Friday, December 28, 2007

Kju

Tmur fejn tmur bil-kju. Passatemp favorit tagħna u waqt li qegħdin hemm nipprattikaw passatemp marġinalment favorit aktar minn hekk, it-tgergir. Fl-istess ħin, passatemp favorit u fl-istess ħin ma nafux inżommuh. Qisu dak, jew aħjar jien li jħobb il-futbol daqs dawl għajnejh, imma umbgħad xutt dritt sempliċi f’lasta vojta jispiċċa aktar iva milli le jaħbat max-xibka msadda tal-madwar milli fix-xibka tal-ħael ta’ mal-lasta.
Ninġemgħu gozz, min jimbotta xi ftit ‘l hinn u min jintrass ‘l hawn. Erba’ ljunfanti kapaċi jżommu linja dritta aktar minna. L-Inglizi aktar ħallewlna ċ-ċips fil-kultura tagħna milli sens ta’ kju, żgur. Forsi għalhekk Mintoff wara kollox neħħielhom il-bażi tagħhom minn hawn. Ħarrquh. U la nħaraq il-Perit ħraqna l-murtali biex niċċelebraw li telqu.

Tgħaddi minn quddiem bank, jew xi dipartiment tal-gvern, tara kju jew forsi aħjar ċorma nies tinġabar qabel waslu l-impjegati, qisek tipprova ssuq karozza qabel tixgħel il-magna. Imma tal-ewwel jieħu premju. Jibda l-ġurnata tal-kaxxier jew skrivan, li bħalu min jaf kemm jrid jħabbat wiċċu miegħu matul il-ġurnata. U wara jgħaddi għal tè u jiftaħar li kien l-ewwel. Iħobb ibakkar. Isarraf ċekk jew iħallas kont qisu sejjer għall-kaċċa. Dam aktar jistenna quddiem bieb magħluq milli kieku mar aktar tard, imma l-midalja tal-ewwel wara kollox ħadha hu. L-unur kollox.

Mitt elf magna u mezz biex jinqeda fil-kumdita, imma daqqa ta’ timbru aħjar minn kollox. It-timbru serħan tal-moħħ, bħal meta tara baqra ttimbrata, bla mad cow disease żgur din. Imma għat-timbru jrid jistenna. Jagħżel il-ħmara flok karozza u wara jgerger li wasal bil-mod. U jinħaraq. Imma m’għandux s-saħħa li kellu l-Perit u ma jkeċċi lil ħadd u jistenna kull darba jerga’ jkollu. U ħmar għalxejn toqorsu.

Imma għallinqas hemm kaxxiera titbissimlu meta jasal quddiemha.
‘Daqshekk biss juża ilma’, tkun qed tgħid bejnha u bejn ruħha. Ħarsa minn taħt il-għajn lejn il-kundizzjoni tal-flokk tas-suf u l-odur jikkonfermawlha d-dubji.

U t-tbissima tinbidel f’daħka.

Friday, December 21, 2007

Il-Milied it-Tajjeb


Is-siġra tal-Milied baqgħet fuq ir-raff, ġo borża tal-plastik tilqalha t-trab u l-presepju tal-karta pesta maġenbha. Ħarget biss statwa ta’ tarbija f’maxtura li f’dawn l-inħawi tissejjaħ il-Bambin u tpoġġiet, fuq mejda b’liżar abjad fuqha, u ftit ġulbiena quddiemu. Meta jmut xi ħadd tal-familja mas-sena, il-luttu intern jirrikjedi li t-tiżjin tal-Milied jinżamm f’minimu. Barra t-triq hemm kemm ‘il tieqa mixgħula u donnhom jistunaw ftit għax għal mument taħseb li kulħadd bħalek għaddej minn Milied kwiet, meta d-dinja għadha għaddejja qisu xejn mhu xejn, u fl-aħħarnett in-nuqqas tas-siġra u d-dawl ma jnikktekx wisq, anzi kważi biċċa xogħol anqas.

Il-festini saru xorta, wieħed f’wieħed bħas-soltu bħal vaguni mwaħħlin ma’ xulxin u jidher li qed jitwaħħlu vaguni oħra żejda aktar ma qegħdin noqorbu lejn id-destinazzjoni. Ix-xorb baqa’ għaddej u t-tnaqqir l-istess, kultant iżżejjed, imma qisek trid tkompli. Kultant taqbeż xi wieħed għax il-borża xpakkat sewwa u dalwaqt trid terġa’ titfalha ftit ieħor.

U għal lejlet il-Milied x’se tagħmel? Qisha biċċa xogħol kbira, tipprova tagħmel xi ħaġa differenti imma x’aktarx taqa’ s-soltu, xarba f’Paceville f’post ippakkjat aktar minn ieħor, griżmejk jixxottaw sakemm tordna l-birra jew vodka ieħor u dan wara siegħa ddur mat-toroq tipprova tilmah fejn tħalli l-karozza. Imma umbgħad jbattu n-nies, tbatti r-rassa, tieħu ftit tar-ruħ, ma tbatix l-għatx bejn tazza u oħra u ċċarrat ħalqek ftit aktar. L-ingravata tħollha ftit, tiftaħ il-buttuna ta’ fuq, u waqt li qiegħed ttektek snienek mas-silġ fit-tazza tiftakar li għada jew aħjar illum stess għandek ikla ma’ ta’ ġewwa, u li l-Milied żmien ta’ hekk u t-tradizzjoni għalissa għadha togħġbok.

U l-mobajl mimli messaġġi minn min ma ndenjax jibgħatlek kartolina. Imma inti tweġibhom wieħed wieħed xorta, għax dan żmien ta’ hekk, wara kollox lanqas int ma tantx bgħatt kartolini. Grokk ieħor u tidħak fil-vojt lejn wiċċ il-mobajl.

Friday, December 14, 2007

Dawl żejjed


Ħriġt mix-xogħol ghall-ħabta tas-sagħtejn u nofs, u ħaffift il-pas għax bdiet traxxax xi ftit. Taqtir nieżel konsistenti bil-mod bil-kemm jxarrbek qisu ħiereġ minn doxxa ta’ sular ta’ fuq nett bi pressa baxxa.
Dħalt fil-karozza, u bdejt insuq lejn Buġibba u l-ajru donnu krieh, il-pressa tad-doxxa żdiedet ftit u l-atmosfera mgħejjuna mis-sħab ġiet aktar griża, bħal dak li għadu mhux deċiż jmurx għall-iswed jew għall-abjad, biss donnu bħalissa qiegħed jxaqleb lejn tal-ewwel.

U għalkemm għadna kmieni wara nofsinhar xegħelt id-dawl tal-karozza. Użanza rari użata hawn Malta. Niftakar meta mort l-ewwel darba Ruma, fil-qilla tax-xemx ta’ nofsinhar f’Lulju kienet l-ewwel ħaġa li osservajt. Karozzi kollha bil-fanali ta’ quddiem jixgħelu u x-xufier kien qalli li minn studju sabu li fanali ta’ quddiem mixgħula ovvjament jiġbdu aktar l-attenzjoni tas-sewwieq oppost u l-aċċidenti tat-traffiku naqsu bi kwart.
U ħassejtni qiegħed nagħti eżempju lis-sewwieqa l-oħra, nipprova ndaħħal użanza nobbli, u kull ma kien jonqos pjattaforma għolja bir-roti għal taħt il-karozza ħalli nidher u kulħadd jieħu din it-tagħlima.

Ftit wara wasalt fejn kelli nasal u pparkjajt. Ix-xita kienet għadha nieżla, u ħaffift il-pass lejn il-bar fejn kellna niltaqgħu. Dħalna, ħadna l-ewwel birra jew vodka, u bdew il-konversazzjonijiet tas-soltu. Ml-ħin ordnajna l-pizzez, kulħadd jaqsam u jħallat bħall-aħwa, u wara wasal il-ħin tar-rigali mill-imgħallem, li aħna nsejjħu l-boss. U jien messni ktieb li l-għażla tiegħu mill-imgħallem wera li studjani ftit mhux ħażin f’dawn ix-xahrejn li ilna flimkien u laqtitni l-kwotazzjoni ta’ George Bernard Shaw, ‘You will never write a good book until you have written some bad ones’.

L-attenzjoni waqgħet fuq l-Għawdxi tal-grupp u dħakna għax qal ċumbini fuq labar tal-inxir. Umbgħad qbadnieha fuq kemm jagħmel sens pont bejn Malta u Għawdex. Bejn jnaqqas mill-istrapazz tat-traġitt u l-użu bilfors tal-vapur, bejn li jsir aktar kummerċ bejnietna, u bejn li l-esklussivita ta’ Għawdex tintilef darba għal dejjem. Ma tħossokx li nqtajt biżżejjed minn Malta jekk se tqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk għax il-kumdità u l-faċilta jnaqqsu mill-gost u l-avventura. U wara ftakarna li bħalissa lanqas kapaċi nlestu l-pont ta’ Manwel Dimech, u l-argumenti waqgħu fix-xejn bħal meta qiegħed issaqsi għasfur f’gaġġa jippreferix dud jew ħaxixa selvaġġa x’jiekol, meta quddiema skalora biss għandu.

U gerbeb il-ħin u lill-Għawdxi wegħdtu li issa nwasslu saċ-Ċirkewwa. Wasalt fejn il-karozza u nara d-dawl ta’ quddiem għadu mixgħul, din id-darba naħseb biex ngerrex xi ħalliel. Dħalt fil-karozza u ovvjament din ma qabditx, bħal molla mgħattna li ma toqmosx.

U flok pjattaforma ta’ ftit siegħat qabel xtaqt ħofra biex nitgħatta mill-Għawdxi ta’ quddiemi li issa ma stajtx inwasslu. Imma għallinqas ma kienx tfajla.

Thursday, December 6, 2007

L-għodwa t-tajba

Sirt inqum mingħajr żverjalin. Dak il-ħoss ta’ fil-għodu normalment waqt xi ħolma stramba kien jaqtani minn gewwa qisu d-daqq tal-qanpiena ta' tmiem l-eżami meta għadek ma wasaltx għall-konklużjoni tal-essay. U meta jkun f'nofs gimgħa ħażina fejn jekk jiġi kelb fidil jaqbeż fuqi biex jifraħ bija jispiċċa jqattali l-qalziet, il-ħoss tal-qanpiena tinbidel f'sirena.
Bhalissa differenti, sirt inqum waħdi, mingħajr wisq sforz, nixgħel id-dawl tal-kamra, ħa nsib xorz, flokk u par kalzetti, nxiddhom u noħrog barra, f'atmosfera kwieta u kemmxejn mudlama. Nimxi ftit, u wara naqsam it-triq u tibda l-ewwel attivita tal-ġurnata, ġirja għal għonq it-triq, pass wara pass, nifs wara nifs, beat wara beat ħiereġ mill-Ipod. U qabel dan kollu, l-Ipod jippreżentali l-ewwel dilemma tal-gurnata. Min se jibdieli l-ġurnata? The Beatles, Franz Ferdinand, David Bowie, The Guillemots, Pulp, Ian Brown jew Jarvis Cocker? Jew forsi s-Shack, imma llum rebhu l-REM.
U nkompli għaddej, u mit-triq nikser fuq il-lemin għal fuq il-pont u l-karozzi mill-bogħod sa dan il-ħin jidrilhom biss il-fanali ta' quddiem, bħal kollega kieku naħdem f'minjiera. U bejn diska u oħra bħalissa nisma' z-zekzik ta' xi pitirross, u għalissa x'se nsib quddiem wiċċi fl-uffiċċju mal-ġurnata għadu 'l bogħod ħafna.
Nitla' ftit ta' telgħa mserrpa, bi sforz ta' karozza tal-linja mgħobbija sa ruħ ommha u wara nerġa' nsib il-wità u n-nifs jeħfief. U l-arloġġ jkun dar xi ftit, l-attivita tiżdied, tiltaqà kultant ma' xi tlett nisa flimkien jieħdu bankina sħiħa, mid-dehra jikkumbinaw ilsienhom ma' riġlejhom b'sinkronizzazjoni sublimi biss xi ħaġa tgħidli li jinsew l-użu tal-moħħ fil-proċess. U hemm oħra tgħaddi dejjem waħedha, tieħu l-mixja bis-serjetà fejn il-mixja fiha nnifisha attivita, iżjed milli skuża għal ħarġa. U kuntrarju għat-trio ta' qabilha taf li jeans għal mixja twila qisu ġlekk għal fuq il-bahar. U jgħaddi xi wieħed għandu xi ftit taż-żmien, b'pass mgħaggel sew b'xi flokk ta' xi maratona jew nofs waħda, juri li meta trid ż-żmien ma jimpedilekx il-ġogi ta' saqajk u fl-istess nifs jfakkarni kemm jiena 'l bogħod minn atleta dilettant.
U sa dan it-tant jibda jbexbex sewwa, nibda nara s-swar tal-Imdina jiddominaw u x'hin nasal f'salib it-toroq flokk nattakka l-belt l-antika bħal furban, nagħtiha dahri u nara r-Rotunda minflok u jkun baqa' biss it-tieni nofs tat-triq, u t-telgħa tibidel f'niżla u l-karozza tal-linja mgħobbija tinbidel f'Mini Minor bis-sewwieq biss.
Jibqa' l-ahhar ftit u mingħajr ma naf nerġa' nasal minn fejn bdejt, nħoss l-għaraq nieżel minflok jxoqq u l-adrenalina tippompja tal-ahhar ftit. U d-doċċa ftit wara qisha ġelat wara ikla tajba.

Friday, November 30, 2007

'The Sopranos' u klamari

Rajt episodju ieħor ta’ ‘The Sopranos’ fuq dvd li krejt. Wasalt fir-raba’ episodju tat-tieni serje u jkolli nammetti li l-aktar biċċa xogħol Amerikana li qatt sammritni. Is-soltu jekk xi ħaġa ma tkunx ħierġa mill-BBC, nkemmex xufftejja u nxammar imnieħri lejha. L-atturi, l-plot, l-aċċent Amerikan-Taljan u l-umoriżmu iswed qiegħed jwaħħalni bħal qarnita quddiem it-televiżjoni episodju wara episodju, dvd wara dvd. Illum kien hemm xena li daħħkitni sewwa.

Il-Mafjużi qegħdin Napli, u wieħed minnhom qiegħed fis-sodda waqt li l-qaħba li raqad magħha qabel qiegħda tlesti biex titlaq ‘l hemm. U hu għandu aptit jparla ftit waqt li jqabbad sigarett u jfakkarha li ‘the customer is always right’ u s-servizz għadu mhux komplut. Insomma hu mixħut minn tulu fis-sodda u hi l-istess kontra tiegħu, b’interess ta’ qattus lejn biċċa għadma. Paulie jsaqsieha minn fejn hi, u hi tgħidlu li minn Ariano Irpino. U Paulie jiddritta qisu kelb meta tiġbidlu denbu.
You’re shitting me, there’s where my grandfather’s from!
Our families probably know each other.


U fakkarni bħal meta hawn Malt tiltaqa’ ma’ xi ħadd mingħajr ma tafu minn Adam, jsaqsik minn ta’ min int, tgħidlu l-laqam tal-familja, ‘u l-Alla ta’ min inti, kemm intom tfal sewwa!’.

U wara nżilt isfel għall-ikel, u sibt platt klamari jistennieni. Għamilt żmien kont nitkerrah lejn il-ħut, bħal Ingliż meta jara platt mingħajr patata moqlija. Imma xi sena u nofs ilu wiegħedt lili nnifsi biex nagħmel sforz u napprezza aktar dan il-platt differenti. U rnexxieli, ma rridux kuljum imma meta nsibu quddiemi sirt nitbissem lejh. U għalhekk sar xi ftit progress, minkejja li ninsisti li l-ħuta tkun ffiletjata għax ix-xewk jdarrasni. U nieħu pjaċir nagħżel xi flixkun inbid abjad miegħu u nieħu gost naralu l-qiegħ. Illum imma kienet differenti l-ikla. Ir-riħa ma tantx kienet pjaċevoli u bdejna wieħed minn taħt mill-ewwel. Kilt ftit u l-istonku ħadu fuq demm id-dars. U qbadt diskursata ma’ ommi u qaltli li l-ħut tippreferih f’nofsinhar u issa qiegħed naħseb li meta kiltu l-aħħar u niżilli għasel kien f’nofsinhar. Il-ħin jagħmel differenza f’kollox, il-palat forsi bil-burdati differenti tiegħu skond il-ħin ukoll. Bħall-moħħ, fil-għodu kmieni meta nkun għadni fis-sodda kultant jgħaddu mitt elf ħsieb minn moħħi, wara mmur niġri ġirja u jgħaddieli. Bħal fit-Tazza tad-Dinja tal-2002, tqum tara logħba fl-għaxra ta’ fil-għodu. Ċertu maġija titlaq. Forsi għax ma jkollokx ċans taħseb fuq li ġej? Forsi għax m’hemmx stennija? L-istess meta konna niltaqgħu għal xi logħba tajba, f’dak il-ħin, flixkun birra jew ftit vodka ttelgħalek l-istonku, kif jgħid il-Malti kollox f’ħinu u f’waqtu.

U għada xogħol u jibda tmiem il-ġimgħa. Għadni lanqas naf x’se nagħmel għada wara nofsinhar. Il-Liverpool mhux se jilgħabu s-Sibt u rrid nivvinta xi ħaġa oħra. U issa sejjer ftit ‘l hemm, għandi ‘Crime and Punishment’ jistennieni u wasalt fl-aħħar mitt paġna u bejn rrid nispiċċah u bejn rrid nibda ieħor. Xi ħaġa ta’ Murakami naħseb issa jmiss.

Wednesday, November 28, 2007

Se nitlaq dalwaqt


L-aħħar li dħalt il-Belt sibt arloġġ enormi jilqagħni, jgħoddli l-ġranet għad-daħla tal-Ewro f’pajjiżna. Fuq il-websajt interna tax-xogħol l-istess. Illum fakkritni jew aħjar avżatni li baqa’ erbgħa u tletin jum biss. U ma’ dan in-numri jien dejjem inżid numru ieħor. Għax l-għada se nitlaq, u din id-darba se noħroġ mill-Ewropa. U se naqsam il-kontinenti, u sebgħa u għoxrin siegħa wara li l-ajruplan jgħolli r-roti mill-mitjar ta’ Ħal Luqa, ajruplan ieħor għandu jniżżilni Melbourne. U din id-darba mhux mawra qasira ta’ ġimgħa jew tnejn, imma għal kwart ta’ sena.

Se nitlaq ftit il-kenn u l-kumdita tad-dar. Se niftaħ ftit ġwienħajja u nara orrizzonti oħra, u min jaf niġix lura liebes nuċċali xi ftit differenti minn ta’ issa. U se ngħaddi minn sajf ieħor bħal li kieku li għadda ma kienx biżżejjed. U se jkolli aktar ħin għalija u min jaf x’se niskopri fija nnifsi aktar milli skoprejt s’issa. Se nibda ngħix tmien siegħat qabel il-ħajja tal-lum, kieku bħalissa per eżempju x’aktar rieqed qiegħed.

U min jaf nibdiex nħoss nostalġija għal xi mument bħal dan, x’se nħoss meta forsi nara xi bandiera bajda u ħamra tperper, u jekk jkollna l-elezzjoni waqt li jien nkun hemm hux se nqum fil-għodu niċċekja kif marru l-affarijiet.

U r-rutina se nkissirha għall-ewwel darba fi tmien snin u min jaf moħħi u ġismi kif se jilqa’ din il-bidla.

U sa dakinhar nipprepara xi ftit dettalji ‘l hemm u ‘l hawn. Il-kbir sar issa.

Friday, November 23, 2007

Ta' Qali

Ta’ Qali, biċċa art vojta bejn il-Mosta u Ħ’Attard. Baħħ kbir, fejn fi żmien il-gwerra kien jintuża bħala mitjar u fil-bidu tas-sebgħinijiet apparentament ħafna Maltin ltaqgħu meta nħass terremot. Ir-riħ jaħkmek minn kullimkien, kważi anke fis-sajf kultant tħoss il-bard. U f’nofs dan kollu għandna l-istadju nazzjonali. Miċ-ċentralitá tal-Gżira għall-periferijá ta’ Ta’ Qali. U forsi sinjifikanti li poġġejna dar il-futbol tagħna f’periferijá, bħal meta twaħħal xi nkwatru mimli susa fil-kamra tal-bejt minflok fil-kamra tal-pranzu.

Ma nafx kienetx l-ewwel logħba li attendejt jew le imma żgur li l-ewwel logħba li baqgħet stampata f’moħħi. Konna kontra l-Isvediżi u missieri ħadni miegħu. Ftit riċerka żgħira għallmitni li qiegħed immur lura sas-16 ta’ Novembru, 1986 – wieħed u għoxrin sena ilu meta kien għad kelli sitt snin. Kien ħareg block-ticket ta’ għaxar liri għall-logħbiet kollha f’Ta’ Qali tal-grupp u l-investiment ta’ missieri vvendika ruħu mill-qrid ta’ ommi kmieni, meta fit-tieni logħba li kienet taħbet kontra l-Italja, l-MFA ħarġet l-irħas biljetti bil-prezz ta’ ħames liri. Niftakarni nieħdu bħal speċi ta’ cushion magħna għalija, fi żmien meta l-Valletta Side kienet tal-konkos u l-uniku sidien kienu l-bankijiet tal-injam ħodor fl-Enclosure. Għadni niftakar il-flokkijiet sofor Svediżi, u lil missieri jgħajjat OFFSIDE b’ħanġra daqsiex b’idu miftuħa, u wiċċu aħmar nirien meta qlajna l-ewwel goal, u jien bejn sorpriż u bejn mgħoxxi bid-daħk għax sa fejn naf jien missieri jitbaqbaq biss fuq il-politika. U insomma qlajna erba’ goals oħra mingħajr risposta ta’ xejn u missieri ma fetaħx ħalqu darba oħra ħlief biex forsi jkellimni jew jgħallimni xi ħaġa minn ħin għal ieħor u mingħajr ma forsi qatt għaddietlu mill-kurituri ta’ moħħu kien qiegħed jiżra’ xi ħaġa f’ibnu, xi ħaġa li ma nafx hiex warda jew xewka, saná jew ġennata.

Logħba wara logħba, f’dak il-grupp morna flimkien jien u missieri, u bqajna sejrin hekk tul is-snin. U maż-żmien missieri bired għax bħal donnu issa ra kull ma kellu jara, u jien għal xi żmien qtajt xi ftit wkoll. Imma wara saqajja bdew jerġgħu joħduni għal darb’oħra lejn Ta’ Qali, u l-Erbgħa li għaddew l-istess għamilt. It-Tlieta, mort naqta’ l-biljetti mill-gym ta’ Ta’ Qali qisu mhux se nsib biljetti dakinhar tal-logħba bħal li kieku l-logħba xi kunċert esklussiv ta’ David Bowie. Imma ħadt gost niġri bil-biljetti fil-kartiera, naf li l-għada se nara t-tim nazzjonali. Tara kemm tara logħbiet bi kwalita sublimi fuq it-televiżjoni, ftit futbol quddiem għajnejk u inti fil-grawnd dejjem tridu. U kelli ftit tamiet fil-qiegħ ta’ qalbi li wara l-famuża logħba tal-Ungerija s-sena l-oħra bdew jinbtu qabel kull logħba, u li lanqas r-riefnu tal-Greċja ma rnexxielu jtajjar.

Sibt posti fil-Millenium Stand bħas-soltu, din id-darba fuq sit minflok fuq il-konkos tal-ewwel logħba u għall-bidu l-flokkijiet ħomor anke taw id-demel lil dawk it-tamiet żgħar, żgħar. Inħares lejn l-arloġġ u ninduna li għaddiet biss kwarta u l-arloġġ jfakkarni b’mod kiesaħ daqs it-temp Norveġiż li baqa’ ħafna x’jista’ jiġri.

U l-arloġġ mgħannaq mar-realtá ma jmorrux żmerċ, meta sa nofs siegħa wara konna tlieta b’xejn minn taħt. Michael Mifsud, bil-faxxa f’idu tana ftit tama b’gowl ta’ opportunist li hu. Imma l-ħmar il-magħkus jdur għalih id-dubbien u Andrẽ Schembri tkeċċa b’deċiżjoni Stalinista mir-referee Russu, f’ħin meta aktar milli bħal ħmar magħkus il-ħomor dehru aktar bħala pony tax-Shetland li b’daqs żgħir għandu saħħa spoporzjonata mad-daqs tiegħu.

Għadda ftit ta’ ħin ieħor, qlajna gowl ieħor u wara waslet it-tisfira finali tal-logħba u niżlet il-purtiera fuq din l-avventura tal-grupp fejn mat-tumakki tas-soltu, għal tlett darbiet għollejna rasna bis-saħħa u lil min ilqatna weġġeajnieh u aħna tapptapna tnejn fuq sidirna.