħti spettaklu waqt dan il-festival.  Madanakollu politikant qanqal aktar nies b’sempliċiment diskorsu minn ħafna artisti b’instrumenti ta’ kull xorta u ilħna sofistikati.

L-arti fiha nnifisha tista’ tintuża bħala ħarba mir-realtà, kif ukoll bħala mezz biex wieħed ifakkar fil-ħajja ta’ kuljum u jara kif jista’ jbiddel, jevolvi jew iħalli kif inhu. 

Hawn Malta, sfortunatament ħafna drabi, l-artist, kemm mużikali, letterarju u f’kull qasam ieħor joqgħod wisq ‘il bogħod mill-politika.  Jgħid jew jagħti x’jifhem li jibża’ li jiċċappas mal-politika.  Imma fir-realtà, l-politika (fis-sens wiesa’ tagħha u lil hinn mill-partiġġjaniżmu) mhix sempliċiment il-ħajja ta’ kuljum?  Jekk tibża’ tiċċappas bil-ħajja ta’ kuljum, għaliex toħloq l-arti?  Għaliex forsi wkoll anke jekk mintix artist toħroġ lil hinn minn darek?  Hawn min iwieġeb li għalih hija l-imħabba li hija l-forza l-aktar qawwija li ġġiegħlu joħloq l-arti.  Imma l-imħabba, bl-universalitajiet kollha tagħha hija wkoll parti mill-ħajja ta’ kuljum u sussegwentament il-politika.  Forsi, tidher stramba, imma staqsi lil xi ħadd li jħobb persuna li għandu orjentazzjoni sesswali differenti minn dik li s-soċjetà kklassifikat bħala n-norma, u ara l-imħabba tiegħu ssibx ħafna ħitan minħabba l-politika li hija msawwra mhux biss mil-politikant imma mis-soċjetà kollha kemm hi, fi kliem ieħor jiena u inti.  Għax ukoll minkejja li ħafna liġijiet jinbidlu, bħal kif qed isir f’pajjiżna, il-liġi tat-triq għandha daqstant ieħor saħħa tirribatti dak li jgħaddi mill-parlament.  Minkejja li issa ilha li għaddiet il-liġi tal-unjoni ċivili u saħansitra liġi li tagħti drittijiet indaqs lil kull min irid jiżżewweġ hija appik li tgħaddi, rarament f’Malta tara żewġ maħbubin tal-istess sess jimxu għall-affari tagħhom id f’id.

Biss ukoll naħseb dan huwa minħabba li l-bidla tieħu ż-żmien biex issir in-norma.  Ukoll, kulħadd għandu jiġi trattat indaqs, għax kull tip ta’ inġustizzja tiżbilanċja soċjetà u tnaqqas il-possibilità tal-paċi.  Kif qal f’diskorsu, Jeremy Corbyn stess, “Meta n-nies mid-dinja kollha, jaħsbu u jikkooperaw lejn għan wieħed, minkejja l-lingwa differenti tagħhom, il-fidi differenti tagħhom, il-paċi hija possibbli u tista’ sseħħ.  U tafu xiex?  Ejja nieqfu nżebilhu lir-refuġjati, nies li qegħdin ifittxu post ta’ kenn minn dinja krudili u perikoluża.  Dawn huma kollha umani daqsna li qegħdin hawn illum.  Qegħdin ifittxu posta’ sigur u fl-istess ħin jaraw kif se jagħtu kontribut lejn il-futur tagħna lkoll, mela ejja ngħinuhom f’dan il-mument li għandhom bżonna.  Dawn la huma theddida u lanqas periklu għalina.”

Ukoll nemmen li fuq din il-blata bħalissa għaddejjin minn rivoluzzjoni kulturali.  Il-mużika bl-ilsien Malti m’għadiex mistmerra, u fejn sa ftit żmien ilu ċertu radjijiet kellhom prassi li ma jdoqqux mużika Maltija, llum is-sitwazzjoni nbidlet.  Għaliex il-lingwa li artist juża biex jesprimu ruħu hija wkoll att politiku.  Dak li tgħid bil-Malti ma jinstemax l-istess meta tlissnu bl-Ingliż jew lingwa oħra.  Dan seħħ imma mhux għax sempliċiment l-affarijiet inbidlu b’mod naturali, jew għax min għandu interess finanzjarju ħadem għal dan.  Bħal kif qal Jeremy Corbyn f’diskorsu, “Il-klassijiet għolja u dawk tal-poter f’idejhom qatt ma tawna xejn b’xejn.  Kull ħaġa li ksibna, nkisbet għax hemm isfel kien hemm min xtaq u ħadem għal ħajja aħjar, u talab biex jingħata l-parti tiegħu mill-ġid li ħoloq hu stess.  Għalhekk kollox jiddependi minn kif aħna naqsmu l-ideat tagħna.  Hija bl-unità li nirnexxu.  Aħna ninspiraw ruħna b’ħafna affarijiet differenti.  F’kull tifel hemm poeżija, u f’kull tifel hemm tpenġija, u f’kull tifel hemm il-mużika.  Imma hekk kif in-nies jikbru fl-età, iħossuhom imbarazzati u jgħidulek, ‘u jien għadni t’hekk?  Ma jistax ikun li nibqa’ nikteb il-poeżija.’  Imma le, jiena rrid li t-tfal tagħna kollha jkollhom id-dritt li jitgħallmu l-mużika, jiktbu l-poeżija u li jpinġu kif jixtiequ u kif iridu.’’

Jekk Corbyn spiċċa jikkwota lil Shelley, ‘’Qumu bħall-iljuni wara raqda, f’kotriet li ma jistgħux jintgħelbu, tfarfru mill-ktajjen qiskom qed tfarfru minn fuqkom in-nida, li niżlet fuqkom waqt ir-raqda, - intom ħafna, waqt li huma waħdiet”, jien se nikkwota lill-band Maltija l-Brodu, li jfakkruna fina nfusna b’dawn iż-żewġ linji:

‘Jien antikapitalist, nisrani u ambjentalist
Insalva lid-dinja kollha, u ġo dari mietu kollha.’


Inkomplu nikbru meta nħarsu lejna nfusna fil-mera.  Bl-arti.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tas-16 ta' Lulju, 2017.