Friday, April 18, 2008

Sitta u Disgħin

Kien żmien differenti. Kien żmien ieħor. Dsatax –il sena ilu, l-logħba tal-ballun u dak kollu li ġġib magħha kienet annimal ieħor. Ma kienetx fuq it-televiżjoni l-ħin kollu. Ma kienx hemm personalitajiet jilgħaqu mal-madwar. Ma kienx hemm il-kuntratti tal-lum, b’żeri fuq wara aktar minn minn lira antika Taljana, jew taż-Żimbabwe bħalissa. Xalpa u biljett fil-but ta’ wara kien iġorr stigma. Bħal meta f’cafè mimili pretensjonijiet, tordna t-te’ ġo tazza. Jidħku bik.

Imma l-istigma ma twaqqfekx milli tħobb. Għax jekk fl-istigma hemm tistrieħ u taħrab, it-tebgħa ma timpurtakx. L-aktar, l-aktar tgħattiha b’xi ħaġa. U hekk kien għal ħamsa u għoxrin elf persuna, nhar is-Sibt, 15 ta’ April, 1989. Marru għas-semi-finali, lejn Sheffield, fl-istadju bl-isem ta’ Hillsborough. Il-Kummissarju nkarigat kien ġdid, ċertu wieħed Peter Duckenfield. Bħal meta kowċ ibiddel il-goal keeper qabel penalty. Imma forsi meta t-tim l-ieħor ma tirrispettahx u ma jġorrx wisq piż, ma tiddarrasx. U l-ħamsa u għoxrin elf daħlu, wieħed wara l-ieħor fil-gaġġa. Anzi f’erba’ gaġġeg, ta’ wara l-lasta. Ħadid jaqsam il-biċċa ta’ wara l-lasta f’erba’. Il-ġnub sparsi, u n-nofs jitgħaffġu. Ma kienx hemm min imexxi. Ejja ħa mmorru. Il-logħba ma ttardjatx. Ejja ħa neħilsu.

Ix-xemx għal darba ħarġet, imma mhiex tintlaħaq. Mhiex tinħass. Jinħass biss pandemonju, u l-arja kiesħa tal-mewt. U l-gradi ta’ quddiem jirreżistu. In-nifs jinżamm mhux bl-eċċitament imma bil-paniku. Awtoritajiet b’idejhom marbuta, imbeżża li jista’ jisfrattalhom xi żiemel u jarmihom mal-art. Ma kellhomx x’jinkwetaw. L-art kienet tat-tajjar u kien hemm jgħatti. Għax gvern konservattiv jista’ qatt jeħodha kontra min qiegħed jieħu ħsieb erba’ delinkwenti?

U sitta u disgħin jaraw il-flokk aħmar għall-aħħar darba. Sitta u disgħin familja titfarrak darba għal dejjem. Waqt logħba noli, ħarbu il-bogħod iżżejjed, inbarmu u qatt ma rritornaw. U min jaf hux aħjar jew agħar. Imma l-logħba tilfuha darba għal dejjem, u l-logħba ma baqgħet qatt l-istess mingħajrhom.

U l-qraba għadhom ifittxu t-traċċi ta’ x’ġara sew, bl-insulti ta’ kumpilazzjoni ta’ erba’ karti li ġġib l-isem tal-ħaġa li l-Gran Brittanja l-aktar nieqsa minnha jidwu ġo widnejhom. U l-inkjesta ta’ Lord Taylor ġġib ftit serħan. Serħan ta’ ftit minuti għax is-saqqu għadu iebes u ma jiflaħx raqda sħiħa.

U sadanittant l-istadji nbidlu, u minn gaġġeġ għandna il-miftuħ. U sit biex tpoġġi fuqu. U nies li ma jafux x’ġara eżatt dakinhar paxxuti fuq is-sit meta kieku mingħajr dak is-sit qatt ma resqu ‘l hemm. U mal-anniversarju kellna qassis jixgħel sitta u disgħin xemgħa.

U l-għada żewġ Amerikani komplew jillitikaw ta’ min għandu jibqa’ fil-bord u min le.

Monday, April 7, 2008

Dilemma

Saqajja m’għadhomx jieħduni waħedhom. Saru jeħlu. Saru jitgħawwġu flok jiġġebdu. Imma x’sejjer nagħmel? Bħal Joe Strummer meta staqsa Should I Stay or Should I Go? Imma fl-isfond m’hemm l-ebda riff ta’ kitarra li ġġagħlek tiċċaqlaq. Hemm biss silenzju perfett għax il-moħħ mhux bħall-istonku, ma jgergirx li jinstema’. U la bdejt nistaqsi, x’aktarx ma mmurx. L-affarijiet inbidlu. Il-mistoqsijiet żdiedu.

Għax hekk. M’hemmx spjegazzjoni. Għatx ta’ ftit xhur qtajtu f’darba u għoddu faqagħni. U bħalissa qiegħed jogħġobni l-kwiet u m’għandix aptit niċċaqlaq minn fejn qiegħed. Imma qisha d-deċiżjoni kienet ġa saret qabel, u bħalissa qiegħed biss niġġustifikaha. Kont ġieli mmur biex niġġustifika ftit lili nnifsi, jew għax nibża’ li se nħoss il-mankanza tagħha mal-ġimgħa. Għax iċ-ċans darba jiġi f’ġimgħa. Jew ngħid li mmur hemm biex nieħu xi ħaġa oħra minflok. Bħal meta tmur il-baħar u flok tgħum, tmur biex tħares lejn l-erba’ siġriet li hemm mal-ġenb, minflok tmur fi ġnien sħiħ għalhekk. Jew bħal meta tixtri mobajl biex iżżomm erba’ indirizzi u numri flok biex iċċempel bih. Imma dak iż-żmien dik l-iskuża kienet tgħodd. U strieħajt biha, u għalhekk kollox għadda b’wiċċ il-ġid. U bħall-mobajl, kien hemm min jarak bih imdendel ma qaddek, u qtajt nofs il-problema avvolja bla kard.

Imma kultant m’hemm xejn ħażin, li tuża oġġett jew okkażżjoni għal skop ieħor. Il-mobajl illum sar jintuża għal kollox kważi barra biex iċċempel. Il-qamħ flok għall-ikel qiegħed jinżera’ biex jinħoloq il-bio-fuel. Imma l-bieraħ il-qamħ baqa’ fl-ixkora u l-mobajl baqa’ mitfi. U la qabadni ġuħ, il-karozza mxiet xorta, u kkomunikajt ma’ min ridt xorta.

Imma forsi ġimgħa oħra tkun mod ieħor. Għadu kmieni. Is-saqajn taf flok jitgħawwġu jitkaxkru ftit.

Monday, March 31, 2008

Lura

Stennejt, tlaqt, wasalt, qgħadt hemm u issa ilni kważi ġimgħa lura hawnhekk. Lura d-dar. Lura fuq il-blata, li xi kultant kont insejjħilha qaħba u issa qiegħed ngħajjtilha ma. U ħafna affarijiet ma nbidlux, baqgħu għaddejin mingħajr qisu jien qatt ma kont hemm qabel. U issa li ġejt lura, rritornajt lejn ix-xogħol u bdiet ir-rutina ta’ qabel, li kienet imkissra għal kollox f’dawn l-aħħar ftit xhur. U flok il-ġdid, issa qiegħed insib il-familjarità, u l-wens li ġġib magħha din l-istess familjarità. Rutina li xtaqt naħrab għal ftit, imma issa erġajt lura għaliha waħdi, mingħajr imbuttaturi żejda. Waqajt għaliha bħal ma terġa’ taqa’ għal xi vizzju. Bejn għax m’hemmx għażla oħra u bejn għax hemm ċertu kumdita fiha.

U l-bieraħ saqajja ħaduni lura lejn il-klabb. Din id-darba rajthom jilgħabu f’ħin normali. U kif jgħidu l-affarijiet żgħar jagħmlu d-differenza kollha. Ħassejtni tajjeb immur lura, u mhux vera li bogħod mill-għajn bogħod mill-qalb. Tkun taf x’għandek meta titilfu, u meta ssibu lura tgħożżu iżjed. Ix-xarba tajba qatgħet l-għatx ta’ tlett xhur, u l-uċuħ tas-soltu dehru qishom uċuħ ta’ ġewwa.

U l-esperjenza tat-tlett xhur barra tidher li ħadmet xi ftit. Għasarthom meta kont hemm, perriċthom fuq il-vjaġġ twil lura u issa qiegħed nieħu gost nitwihom.

Tuesday, March 18, 2008

Tnax -il Appostlu

L-ewwel taqbad il-freeway. Umbgħad issuq iżjed. U wara ftit iżjed. Imma l-karozza ma ddejaqniex, mhux bħall-ajruplan. Qiegħed mal-art u għandek kontroll inti stess. Meta ridt waqaft, iċċaqlaqt ftit u mattart saqajk fil-vojt. U ħadt erba’ nifsijiet tal-arja li għalkemm forsi ‘l bogħod minn pura għallinqas mhux artifiċjali. Kultant trid tħalli f’idejn ħaddieħor, oħrajn trid tagħmel kollox inti. Daqqa trid taqra, daqqa oħra trid taqra. Jew tħalli l-baħar iħabbat jew tibni torri tar-ramel ħa ma jilħqekx u jxarrablek saqajk.

U wara l-freeway, dritta u lixxa daqs mara bla gost, taqbad il-Great Ocean Road. Inbniet fl-għoxrinijiet tas-seklu li għadda bħala monument għas-suldati Awstraljani li ma rritornawx wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. It-triq issa dejqa mhux wiesa’. Kemm tgħaddi karozza waħda fuq kull naħa, u flokk dritta, mserrpa’ daqs serp imdawwar ma’ bastun. U flok imdawwra b’art ċatta fuq kull naħa, u raba niexef minħabba n-nuqqas ta’ xita, hemm ħafna tlajja u nżul, u siġar kbar iħaddru fuq kull naħa tal-irdum. Flok tibża li se torqod għax it-triq bla sfida, tibża’ li l-isfida kbira wisq għalik u tiftaħ għajnejk it-tnejn beraħ u toħroġ l-aħjar tal-kapaċitajiet tas-sewqan tiegħek u l-karozza li qiegħed issuq.

U wara tara l-ikħal. Mhux tas-sħab imma tal-oċejan enormi jingħaqad mal-istess sħab. L-oċejan imma mhux bħal baħar ta’ mal-bajja, fejn immut jekk ma ninżilx ftit fih. Hemm xi nies jgħumu imma jien se nħallieh bħal veduta biex inħares lejha mid-distanza.

U wara waqafna għal darba oħra. Hawnhekk hawn it-‘Twelve Apostles’. Billi kien Ħadd il-Palm tista’ tgħid li kien żmienhom. Imma dawn jkunu hawn is-sena kollha. Bl-istess argument taħseb li l-Ġappun pajjiż Kattoliku ħafna, għax hawn mimli bihom, armati b’magni tar-ritratti, waħda aqwa mill-oħra.

It-‘Twelve Apostles’ blat kbir, tiela’ mill-oċejan ftit il-bogħod mill-irdum. Il-blat magħmul mill-franka u għalhekk sofor u meqjusin rotob. L-isem tagħhom jista’ jitqies bħala ngannabli għax minn tnax –il blata baqa’ għaxra. Mhux għax appostlu minnhom tħajjar minn Ġuda imma għax il-ħin kollu jaqilgħu l-mewġ ġo fihom u ftit, ftit qiegħdin nieżlin. Forsi li kienu f’pajjiżna, ċ-Ċaqnu kien jieħu xogħol il-mewġ u jiddikjara dawn l-appostli bħala barriera. Wara l-għajbien tal-appostli tagħha, il-knisja kienet x’aktarx toffri reżistenza ta’ mewġa ta’ waqt Awissu fejn il-baħar imċaqlaq daqs għadira ċkejkna żejt. Imma bħalissa tidher li l-briksa ħadet post il-franka u l-mewġ x’aktarx jitħalla jagħmel xogħolu.

U l-fraġilita tagħhom qiegħda tiġbed aktar nies. M’humiex għal dejjem. Illum hawn, għada ma nafux. U għalhekk qed jiġu apprezzati aktar. Bħal dak jew dik fl-isptar li qiegħed jara nies jżuruh li lanqas biss jiftakar.

Thursday, March 13, 2008

Ian Brown

Il-post mhux kbir wisq. Forsi daqs l-Alley darbtejn jew l-aktar tlieta. Iswed kollu, minn fuq s’isfel. Il-folla tinħass Brittanika. L-aċċent Ingliż jidwi u wara xahrejn u nofs tisma’ aċċent Awstraljan u Ingliż imqanżah jibda jdoqqlok għal widnejk daqs qanpiena fi żmien is-sekondarja waqt xi lezzjoni tedjanti. L-udjenza daqsxejn matura fiż-żmien – il-medja naħseb fuq it-tletinijiet. Matura fiż-żmien, imma bħalissa qiegħda tlegleg il-birra u l-maturita tiżżelleġ f’żogħżija. Hekk, bħal kif in-nida żżelliġlek il-windscreen fil-għodu, tindikalek ġurnata sabiħa ta’ xemx.

Il-ħin, l-għaxra ta’ bil-lejl. Ħareġ il-bassista b’kurunetta f’idu, jdoqq it-tema ta’ ‘The Godfather’. U wara ħareġ hu. Hu, Ian Brown, liebes jeans u flokk suwed, u tazza f’idu b’daħka inkejjuża fuq wiċċu. Ilni nistennieh dan il-mument, minn mindu xahrejn ilu ġbart rivista minn dawk li jagħtu b’xejn u kien hemm riklam tal-lum. Żewġ battuti mill-bassista u nqtajt minn saqajja... Beda bil-klassika ta’ The Stone Roses, ‘I Wanna Be Adored’, il-band tad-disgħinijiet li pproduċiet żewġ albums biss wara ġlied bejnu stess u l-kitarrist John Squire. Żewġ biċċiet ta' xogħol imma li ħallew impatt enormi. U kont naf dak il-ħin stess, li kull darba li nerġa’ mmur fuqha fuq l-Ipod qatt mhu se ddoqq l-istess f’widnejja bħal qabel.

I don’t have to sell my soul
He’s already in me
I don’t need to sell my soul
He’s already in me

I wanna be adored
I wanna be adored


Mument hekk, li wara li spiċċa għedt lil ta’ ħdejja, x’qed tixrob. Ridt niċċelebrah. Telepatija mal-mument. Rari, imma meta jiġu, jġorruk. Jibqgħu ġo fik mingħajr bżonn ta’ ċippep jew ritratti.

U l-lejl kompla. Ftit xogħol minn tiegħu u kultant xi klassika mill-band li għamlitu min hu llum. Mhux popolari mal-masses imma rispettat sewwa minn ċertu sezzjonijiet. Kultant jidher arroganti fuq il-palk, imma forsi dik il-marda ta’ kull band jew persunaġġ minn Manchester. Imma għal-lum u għalih se nagħlaq għajnejja t-tnejn. Imma widnejja miftuħin beraħ it-tnejn u l-mużika tiegħu tgħaqqad lill-udjenza u lili li bħalissa mxarrba bl-għaraq, imma ma jimpurtax. Altru. Irrid nixrob kull sekonda ta’ dan il-gig ħa jkolli aktar x’nogħroq.

Nitla’ fil-bar ta’ fuq wara li spiċċa u jidher li mhux jien biss ħadt siegħa u kwart tajba. Bħalissa jidher li għandu raġun bit-titlu tal-aħħar album tiegħu. ‘The World is Yours’. Id-dinja tiegħi. Qiegħed bħalissa fit-tarf tagħha imma ma jimpurtax.

Wednesday, February 27, 2008

Dance Dance Dance

Poġġejt lil Yuki fis-sit ta’ quddiem u niżżilt it-tieqa beraħ. Bdiet nieżla xita ħafifa, xita li ma tarahiex b’għajnejk, għalkemm l-asfalt beda bil-mod jiswied aktar. U kien hemm riħa ta’ xita. Xi nies tellgħu l-umbrella l-fuq, oħrajn imxew qisu xejn ma kien nieżel. Id imġebbda l-barra setgħet forsi titraċċa ħarira nida. Kienet daqshekk xita fina.

Yuki serrħet minkbejha fuq il-bieba u geddumha fuq idha, għonqha mmejjel , u wiċċha nofsu maħruġ mill-karozza. Żammet dik il-poża għal ftit ħin mhux ħażin, ma tiċċaqlaqx ħlief biex tieħu nifs. Kull moviment żgħir il-fuq segwit minn moviment żgħir l-isfel, l-iċken għolja u l-iċken niżla tan-nifs. Kif jista’ jkun xi ħadd ikun daqshekk fraġli u bla difiża. Minn fejn kont bil-qiegħda, deher li qisu l-iżgħar impatt jista’ jkun biżżejjed biex jaqlagħlha rasha u minkbejha l-barra. Forsi għax għada tifla, għada ma tafx l-ebbusija tal-ħajja, u jien adult, li, mingħajr wisq ħsieb, soffrejt diġa.

‘Hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel?’, staqsejt.
‘Mhux wisq,’ qaltli Yuki, tibla’ waqt li tkellmet wiċċha l-isfel. Il-bżieq jnaddfilha griżmejha instema’ jidwi b’ħoss mhux naturali. ‘Ħudni x’imkien kwiet, fejn m’hemmx nies, imma mhux il-bogħod.’

‘Il-baħar?’
‘Fejn trid. Imma ssuqx wisq. Taf inneħħi jekk niċċaqalqu ħafna.’

Tellajtilha rasa u daħħaltha l-ġewwa, attent ħafna qisni qed naqbad bajda, u tellajt it-tieqa san-nofs. U wara bil-mod daqskemm it-traffiku seta’ jagħti, tlaqna lejn il-bajja ta’ Kunifuzu. Pparkjajna l-karozza u mxejna lejn il-baħar, fejn Yuki rremmettiet fuq ir-ramel. Bil-kemm kien hemm xejn fl-istonku, ħlief ftit ċikkulata u meraq. L-aktar mod ta’ tortura biex tneħħi. Il-ġisem jkun fi spażmu, imma ma joħroġ xejn. Tisforza s-sistema sħiħa tiegħek , sakemm l-istonku jiġi għoqda daqs ponn. Mmessaġjatilha daharha. Ix-xita nida kompliet, imma Yuki ma nnutatx.

Glyauughhh.. Għajnejn Yuki imtlew bid-dmugħ hekk kif ppruvat tneħħi aktar.

Ppruvajt ngħinha b’mod fjakk.

Wara għaxar minuti hekk, imsaħtilha ħalqha b’maktur u għattejt il-mandra bir-ramel. Wara, nżommha minn minkbejha, mexxejtha lejn l-eqreb moll. Poġġejna mal-art, daharna ma’ ħajt hekk kif ix-xita bdiet nieżla. Ċċassajna lejn il-mewġ, biż-żangir tal-karozzi fil-West Shonan Causeway fl-isfond. L-unika nies fil-madwar, kienu bil-wieqfa, saqajhom fl-ilma jistadu. Kienu liebsin ġagagi, għajnejhom ffissati x’imkien l-isfel mix-xefaq, bil-qasab mhux mgħawwġa. Ma darux biex jħarsu lejna. Yuki mejlet rasha fuq spalleja, imma ma qalitx kelma. Bil-fors deherna bħal żewġ maħbubin.

Yuki għalqet għajnejha. Tieħu n-nifs tant ħafif, dehret rieqda. Troffi sħaħ ta’ xagħarha mxarrba saru ċappa fuq moħħha, il-ġilda tagħha għada samra mix-xahar li għadda. Imma taħt is-sema msaħħba, Yuki dehret ma tiflaħx. Imsaħt ix-xita u d-dmugħ minn ma’ wiċċha. Ix-xita baqgħet nieżla b’silenzju sħiħ fuq il-baħar bla limitu. Ajruplani tas-Self Defence Force jgħassu għal xi sotto-marin jtiru fuqna, jżanżnu daqs żnażan fis-sħana.

Fl-aħħar, b’rasha għada fuq spalleja, fetħet għajnejha u ħarset lejja b’fok ħafif. Qabdet Virginia Slim mill-but ta’ ġenbejha u xegħlitu. Jew aħjar pruvat ripetutament – bil-kemm kellha saħħa tixgħel sulfarina. Din id-darba m’hemmx lezzjonijiet dwar tipjip mingħandi. Fl-aħħar irnexxielha u waddbet is-sulfarina ‘l hemm. Ħadet żewġ nifsijiet il-ġewwa, u rmietu wkoll. Kompla jaqbad sakemm ix-xita tfietu.

‘L-istonku għadu juġgħak?’ staqsejtha.
‘Xi ftit.’
‘Ejja noqogħdu hekk għal ftit. Int mhux qiegħda tħoss bard hux?’
‘Tajba jien. Ix-xita sabiħa.’

Is-sajjieda kienu għadu transfissati fuq il-Paċifiku. X’kienet il-ġibda lejn is-sajd? Ma jistax ikun sempliċiment li taqbad il-ħut. Forsi waħda minn dawk il-gosti? Bħal tpoġġi bil-qiegħda fuq il-baħar bix-xita nieżla ma’ tifla nervuża ħafna ta’ tlettax –il sena?

‘Sieħbek,’ Yuki ttentat b’mod kawt, b’leħen miksur.
‘Sieħbi?’
‘Iva, dak tal-film.’
‘Ismu propja Gotanda,’ għedtilha. ‘Bħall-istazzjon tal-linja Yamanote. Dak ta’ wara Meguro u qabel Osaki’.
‘Dak qatel dik il-mara’.

Werriċt għajnejja lejn Yuki, b’saħħa. Dehret pallida. In-nifs tagħħha kien irregulari, bħal ruħ mgħarrqa miġbura mill-ilma. X’kienet qed tgħid din it-tifla? Ma rreġistrax.

‘Qatel liema mara?’ staqsejt.
‘Dik il-mara. Dik li kien qiegħed rieqed magħha l-Ħadd fil-għodu.’
Ma ħadtiex. Ma stajtx neħodha. Fuq hiex kienet qed titkellem? Nofsni konxju, tbissimt u għedt, ‘Imma ħadd ma jmut fil-film. Bil-fors int żbaljata.’

‘Mhux fil-film. Fil-ħajja reali. Attwalment qatilha. Rajta’, qaltli Yuki, waqt li qabditli idi. ‘Beżżatni tant li bil-kemm stajt nieħu nifs. Dik il-x’inhi reġgħet ġriet fuqi. Stajt nara l-qtil sħiħ, ċar u akut. Il-ħabib tiegħek qatel dik il-mara. Mhux qiegħda nivvinta. Onestament.’

Is-sinsla nbidlet f’silġa, ma stajtx ntenni kelma. Kollox beda jaqa’ minn postu, jaqa’ l-isfel, mingħajr ma nista’ nagħmel xejn. Ma stajt inżomm xejn.
‘Skużani. Forsi missni m’għedtlek xejn,’qalet Yuki. Ħadet nifs il-barra u telqitli idi. ‘Il-verita onesta hi, li ma nafx. Nista’ nħoss li reali, imma ma nistax inkun veru ċerta jekk hijiex reali jew le. U naf li probabilment se tobgħodni bħal kulħadd għax qiegħda ngħidlek hekk. Imma ma stajtx ma ngħidlekx. Veru mbeżża’. Jekk jogħġbok tirrabjax miegħi. Ma stajtx inżommha. Qiegħda nħossni qisni qiegħda naqa’ biċċa biċċa.’
‘Jien mhux miġnun, mela kkalma u għidli x’rajt,’ għedtilha, waqt li żammejtilha ida.

‘L-ewwel darba li rajt xi ħaġa ċara daqshekk. Fgaha, il-mara tal-film. U poġġa ġisimha fil-karozza, u saq triq twila ħafna. Kienet dik il-karozza Taljana li inti soqt darba. Dik il-karozza tiegħu, le?’

‘Iva, dik il-karozza tiegħu,’ għedtilha. ‘Hemm xi ħaġa iżjed? Ikkalma u erġa’ aħseb. Kull ħaġa li tiġi f’moħħok, żgħira kemm hi żgħira, għidieli. Irrid inkun naf.’
Ħakket rasha tentativament, darbtejn, tlett darbiet. Umbgħad ħadet nifs fil-fond. ‘M’hemmx wisq iżjed. Ir-riħa tal-ħamrija. Pala. Lejl. Għasafar jsaffru. Dak kollox. Faga’ dik il-mara għall-mewt, għabbieha x’imkien fil-karozza, u difinha. Dak kollox. Imma – u din hi l-veru biċċa stramba – il-biċċa kollha ma dehritx selvaġġa jew orribli jew hekk. Lanqas biss dehret bħala delitt. Kienet aktar bħal ċerimonja. Kienet xi ħaġa kwieta, bejn il-qattiel u l-vittma. Imma silenzju stramb ħafna. Bħal qisu ġejja mit-tarf tad-dinja jew xi ħaġa hekk.’

Għalaqt għajnejja. Ħsibijieti ma setgħu jwasslu imkien. Oġġetti u ġrajjiet ġo rasi bdew jitfarrku, jtiru bħal xfafar ġod-dlam. Ma stajtx nemmen x’bdiet tgħid Yuki; ma stajtx ma nemminx x’bdiet tgħid Yuki. Ħallejt kliemha jinżlu ġewwa. Ma kienux fatti. Kienu possibilità. Xejn iżjed, xejn anqas, imma l-forza tal-possibilita kienet qiegħda tkissirni.

Kull assimiljanza ta’ ordni li sirt naf f’dawn l-aħħar ftit xhur ġiet immfarka. Xerred u ferrà, inċertezza, imma kienu f’ordni, u bdew iżommu. Mhux aktar.

Il-possibilità teżisti. U f’dak il-mument li ammettejt dik, xi ħaġa waslet fi tmiemha. Tenaċi daqs qatt qabel, imma deċisiva, għaddiet. Imma x’hiex? Ma stajtx naħseb aktar. Le, mhux issa. Sa dan it-tant, sibt ruħi waħdi għal darb’oħra. Ma’ tifla ta’ tlettax –il sena, fuq bajja bix-xita, disperatament waħdi.

Yuki għafsitli idi.

Kemm damet tagħfasha ma nafx. Id daqshekk żgħira u sħuna kważi lanqas inħasset reali. Il-ħass tagħha kienet qisha aktar ripetizzjoni ċkejkna mill-memorja. Sħuna daqs memorja, imma ma twasslek imkien.

‘Ejja mmorru,’ għedtilha. ‘Se nieħdok id-dar.’

Soqtha lura lejn Hakone. Ħadd minna ma tkellem. Meta s-silenzju sar wisq oppressiv, xegħelt l-isterjo. Kien hemm mużika, imma ma smajtx. Kkonċentrajt fuq is-sewqan. Idejn u saqajn, jbidlu l-gearijiet, steering. Il-wipers sejrin il-fuq u l-isfel b’mod monotonu.

Ma ridtx nara lil Amè, u għalhekk ħallejt lil Yuki fit-taraġ isfel.

‘Aw,’ qaltli Yuki, tħares mit-tieqa tas-sit tal-passiġiera, idejha marbutin u jtertru, ‘m’hemmx għalfejn tibla’ kull ma għedtlek. Jiena kemm rajtha, dak kollox. Bħal m’għedt, ma nafx jekk ġratx realment. Jekk jogħġbok tobogħdnix. Inkella mmut.’

‘Jien ma nobogħdokx,’ għedtilha waqt li tbissimt. ‘U jien mhu se nibla’ xejn, sakemm mhuxbe il-verita. Xi darba trid toħroġ. Iċ-ċpar irid jiċċara. S’hemmhekk naf. Jekk li qiegħda tgħid jkun veru, ikun ifisser li bdejt nieħu idea vaga tal-verita minnek. Tinkwetax. Din xi ħaġa li rrid insib jien stess.’

‘Sejjer tarah?’
‘Dażgur. Insaqsieh jekk hux veru. M’hemmx triq oħra.’

Yuki għolliet spallejha. ‘Int mhux irrabjat għalija?’
‘Le, m’iniex irrabjat għalik, dażgur li le,’ għedtilha. ‘Għaliex għandi nkun irrabjat għalik? Inti m’għamilt xejn ħażin.’

‘Int kont veru persuna twajba,’ qaltli. ‘Qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd bħalek’.

‘Għaliex il-passat?’ għedt bejni u bejn ruħi. ‘U jien qatt ma ltqajt ma’ tifla bħalek.’

‘Saħħa,’ qaltli Yuki. U wara tatni ħarsa twila. Dehret bla paċenzja. Qisha riedet iżżid x ħaġa jew taqbadli idi jew tbusni fuq wiċċi.

Imaġni nervużi ta’ possibilità baqgħu jduru ġo rasi t-triq kollha lejn id-dar. Ġiegħelt lili nnifsi niffoka fuq il-mużika bla sens u dawwart l-attenzjoni fuq it-triq ta’ quddiemi. Ix-xita waqfet hekk kif ħriġt mit-Tokyo-Nagoya Expressway, imma ma kelliex enerġija biex nitfi l-wipers sakemm sibt post fejn nipparkja f’Shibuya. Rasi kienet f’diżordni totali. Kelli nagħmel xi ħaġa. U għalhekk bqajt hemm fis-Subaru pparkjata, idi nkullata mar-rota.

* * * * *

Silta minn 'Dance Dance Dance' ta' Haruki Murakami.

Monday, February 18, 2008

Nuċċali

Wasal l-ajruport kmieni bħas-soltu. Meta jkun se jtir seba’ mitt sena biex jkun hemm. Kemm biex jitlaq jew biex jirritorna lejn il-bejta. Hekk. Ankè jekk il-bejta temporanja u mhux fis-siġra oriġinali. Ritwal simettriku f’ċirkustanzi opposti.

Kien hemm qabel seta’ jagħmel iċ-check-in. Il-lavrant ħaseb qabel l-imgħallem. Poġġa fuq wieħed mill-ħafna siġġijiet vojta. Imma ma damx. Kellu qisu żewġ friefet fl-istonku. Ma ħallewhx bi kwietu. U issa qisu mill-istonku nfirxu ma’ ġismu kollu. Iż-żewġ friefet kienu x’aktarx koppja u pproduċew, ħarġu mill-fosdqa u fl-istonku biss ma kienx hemm spazju biżżejjed.

U dar żewġ ħwienet. Nofs kedda. Aktar iħares milli jara. U wara daħal f’ħanut tan-nuċċalijiet. ‘Sunglass Hut’. U donnu n-nuċċalijiet fakkruh f’għajnejh u s-sens tal-vista. Dar vetrina wara vetrina bil-mod. Mill-Prada mar għar-Ray-Ban. U wara għall-Oakley. Tal-ħanut baqgħet fuq it-telefon titkellem, b’lingwa ta’ kliem li għalih setgħu jkunu tgedwid. U minn banda ħa pjaċir bin-nuqqas ta’ attenzjoni. Ħallietu bi kwietu jifli bil-mod, joqtol il-ħafna ħin f’idejh mingħajr ma jinduna.

U f’salt wieħed qatgħet it-telefon u mxiet lejh. Mejlet rasha lejh u ġebbdet xufftejha.

- Jekk trid aqbad u iftaħ il-vetrina u pprova.

Staqsieha ftit parir u għażlu tnejn flimkien. Kannella u iswed. U beda jipprova quddiemha. Mhux bħal meta jixtri qalziet, jeans jew flokk għall-argument. U waqt li beda jipprova staqsietu fejn sejra u li hi mill-Malasja. Qiegħda tistudja bħalissa. U qalilha li sieħbu għadu kif mar hemm. U flok qaltlu liema parti kien, niżżlet kemmxejn rasha, lagħbet ftit b’xagħarha u tbissmitlu.

U wara reġgħu għas-suġġett oriġinali. Libes il-kannella. Ħares lejha u wara lejn il-mera. Irripeta r-ritwal fi ftit aktar sekondi fit-tul bl-iswed. U għażel li qaltlu hi. U għaddietulu bla dazju.

- Tgħid lil ħadd imma.

Ehmiżha u ħmar.

U waqt li bdiet tgħaddilu l-kard, tkompliet il-konversazzjoni. In-nuċċali tpoġġa fil-ġenb u t-transazzjoni tħalliet tgħaddi waħedha. U waqt li t-tnejn bla nuċċali mdawrin bin-nuċċalijiet ħarsu f’għajnejn xulxin. Bħal żewġ qnienpen bla lsien jħabbtu żaqq ma’ żaqq biex jagħmlu ħoss.

Iċ-check-in fetaħ u fl-aħħar kellu tifkira tal-belt li żar.