Sunday, June 11, 2017

Iċ-ċikonju li bejjet magħna

Ritratt: Virginia Monteforte
Kull darba li l-editur tani ċ-ċans biex nikteb kelmtejn fuq dawn il-paġni dejjem iddedikajthom għall-kawża tal-immigranti f’Malta.  Illum se nkompli f’din il-vena, minkejja li l-kelma immigrazzjoni ma ssemmiet qatt waqt kampanja elettorali sħiħa.  Forsi għax min m’għandux vot, ma jixraqlux li jissemma.  F’termini ta’ statistika huwa mifhum li n-numri qatt ma jigdbu.  Allura min m’għandux vot, lanqas biss numru ma huwa u tista’ taħseb kemm aktar u aktar għandu isem jew leħen li jistgħu jwasslu għal ftit dinjita
Forsi wkoll dan huwa sinjal tajjeb, għax fl-ebda ħin ma kien hemm min prova jirbaħ il-vot billi jbeżża’ bil-babaw.  Ukoll għax il-biżgħat li kienu jinfilsaw f’moħħ in-nies xi talin dwar l-immigranti li għad jibdew jiklulna ħobżna sfaxxaw fix-xejn bin-numri preżentati mill-Ministru tal-Ekonomija, li wrew li ħolqu aktar xogħol milli ħadu.  U li b’ton forsi msefsef, qed jgħidilna li għandna bżonnhom. 

Nista’ nimmaġina kif immigrant iħossu waqt kampanja elettorali speċjalment f’pajjiż bħal tagħna fejn din tiddomina l-ħajja ta’ kuljum.  Nimmaġina li jkun bħal dak it-tifel li jara lil sħabu kollha tal-iskola bl-aħħar ġugarell u hu b’idu f’idu.

Daqs tlett ġimgħat ilu wkoll kelli x-xorti niċċelebra suċċess ta’ immigrant.  Jekk forsi hawn min jaħseb li qiegħed nikteb dan kollu għax nixtieq inħokk dahar xi ħadd biex forsi jħokkli tiegħi darb’oħra, nibda billi npoġġi l-karti tiegħi fuq il-mejda u ngħid li dan l-immigrant huwa ħabib tiegħi personali. 

Is-suċċess ta’ dan l-immigrant imma ma kienx biss tiegħu personali.  Kien ukoll għall-ilsien Malti.  L-ilsien Malti jsib biżżejjed ostakli min-nies li wirtu dan mingħand ommhom stess.  U meta tara l-linka terħi ħsus l-ilsien Malti fuq il-karta b’ċertu sengħa, rispett u mħabba minn xi ħadd li ommu x’aktarx qatt ma semgħet b’Malta aħseb u ara kemm setgħet tgħaddilu l-vokali u konsonanti Maltin ma tistax ma tifraħx.  Tirrealizza li l-immigranti jagħtuna ħafna aktar min-numri għall-kotba li jinqraw fil-budget ta’ kull sena.

Walid Nabhan, Palestinjan li twieled fil-Ġordan ilu jagħtina xogħlijiet letterarji sa mill-2009, meta permezz ta’  ġabra ta’ stejjer qosra Lura d-Dar u Ġrajjiet oħra li ma ġrawx ħabbat fuq il-bieb tal-letteratura Maltija forsi bi ftit mistħija imma b’ponn sod biżżejjed li dewa u nstema’.  Min fetaħlu l-bieb żgur li ma ddispjaċiehx, tant li sentejn wara mar quddiem il-pubbliku b’kollezzjoni oħra bl-isem ta’ Leħen tal-Fuħħar.  Sakemm tħallat il-fuħħar mal-ilma, għandek iċ-ċans li tagħġen u tibni forom kif trid.  Imma la darba jinxef, isir permanenti.  Xi drabi jintuża għal skopijiet utilitarji, drabi oħra għal skopijiet dekorattivi.  B’din il-ġabra l-kittieb adottat laqat it-tnejn.  Żejjen il-letteratura Maltija bil-metafori tiegħu u bis-saħħa tal-bżonnijiet ta’ sopravivenza tiegħu li ma jħalluhx bi kwietu fakkarna min xiex jgħaddi ħaddieħor inqas privileġġjat.

Waqt li l-proża fiha ħafna anqas regolamenti, u tħallik tgħid li trid, jidher li din ma kienetx biżżejjed għal Walid.  Ried jesprimi ruħu f’konfini ta’ sillabi u ritmi permezz ta’ ġabra ta’ poeżiji bl-isem ta’ Fi triqti lejha

Ir-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji ppublikat mill-Klabb Kotba Maltin fl-2013 (bħall-bqija ta’ xogħlu) spiċċa biex wassal lil Walid għall-Premju Letterarju mill-Unjoni Ewropea ta’ din is-sena, premju li jingħata kull tlett snin, u li ġie evalwat minn erba’ ġurati nnominati mill-Akkademja tal-Malti u ieħor mill-Federazzjoni ta’ Publikaturi Ewropej.  L-istorja internazzjonali ta’ Palestinjan li qatt ma għex fejn familtu ssejjaħ artha inkitbet bil-lingwa tagħna u f’mumenti uriet riflessjonijiet fuq Malta stess, li lili personali għenitni nitgħallem aktar fuq arti u fuqi nnifsi stess, għax kultant issir taf fuq innifsek ħafna aktar mil-lenti ta’ ħaddieħor milli minn tiegħek stess. 
Dan l-immigrant ħallasna wkoll lura taċ-ċittadinanza li tajnieh wara ħafna u ħafna snin u battikati, billi wkoll esporta l-poeżija Maltija fid-dinja Għarbija, meta riċentament ttraduċa l-poeżiji ta’ Adrian Grima fl-ewwel lingwa tiegħu.  Dan il-ktieb ġie mniedi fl-Eġittu.


Bħal kif ħafna Maltin ħallew isem ‘il barra minn xtutna, persuni bħal Walid qed jagħtu lilna li ddeċidejna li nibqgħu hawn dimensjoni oħra ta’ Mediterranjenità.  Jekk forsi fir-rumanz tiegħu jirrakkonta kif iċ-ċikonji ukoll telqu mid-dinja Għarbija, ċikonju mill-isbaħ iddeċieda li jbejjet għandna.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Ġunju, 2017.

Il-ktieb
L-Eżodu taċ-Ċikonji jista' jinkiseb minn hawn.

Sunday, May 14, 2017

Call Centre

Jinqalalek xi ħaġa, u ċċempel f’Call Centre rasek mimlija li se ssolvi kollox.  Tagħfas in-numri mill-kumdita ta’ darek u fi ftit ħin issir vampa.  Dik li kienet tidher sempliċiment tikka tinbidel f’sekwenza ta’ frustamenti.  Jgħidulek b’ċertu pulitezza jew forsi paternaliżmu li l-linji kollha qegħdin okkupati imma qegħdin jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jaqduk mill-aktar fis.  Jirnexxielek taqbad u tant tkun ilek tisma’ leħen rekorjdat li tinsa li qed titkellem ma’ persuna aktar milli ma’ robot.  Forsi tgħolli leħnek miegħu u tispiċċa taħlef li se taqta’ kull servizz li għandek ma’ din il-kumpanija.  Call Centre għal erbgħa u għoxrin siegħa imma biex jibagħtulek xi ħadd id-dar biex issewuwlek is-servizz tagħhom taf trid iddum erbgħa u għoxrin jum.  Taf qed titkellem ma’ kumpanija ta’ komunikazzjoni u hemm kollox ħlief komunikazzjoni.  Qalbek tgħidlek li dan l-istess persuna li qiegħed ikellmek bħalissa kien l-istess wieħed li ċempillek daqs sena ilu b’ħafna ħlewwa u wegħdek ġenna tal-art.  Illum ma jridx iċedi pulzier.  Jixtieq jgħinek imma ma jistax.  Qabel id-data li qallek mhu se jibgħatlek lil ħadd.  Id-dinja tħossha spiċċat u inti l-akbar żvinturat fid-dinja.  Għada stess taħlef li se taqbeż qabża għand il-kompetitur biex tbiddel kollox, bħal li kieku mhux diġà biddilt kollox sena ilu minn magħhom fuq l-istess problema.  Kulma xtaqt ftit min jifhmek.  Imma ħadd ma fehmek.

Dan l-aħħar ir-rivista Taljana L’Espresso ħarġet pubblika telefonata li persuna kien qiegħed jagħmel mal-awtoritajiet Taljani li kien qiegħed fuq dgħajsa fil-baħar Mediterran.  It-telefonata marret xi ħaġa hekk.

Persuna Sirjana (S): Hello?
Persuna Taljana (T): Iva.
S: Ok, titkellem bl-Ingliż?
T: Iva nitkellem bl-Ingliż, iva.  Il-pożizzjoni tiegħek, il-pożizzjoni tiegħek.
S: Qegħdin tlett mitt persuna fuq id-dgħajsa.
T: Tlett mitt persuna?  Tlett mija?  Tlieta, żero, żero?
S: Iva, tlieta, żero, żero.
T: Nies abbord?  Għandkom tfal?
S: Madwar mitt tifel, mitt mara u forsi mitt raġel.
T: Tlaqtu minfejn?  Libja?  Minfejn?
S: Iva.
T: Libja?
S: Minn Zuwara.  Jekk jogħġbok għaġġel.  L-ilma dieħel ġewwa.  Jekk jogħġbok għaġġel.  Jekk jogħġbok għaġġel.  Jekk jogħġbok.
T: Sinjur, intom qegħdin timxu jew weqfin?
S: Qegħdin nimxu bil-mewġ.  Naħliflek li qegħdin f’emerġenza kbira.  Jekk jogħġbok, jien tabib.  Jekk jogħġbok.
T: X’inhi l-problema?
S: Id-dgħajsa qed tegħreq.  Naħliflek, hawn daqs nofs metru ilma fid-dgħajsa.
T: Tajjeb, ismek.  Ismek.
S: Jisimni Mohammed Jammo, jien tabib.
T: Mohammed Jammo?
S: Jammo.  Jien Mohammed Jammo.
T: Sinjur, irrepeti l-pożizzjoni tagħkom.  Il-pożizzjoni tagħkom, irrepeti.
S: Nord, 34 20 18.  Hi l-istess.  U Lvant 12 42 05.
T: Tajjeb.  Grazzi sinjur.  Grazzi.
S: Grazzi.

Daqs 38 minuta wara
T: Hello?
S: Hello, jekk jogħġbok bgħattu lil xi ħadd għalina?
T: Hello?
S: Hello.
T: Hello, jekk jogħġbok, tkellem, tkellem.
S: Bgħattu lil xi ħadd għalina?  Aħna s-Sirjani.  Qegħdin daqs 300.
T: Sinjur, tajtek in-numru tal-Awtorità ta’ Malta għax intom qegħdin qrib Malta.  Qegħdin qrib Malta, qed tifhem?
S: Qegħdin qrib Malta?  Qrib Malta?
T: Iva sinjur.  Iva sinjur.  Jekk jogħġbok mur, mur.  Ċempel lil Malta direttament, qegħdin qrib u dawk ikunu hemm.  Dawk ikunu qrib, fhimt?
S: Ok.
T: Ok, jekk jogħġbok mur, mur, mur.  Jekk jogħġbok.*

Daqs 31 minuta wara
T: Sinjur?
S: Hello.  Jekk jogħġbok sinjur.  Ċempilt Malta u qaluli li qegħdin eqreb Lampedusa milli Malta.  Tajthom il-pożizzjoni.  Intom qegħdin qribna aktar minnhom.  Jekk jogħġobkom.  Qegħdin immutu.
Tajjeb, intom qegħdin
S: Qegħdin IMMUTU.  Tlett mitt persuna. Qegħdin immutu.
T: Ċempiltu Malta?  Ċempiltu Malta?
S: Tabbandunawniex.  Qed jispiċċali l-kreditu.  Il-linja se taqa’.  Tifhimni?
T: Iva fhimtek, fhimtek.
S: M’għandniex kaptan.  Il-kaptan ħarab.  Il-kreditu kważi spiċċa.
T: Iva, iva, iva, ċempel Malta, ċempel Malta.
S: Il-kreditu qed jispiċċa.  Se taqa’ l-linja, jekk jogħġbok, għandek in-numru tiegħi, ċempilli inti.  Jekk jogħġbok.
T: Iva sinjur, inti qed titkellem mal-Italja imma inti qiegħed Malta.
S: Iva Italja.  Lampedusa.  Lampedusa qiegħda fl-Italja.
T: Inti trid iċċempel Malta.  Trid iċċempel Malta, sinjur.


It-telefonata spiċċat imma l-mewġ le.  Il-baħar Mediterran li jien u inti se nitlaħalħu fih issa li ġej is-sajf, bela’ lil dawn it-tlett mija.  Il-prokrastinazzjoni u aktar minn hekk l-indifferenza rebħu fuq il-kumpassjoni u l-umanità.  Id-darba li jmiss li timtela nervi wara li ċċempel f’xi Call Centre ġib ftit perspettiva.  U ħossok ixxurtjat.

Tista' ssegwi t-telefonata hawnhekk.

Dan l-artiklu deher fuq
It-Torċa tal-14 ta' Mejju, 2017.

Monday, April 17, 2017

Min hu nies?

Min hu nies?

U forsi aktar minn hekk min mhux?


Il-kelma nies nużawha ħafna.  Nużawha biex pereżempju nirreferu għal qrabatna – dawk niesi, niesna, eċċ.  Ħafna drabi nużawha biex inħossuna parti minn xi ħaġa akbar minna.  Forsi wkoll biex nesprimu s-superjorità li nħossu fuq l-annimali, għax aħna nitkellmu u nirraġunaw waqt li huma mhumiex kapaċi.  Biss min normalment juża l-kelma nies jużaha b’mod differenti minn min jgħid umanità, minkejja li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru simili ħafna.  Normalment il-kelma tal-aħħar nużawha biex ninkludu filwaqt li nies nużawha aktar biex neskludu.  Min jgħid li xi ħadd mhux nies mhux normalment se jirreferi għall-istess tali bħala mhux uman.  Jista’ jkun ukoll li l-kelma umanità u dak kollu li ġġib magħha hija ‘l fuq minn kif jaħsibha min iħobb juża nies jew mhux nies b’mod ġenerali.  Il-kunċett ta’ għaqda jew unjoni għalih għandu jsir bejn min hu bħalu f’kollox biss.

Mhux nies hija frażi li tingħata lil ħafna umani b’mod derogattiv, jew aktar preċiż dispreġġjattiv.  Jista’ jkun li tingħad f’saħna tal-mument.  F’dan il-każ tista’ tkun l-intuwizzjoni tiegħek li twasslek biex tlissinha.  Għaqqadhom ftit flimkien u magħhom aktar minn kollox ikunu qegħdin joħorġu l-preġudizzji.

Min hu nies jew mhux jiddependi ħafna f’liema pożizzjoni sabet ruħha il-persuna li qiegħda tiġi mwieżna u l-anglu min fejn qiegħed iħares min qiegħed iwieżen.    It-titlu jista’ jiddependi minn ġidek, (irrelevanti kif tellajtu), it-twemmin tiegħek, fejn twelidt, il-familja li ġej minnha jew il-kulur ta’ ġildtek, daqslikieku kienet xi għażla tiegħek waqt li kont f’ġuf ommok.  L-istat jew xi ministru li ċ-ċirkostanzi ġabuh responsabbli fuq hekk jista’ wkoll jiddeċiedi intix nies jew le.  Dan minn fuq il-pedestall jista’ jagħżel li jeduka biex ikun hawn aktar umanità u inklużjoni, jew minflok jagħżel it-triq sempliċi frott il-biża’ li jitlef dan il-pedestall u jipprova jingħoġob ma’ min jaħseb li hawn min hu u min mhux nies. 
B’daqqa ta’ firma jista’ jiddeċiedi li inti m’intix nies u jagħmillek ħajtek miżerja.

Sempliċiment karta tal-identità tista’ ssir diffiċli biex tinkiseb aktar minn ċertifikat ta’ lawrija.  Dak li hu sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum jsir impossibbli.  Flusek li taqla’ wara li tinqatalek it-taxxa trid iġġorrhom fuqek għax il-bank ma jiftaħlekx kont mingħajr din il-karta.  Viżta fl-isptar issir kważi mpossibli, għax mingħajr din il-karta inti ma teżistix.  Jekk ma teżistix imma tinsisti li teżisti inti fantażma.  U l-fantażmi jbeżżgħu ħafna, għax mhux tad-demm u l-laħam.  Tista’ wkoll twasslek biex tmur iġġedded il-karta inferjuri li għandek u minflok tispiċċa Ħal Far, f’detenzjoni magħluq, mhedded b’deportazzjoni lejn art li inti ħrabt minnha, b’ħajtek maqluba ta’ taħt fuq mil-lum għal għada.

Min jaħseb li hu nies u ħaddieħor mhux nies irid itella’ l-ħitan.  Min mhux nies huwa ta’ theddida għalih, minkejja li forsi qatt ma tkellem miegħu, u ma jafx x’isarraf.  Imma huwa jafda l-istint tiegħu li jgħidlu biex fuq kollox ma jafdax.  Konvint minn dan daqs meta jilgħab embu għax kellu ħolma u ċert li d-dinja ddur miegħu u b’hekk dawk iż-żewġ numri se jitilgħu żgur nhar is-Sibt li ġej.  Il-konvinzjoni imnebbħa mill-perċezzjoni hija simili għall-biża’ minn kamra fid-dlam.  Iġġegħlek timmaġina li fiha ħafna monstri fiha, fejn kull m’għandek bżonn hija l-iżgħar xemgħa biex ixxejjen  dawn il-biżgħat u tinduna li dak li qed taħseb mhux minnu.  L-istint ma’ perċezzjoni mhux indokrata hija taħlita letali – għal min jgħixha u għal min ikollu jħabbat wiċċu ma’ min jgħixha.

Imma altru milli kollox mitluf.  Waqt li għadhom jitilgħu l-ħitan, f’moħħna u bejn il-fruntieri li xi ħadd xi darba penġa, daqstant ieħor waqgħu ħafna minnhom.  Il-vjaġġar qatt ma kien faċli daqs illum, it-traduzzjoni saret il-lingwa ta’ ħafna, u jeżisti għatx kbir biex insiru nafu u nitgħallmu minn xulxin.

It-tfittxija lejn superjorità billi tniżżel lil ħaddieħor hija għall-insikur.

Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa fl-edizzjonji tas-16 ta' April, 2017.

Sunday, January 22, 2017

Umani użati bħala rahan

Wieħed mill-akbar ekonomisti Kanadiżi, John K Galbraith stqarr li ‘Il-migrazzjoni hija l-eqdem azzjoni kontra l-poverta.  Hija tagħżel lil dawk li l-aktar iridu għajnuna.  Hija tajba għall-pajjiż li jmorru fih waqt li tgħin tkisser l-ekwilibriju ta’ poverta fil-pajjiż li ġejjin minnu.”

Fi kliem ieħor l-immigrazzjoni tħaffef dak il-pajjiż li niesu jitilqu minnu hekk kif ix-xogħlijiet ta’ min telaq jintirtu minn min jibqa’ hemm.  Normalment l-immigrant ukoll imur fejn hemm xogħol aktar minn pajjiżu.  L-immigrant huwa bniedem ħawtiel, kuraġġjuż u imprenditur.  Fejn se jmur jaf li se jkollu jaħdem aktar min-nies tal-lokal.  Minflok mgħarfa tal-fidda, tistennieh normalment isib pala tleqq daqs il-fidda.

F’Malta dan il-fenomenu rajnieh fis-sittinijet meta eluf ta’ Maltin salpaw lejn l-Awstralja.  Illum il-ġurnata l-affarijiet huma bil-kontra.  Hawn aktar nies ġejjin fid-direzzjoni ta’ Malta milli jitilqu.  Minkejja influss qawwi ta’ persuni, il-qgħad qatt ma kien baxx daqs illum.  Għax min jaħdem, mhux neċessarjament jieħu xogħol ħaddieħor, imma wkoll joħloq xogħol għal ħaddieħor.

Biss mhux kull immigrant huwa l-istess.  Hawn min hu abjad, hawn min hu ġinġer.  U hawn min hu iswed u mill-Mali.

Jidher li waqt l-aħħar summit li seħħ f’Malta bejn il-pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani ntlaħaq xi forma ta’ ftehim mal-gvern tal-Mali, biex il-pajjiżi Ewropej jiddeportaw lura immigranti ġejjin mill-Mali kontra ħlas.  Kif l-Unjoni Ewropea, li fuq kollox hija bbażata fuq prassi ta’ anqas fruntieri u aktar libertà fil-moviment tal-persuni setgħet taħseb fi ftehim bħal din jiskantani u jħassibni.  Il-Mali huwa wieħed mill-għaxar pajjiżi l-aktar foqra fid-dinja.  In-numru tal-immigranti ġejjin minn dan il-pajjiż mhuwiex xi wieħed predominanti.  Li tagħmel ftehim ma’ xi ħadd fqir u li forsi huwa dahru mal-ħajt juri nuqqas ta’ sensittività mill-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Malti kważi tfixkel f’saqajh stess fil-għaġla li qabditu biex jattwa dan il-ftehim.  Ma talab ebda deroga, anzi donnu ried jidher bħala paladin ta’ dan il-ftehim.  F’jum wieħed f’Novembru ġabar madwar 30 persuna li għandhom xi konnessjoni mal-Mali u tefagħhom f’detenzjoni f’Ħal Safi.  Ftit wara ġiet delegazzjoni minn Mali biex tidentifika lil dawn il-persuni maqfula.  Ħafna minnhom ma jidhrux li ġew identifikati bħala ċittadini tal-Mali, u lejlet il-Milied, wara aktar minn xahar ġewwa inħelsu.  Illum kważi għaddew xahrejn u disgħa għadhom taħt detenzjoni, jew fi kliem ieħor imsakkrin.

Il-fatt li dawn għadhom hemm juri l-ewwelnett li ma hemmx koperazzjoni mill-awtoritajiet tal-Mali.  Juri fiċ-ċar li ma’ min sar il-ftehim (sigriet) huwa suspettuż.  Wara kollox x’tip ta’ persuna tara lil uliedha bħala oġġett negozzjabli fi ftehim?

Fid-detenzjoni hemm segretezza kbira, nażżarda ngħid aktar mill-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.  Il-viżti huma skarsi mmens.  Jiena kont wieħed li dħalt ġewwa u li raw għajnejja ma kienux faċli.  Il-fatt li tieħu l-libertà ta’ persuna mil-lum għal għada meta dan ma għamel ebda reat huwa diġà trawma.  Imma t-trawma tkompli bin-nuqqas ta’ dinjita li dawn qed jinżammu fiha.  Hemm il-kesħa, erba’ persuni jaqsmu ċella bejniethom, l-imħaded bla investi, u f’widnejja wasal li l-lejl ġieli anke qed jitkisser minħabba spezzjonijiet li jsiru mill-gwardjani.  Meta telgħu l-qorti sabiex jikkontestaw din id-detenzjoni ġew umiljati billi tlibbsu l-manetti.  Bdew każ fil-qorti diġà minn taħt.

Din hija l-grazzi li ħadu talli bil-kappell tagħhom sellmulna.  Sakemm kienu ħielsa, ħadmu u ħallsu t-taxxi.  Ħadd ma nnotta t-tislima għax kulħadd kien aktar moħħu fil-kappell forsi kultant imqatta’ tagħhom.  Ix-xogħol ta’ qsim id-dahar sar jiġi mistmerr u f’dan il-pajjiż saret stmata biss l-ispekulazzjoni.

Il-Gvern Malti qiegħed juża disa’ ċittadini mill-Mali bħala rahan daqslikieku dawn mhumiex umani.  Irid juri s-saħħa tiegħu mal-Unjoni Ewropeja u ma’ sezzjoni tal-poplu li għadu jaħseb li l-abjad huwa xi razza superjuri.  Ma nafx hiex kumbinazzjoni li din il-mossa seħħet eżatt wara li għaqda li ejja ngħidu mhux daqstant magħrufa għat-tolleranza ħabbret li se tikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li qegħdin wara l-bieb.


Din hija inġustizzja li ma tistax tkompli.


Dan l-artiklu deher orġinirjament fuq It-Torċa tal-15 ta' Jannar, 2017.

Tuesday, December 13, 2016

Bejn theddida ta' deportazzjoni u viżta lejn Monte Karmeli

Hekk kif il-Ġubilew tal-Ħniena beda jersaq lejn tmiemu, l-E.T. il-President Marie Louise Preca ħabbret amnestija ta’ 30 jum lill-priġuniera kollha.  L-appell tal-Papa Franġsiku nstema’ minn min kellu jinstema’ f’din il-gżira.  Kien ġest sabiħ għax wara kollox hawn ħafna min qiegħed barra u għamel agħar minn min qiegħed ġewwa.  Ukoll f’dan il-pajjiż jingħataw ħafna amnestiji f’forom oħra u li normalment jintlaqgħu b’entużjażmu.  Pereżempju jingħataw amnestiji lil min kellu flusu barra u qatt ma ddikjarahom, amnestiji lil min kellu d-dejn mal-Kummissarju tat-Taxxi jew aħjar mal-Istat.  Dan l-aħħar sa tħabbret amnestija għal min tella xi bini bla permess.  Permezz tal-Amnestija jista’ jirregularizza l-pożizzjoni tiegħu qisu xejn mhu xejn, u xi taptipa fuq dahru talli rregularizza ruħu ma tonqosx lanqas.

Fl-istess żmien iżda, aktar minn tletin persuna mill-Mali li marru fil-Kummissjoni tar-Refuġjati biex mingħalihom iġeddu l-karti mhux talli ma sabu ebda refuġju imma talli ħadu x-xokk ta’ ħajjithom.  Minkejja x-xokk ma naħsibx li bjadu għax il-kulur tal-ġilda tagħhom mhix fina biżżejjed biex tippermetti hekk.  U la l-ġilda mhux fina u mhux bħal tagħna, l-awtoritajiet konċernati ma ħassew ebda rimors jagħmlu dak li għamlu.  Għax f’Malta hawn min hu nies u jingħata l-akbar żegħil u hawn min mhux nies u flok żegħil jingħata ż-żebligħ.

L-arrest fil-fatt kien nieqes mill-anqas farka ta’ kompassjoni. 

Pereżempju wieħed minn dawn il-persuni li safa arrestat għax kien viljakk biżżejjed li ddeċieda li jitwieled il-Mali, ibati minn allerġija u għandu bżonn jieħu l-mediċina b’mod regolari biex jinnewtralizza l-attakki.  Għall-ewwel ġimagħtejn kellu joqgħod isofri dawn l-attakki minħabba li meta ġie arrestat ma kellux il-mediċina fuqu.  Ma baqax isofri l-attakki għax wara li dawn l-attakki kapriċċjużi wassluh f’imġieba suwiċidjali ntbgħat l-isptar Monte Karmeli u jiena stess wara komunikazzjoni ma’ min jgħix miegħu għaddejtlu l-mediċina preskritta lilu fl-aħħar viżta tiegħu.

Dan il-persuna li ma tantx jaf b’żegħil kien ilu f’Malta għal numru sew ta’ snin.  Wara l-ħelsien mid-detenzjoni li laqgħetu għal xhur sħaħ wara li skansa il-mewġ tal-Mediterran, beda jaqdef mal-mewġ tal-ħajja u dak li ħafna Maltin ma riedux jagħmlu midd idu għalih huwa stess.  Dan l-aħħar kien qed jaħdem ma’ kumpanija stabbilita u kien qiegħed iħallas it-taxxi.  Fiż-żmien li kien ilu hawn fittex saqaf għal taħt rasu u qalla’ lira lil Malti li bħal ħafna Maltin oħra kellu appartament supplimentari.  Xtara l-bżonnijiet tiegħu mill-ħwienet Maltin u wettaq azzjonijiet oħra li għenu biex iddur ir-rota tal-ekonomija Maltija.
Meta tkun gżira l-ekonomija jkollha bżonn injezzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħha u f’dan il-persuna u ħutu, l-ekonomija Maltija sabet għajnuna f’min ma kienetx qed tistenna jew tistmerr.

Iżda dan kollu ntesa.  Jidher li l-gvern Malti ġie inspirat mill-istqarrija tal-president elett Amerikan li jrid ikeċċi tlett miljun migrant mill-Istati Uniti.  Safejn naf jien il-gvern Malti huwa mmexxi minn partit bi prinċipji totalment opposti għal ta’ din il-persuna.

Wara tlett ġimgħat f’detenzjoni f’Ħal Safi, fejn l-uniku ħaġa safja hija l-barbed wire, jidher li se jiġi deportat bħal kif ħafna Eritrejani ġew deportati lura fl-2002 u spiċċaw issawtu.

Ir-reperkussjonijiet imma ma jieqfux hawn.  Bħalissa fost il-komunità li wasslet Malta b’dgħajsa u mhux b’jott jinħass biża’ u inċertezza kbira, għax li ġara lil sħabhom qed jistennewh jiġri lilhom minn ħin għall-ieħor.  Minn qagħda prekarja niżlu għal qagħda vulnerabbli.

Ma’ ċertu nies mhux biss ma teżistix amnestija jew ħniena imma lanqas l-iċken kompassjoni.


Min skansa l-ħalel Mediterranji ta’ żaqq ratba qed isib ruħu jgħix fuq blata li tqatta’ u ċċarrat.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Diċembru.

Thursday, November 17, 2016

Nies u mhux nies

Ritratt: Carl Farrugia
Mingħajr ma naf diġà gerbu ħmistax mit-tnedija ta’ Mhux Nies, li naturalment għalija kienet ġurnata speċjali.  Il-lejla għaddiet bħal leħħa ta’ berqa u nixtieq nerġa’ ngħixhha kollha kemm hi, bl-eċitament kollu li f’ħinijiet issarraf fi friefet fl-istonku, għaraq li xaqq minkejja li ma kienx hemm xemx u kont wieqaf, u tregħid fl-irkoppa hekk kif kull darba qomt bil-wieqfa.  Mhux se nuża umiltà falza, u ngħid li kont qed naħseb li se nkunu jien u erba’ minn tad-dar, imma daqstant ieħor ma stennejtx daqstant attendenza.  U għalhekk ħassejtni kuntent, imċekken u responsabbli fl-istess ħin, għax issa dak li darba kont nikteb għalija sar ta’ ħaddieħor u kulħadd għandu dritt jagħżel liema angolu jew lenti li jrid biex iħares lejn kull storja li rnexxieli ngħaqqad.  Imma wkoll nammetti li kont ilni ma nħoss l-istess pjaċir ta’ meta qomt biex naqra silta mill-istorja li ġġib l-istess isem tal-ktieb u ħarġet kif xtaqt.  Darba qabel kont qrajt parti minnha waqt Palk Ħieles u ma kontx kuntent wisq b’kif ħarġet, imma din id-darba għedt li dmir tiegħi li toħroġ kif ivviżjonajtha meta qrajtha kemm il-darba waħdi.

Il-ġimgħa l-oħra kellna l-Fiera tal-Ktieb,  ovvjament kont hemm kif kien hemm ukoll il-ktieb tiegħi fuq l-istand tal-Klabb Kotba Maltin.  Waqt li jiena nemmen li għandna naqsmu  kemm jista’ jkun millli għandna, daqstant ieħor nammetti li kien ta’ sodisfazzjon tremend nara nies jaqbdu l-ktieb f’idejhom, idaħħlu idejhom fil-but u jissagrifikaw dak li għandhom fil-but ma’ xogħli stess. 

Jekk fil-bidu għedt li t-tnedija kienet ġurnata speċjali ma jistax jonqos li hija wkoll punt ta’ riferiment għalija.  U qed nistgħaġeb kemm seħħew affarijiet f’dawn il-ħmistax.  Sitt ijiem wara t-tnedija, ħadna aħbar li jien għallinqas ma kontx qed nistenna għax kelli u għad għandi fidi fil-matematika u l-umanità u rajt lil Donald Trump jiġi elett President tal-Istati Uniti.  Issa ma nafx hux jien li ngħix fl-isħab jew le, u ma nafx għandix dritt nikkumenta fuq min ivvota f’kontinent li jiena qatt ma rfist fuqu, imma qisu llum il-biża’ hija ħafna aktar faċli li tbiegħha mit-tama.  Il-ħitan saru aktar importanti mill-pontijiet.  Ma nemminx li din hija xi ħaġa tal-lum lanqas, għax wara kollox fil-passat seħħew żewġ gwerer dinjija minħabba li kien hemm min irid jaħtaf lil ħaddieħor u ried ibiddel flok ineħħi l-fruntieri.

L-ewwel tfakkira ta’ x’ġej għalina waslet il-Ħadd meta daħlet l-aħbar li l-istess Trump qed iwiegħed li jrid ikeċċi tlett miljun immigrant mill-Istati Uniti ftit wara li jieħu kompletament il-poter f’idu.  Qalbi għamlet tikk, imma ma kontx naf li fil-jiem li ġejjin qalbi mhux biss se tagħmel tikk imma se timtela dieqa.  L-ewwel ħarġet l-aħbar li fuq il-blata tagħna stess ġew maqbuda xi immigranti li kienu ilhom jgħixu magħna u jikkontribwixxu għall-ekonomija li tant dan l-aħħar tant qed niftaħru biha għax qiegħda tikber u titwessa’, għal snin sħaħ.  Dawn ma nġabrux minħabba xi rekord kriminali , imma minħabba li ħafna drabi nħarsu lejn xi nies daqslikieku mhux nies.  Pajjiżi bħal Mali u s-Senegal mhumiex perfetti, u dawn l-immigranti li qegħdin fostna kienu qed jgħinu nkabbru l-ekonomija tagħna u taw nifs lil pajjiżhom bħal kif għamlu dawk l-immigranti Maltin li salpaw minn xtutna lejn l-Awstralja fis-sittinijiet u x-xogħol li setgħu kellhom huma ntiret minn ħuthom.
It-Tnejn stess irċivejt telefonata li wieħed minn dawn il-maqbuda huwa persuna li jattendi għal-lezzjonijiet tal-Malti li nagħti jiena flimkien ma’ Integra.  Biex intikom idea ta’ dan il-persuna maqbuda issa tturmentata taħt detenzjoni f’Ħal Safi, ma tafx x’se jsir minnha wara kważi ħames snin hawn, huwa persuna li jaħdem bil-ktieb ma’ kumpanija, (ħafna jaħsbu li dawn ma jħallsux taxxi!), iħallas il-kera u kellu mħabba lejn Malta kultant aktar minni nnifsi, għax forsi kien japprezza dak li aħna nqisu naturali imma mhux naturali xejn, għax qabilna kien hemm min xerred demmu għalih.
Minbarra t-turmentazzjoni tiegħu tistgħu taħsbu kemm huma daqstant ieħor itturmentati sħabu li qegħdin f’ilma simili tiegħu.  Jiena kulma għandi balla fl-istonku.

Sieħbi Yayya, inti nies daqsi u daqs ħaddieħor.

Monday, August 29, 2016

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta

Il-Ħamis, kien hemm mumenti li mhux biss ħassejtni li nfetħu bibien is-sema imma konna f’nofshom, iperpru, jirribellaw biex jitqaċċtu miċ-ċappetti u jinżlu bis-saħħa kollha fuqna.  Minkejja li konna f’Fortizza, is-sigurtà u l-kenn kienu ‘l bogħod daqs l-istilel li s-soltu kienu jkunu jiddu fuqna.  Ħassejtni għasra, qisni l-pitazz li sidu assorba fih kull emozzjoni bil-linka, u issa wara li xxarrab sar biss ċapep ta’ inka, u flok se jinżamm fl-idejn b’ċertu għożża se jintrema f’qiegħ borża mis-suwed.

Imma kollox ma’ kollox iċ-ċappetti b’xi mod żammew sod u l-bibien qagħdu.  U l-magħmul mhux dejjem bla kunsill lanqas.  Li kellu jitgħatta tgħatta, il-ħwejjeġ ngħasru xi ftit u  l-Fortizza provdiet kenn f’kappella u sala.  Fil-kenn, il-proża u l-poeżija b’ilħna Maltin, Kurdi, Persjani u Għarab fost l-oħrajn reġgħu mlew is-sensi u fejn kien għadu niedi nixef ftit aktar. 

Rarament iċċekjajt b’tant żelu s-siti tat-tbassir tat-temp daqs nhar il-Ġimgħa.  Għax minkejja li l-Pjan B ħadem, il-Pjan B qatt ma jista’ jkun tajjeb daqs il-Pjan A.  Kieku hekk, ikun hu il-Pjan A.  Xtaqt nisma’ l-ilħna varji fil-beraħ tal-bitħa tal-Fortizza.  Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun u meta f’xi ħin tqattret nitfa nida, qalbi għamlet tikk.  Imma t-tikk baqgħet tikk, u smajtha jien biss, waqt li l-ilħna differenti din id-darba mlew il-bitħa beraħ tal-Fortizza, u semagħhom kulħadd.

Is-Sibt tkompla fejn ħallejna.  Il-proża reġgħet tħalltet mal-poeżija, l-poeżija mal-mużika kultant mingħajr bżonn ta’ strumenti, u l-istejjer fittiziji ta’ Elias Khoury mar-realtajiet ta’ nies mhux wisq ‘il bogħod minna.

Fi tlett’ijiem iltqajna ma’ lingwi differenti u vuċijiet differenti.  Vuċijiet differenti jfissru ħsejjes differenti.  U l-ħsejjes differenti jfissru mużikalità differenti.  Il-mużikalità differenti tat lok għal teknika differenti biex ġew espressi emozzjonijiet minn wieħed lejn l-ieħor.  Il-Festival naħseb li kien ċelebrazzjoni ta’ dan kollu bis-saħħa tat-traduzzjonijiet kollha li saru.  U waqt li l-ebda lingwa qatt ma jista’ jkollha mera perfetta għal lingwa oħra daqskemm li tħoss int fuq xi ħaġa qatt ma nista’ nħossu jien, il-qsim u t-tixrid tal-lingwi permezz tal-letteratura kienu ċelebrazzjoni tad-diversità fil-ħajja.


Fil-finali meta kull kittieb qara xi versi minn tiegħu, għal mument qabditni ftit dieqa, għax is-sabiħ tkun tridu ma jispiċċa qatt.  Imma forsi veru s-sabiħ jista’ ma jispiċċa qatt, għax il-mumenti li għaddejna minnhom se jibqgħu fina, u l-esperjenzi u l-ħsibijiet tal-awturi mistiedna ħadthom miegħi lejn id-dar f’forma ta’ kotba.