Sunday, November 18, 2012

Ġwejda





Ix-xemx.  Mhux tiżreġ.  Ħanina imma tfakkrek li qiegħda hemm.  Mingħajr wisq għajjat.  Bħal alarm tad-dar, li taf li qiegħed hemm anke jekk hawn skiet perfett.  Komma twila tinfelaħ jekk il-qosra għadek m’għaddejthomx.  Ir-raġġi kajmani biżżejjed biex iġġegħlek titibissem mingħajr ma tħeddlek.  Il-kaxxa tal-ġelati nħarġet barra bħal kif ħafna ħarġu bin-nuċċali skur xorta waħda għad li s-sajf issa suppost li għadda u mar.

It-tifel qed f’nofsha.  Min hu akbar jippreferi d-dell tal-ħitan twal, u mejda qisha tavolina fejn jista’ jpoġġi l-pinta tal-birra li swietu tlett ewro.  Imma xorta apprezza x-xemx u ħa l-lager kiesaħ minflok tazza inbid.  Min hu akbar xorta qed jidħak.  Hux bl-effett tax-xemx jew tal-birra dik storja oħra.

It-tabella tal-kafe, li għal waħda hemm tnejn, tidher li bħalissa qiegħda hemm bħala tiżjina.  Il-ġurnata daħlet ġmielha u bżonn tal-kaffeina m’hemmx bżonn daqstant.  Min hu ġewwa imma għal bżonn qed jieħu.  Għax min jirrifjuta l-enerġija tax-xemx taf ikun jrid jikkumpensa b’enerġija mod ieħor.

Jew forsi għax l-isem tal-ħanut fakkru fl-Italja.

Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi għar-ritratt.

Thursday, October 18, 2012

Ċamata






Kont qiegħed hemm fuq il-moll.  Bil-qiegħda aktar milli mixħut.  Il-baħar kaħlani, kajman, il-mewġ nofs kedda.  Xagħri mhux twil u għalhekk lanqas biss iċċaqlaq.  Meta nkun il-Belt qatt ma nieħu malja miegħi.  Ma nafx għaliex imma l-Belt qatt ma nassoċjah mal-baħar u għalhekk il-malja l-aħħar ħaġa li tgħaddieli minn moħħi biex nixħet fil-basket li nġorr wara dahari.  Imma llum wara li għamilt li kelli nagħmel fettilli ninżel ‘l isfel u nimrah lejn il-baħar.  Li qiegħed fejn il-baħar u mhux se ninżel ngħum ħassejtni qisni qed nonqos.  Bħal meta tmur titlajja qrib xi kunċert biex forsi tisma’ xi ħaġa għax biljett jew ma lħaqtx tixtri jew il-but qed jgħir u jikkonvinċik biex tħallielu ftit kumpanija ta’ żewġ karti mgeżwra.

Qisu mhux jien biss ma nassoċjax il-Belt mal-baħar, għax minn tant nies fit-toroq ewlenien hawn jien u dan it-tifel biss.  It-tifel ukoll qiegħed hawn mingħajr biss mhu se jgħum.  Jien il-baga li hemm bi dritti qisni qed inħossha tinkini.  Qiegħda tgħidli llum mhux se tużani b’sinjal biex tgħum sa ħdejja u ddawwar denbek lura?

Dan it-tifel qed kwiet hawn waħdu.  Ma jidhirx żerbinott.  Jidher li għandu bżonn il-ħin waħdu, u għalkemm jien bħalissa qed waħdi qisni qed inħoss għalih li m’għandux kumpanija.  Għax meta tikber normali li trid ftit ħin għalik, imma meta għadek żgħir is-solitudni morra.  U l-morr it-tfal ma jħobbuh xejn, mhux bħalna.  Bħall-affarijiet jaħarqu.  Ħafna żgħar lanqas il-Kinnie ma jniżżlu.

U qtajtha li għandi ngħidlu kelmtejn.  Minn fejn se nibda?

‘Illum sabiħ il-baħar hux?’
‘Żaqqu ratba u rasu iebsa’.
‘Għalhekk ma ġibtx il-malja u għomt ftit?’.
‘Iva.’
‘It-tfal mhux ukoll raskom iebsa?’
‘Iva, imma aħna ma naslux daqs il-baħar’.
‘Il-baħar illum kalm, mhu se jasal imkien’.
‘Is-sena l-oħra imma ħadli lill-papa.’

Lanqas ċamata ma qatt ħallietni daqshekk bla nifs.


Din l-istorja ċkejkna hija mnebbħa bħas-soltu mir-ritratt ta' Pawlu Mizzi.  Għal darba oħra, grazzi Pawl!

Monday, September 24, 2012

Hillsborough



 Il-Ħadd filgħodu.  Qed fuq il-mobajl nitkellem ma’ tad-dar mill-Italja.  Qed fil-parking ta’ supermarkit nistenna barra lill-kumpanija tal-ġurnata jixtru x’jieklu għan-nofs ta’ nhar li ġej fil-kampanja ta’ Calabria.  Illum egħluq snin missieri u aktar ċempilt bil-ħerqa.  Wara l-awguri qabadhieli fuq il-futbol u r-riżultati tal-bieraħ.  Fakkarni.  Li nsejt.  Il-bieraħ il-Liverpool lagħbu.  Ġew dro mas-Sunderland barra minn darhom.    Mill-fanatiċiżmu ta’ darba baqa’ biss il-memorji.  Uħud sbieħ, uħud distakkati.
Fil-għaxija.  Qed intella’ saqajja ‘l fuq minn mixja tajba.  Dik is-sensazzjoni ħelwa ta’ għejja, u issa s-sodisfazzjon tar-serħan li nkiseb wara li ħdimt għalih.  Bħall-mastrudaxxa li jieħu gost iħoss l-injam lixx u jiżloq wara li xkatlah hu bis-sandpaper.  Niżżilt l-Observer fuq il-Kindle.

Din l-aħħar ġimgħa hawnhekk f’Caulonia ma kontx imqabbad mal-internet.  Imma t-Tlieta filgħaxija rċivejt messaġġ min-numru Ingliż li sidu sa issa għadni ma nafx.  Imma bilfors ħabib tiegħi: ’18 –il kampjonat u 5 Tazzi taċ-Champions, u din l-akbar rebħa’.  Messaġġ ieħor minn ħabib aktar ta’ ġewwa kkonfermali dak li ħsibt.  Ħareġ xi ħaġa fuq Hillsborough.

U issa bil-Kindle f’idi, hawn dawn l-artikli fuq dik il-ġurnata u nħoss dik is-sensazzjoni li qabel kont inħoss meta nara ballun jinbaram f’xibka mqabbda wara żewġ lasti wieqfa u oħra mimduda.  U l-fjus itir xi ftit u niċċaqlaq ħafna.

Niftakar naqbad il-ktieb ta’ Dalglish meta kont għadni l-iskola u naqra fuq x’ġara dakinhar.  Niftakar il-minuti ta’ silenzju ta’ qabel xi logħba qrib il-15 t’April.  Niftakarni nilbes il-fjamma fuq flokk f’waħda mill-mawriet f’Liverpool.  Nifakar nistenna fil-ħanut tal-Hillsborugh Justice Campaign eżatt faċċata tal-grawnd u ngħid kelma hemm.

U niftakar naħseb f’qiegħ qalbi li dak li ġara ġara.  Jien ma tlift lil ħadd.  Forsi l-ġlieda qiegħda hemm biex inħossu dik ir-ribelljoni ta’ darba studenti.  U li forsi din hi kawża bħall-oħrajn, li emmint fiha u tajtha l-enerġija tiegħi imma ftit wara ċ-ċiniżmu rebaħ.

Imma min iġġieled din id-darba baqa’ sal-aħħar.  U l-verità ħarġet b’mod uffiċjali.  Is-sitta u disgħin mietu għax kien hemm min m’għamilx xogħolu.  Għax kien hemm pre-ġudizzju fuq din l-komunità qabel kollox.

U waqt li l-qalb ma tantx għadha tħabbat meta l-ballun jinbaram fix-xibka, din ir-rebħa, forsi fuq il-mejda, jew aħjar fit-toroq, ħaditni lura f’ħolm jew memorji melankoliċi, sejjħilhom li trid u tqanqalt.
Għal darba flok tela’ l-prezz taż-żejt, tela’ ż-żejt innifsu f’wiċċ l-ilma.


Din il-kitba nkitbet oriġinarjament nhar il-Ħadd, 16 ta' Settembru.

Thursday, September 6, 2012

Leħen tal-fuħħar (u stejjer oħra) ta' Walid Nabhan




Illum il-ġurnata, l-fuħħar x’aktarx issibu jinħoloq fil-villaġġ tal-artiġjanant f’Ta’ Qali.  Trid tgħarrex għalih mhux ħażin għax ftit baqa’ min jaħdmu.  Naħseb ma tantx iħalli qliegħ, u jekk xejn fl-istess villaġġ aktar issib min imur biex jixtri xi ornament tal-ħġieġ jleqq b’forma jew disinn partikulari.  It-tafal li jintgħaġen fil-fuħħar forsi għalhekk wieħed mill-ftit materja li m’humiex mhedda li jispiċċa.

Imma Walid Nabhan jidher li dak li mhuwiex daqstant popolari xorta jidħol taħt qoxortu u jġegħlu jesprimih.  Mhux f’xi bomblu imma f’kitba, li imma bħal bomblu stess trid tara minn fejn se taqbdu għax taf jinkiser f’idejk u malajr tispiċċa l-isptar tikkjuwja biex iħitulek erba’ punti f’ġildek.
Nabhan huwa wieħed mill-ftit persuni (jekk mhux l-uniku) mhux imwieled fuq il-blata msejjħa Malta, jidhirli li mingħajr antennati Maltin imma li jikteb u jippublika bil-Malti.  U bl-istess lingwa li jiena u inti nużaw ta’ kuljum jikteb jew fuqna stess jew fuq dak li jseħħ barra minn fuq din il-blata.  Jirrakontalna fuq dak li jseħħ barra minn xtutna bil-lingwa tagħna stess.  Bħal dak is-Sirjan li jiksilek il-franka Maltija bis-sengħa li tgħallem f’xi imkien qrib Damasku.  Anke jekk forsi m’għedt lil ħadd li kien Sirjan li ksielek.

Ifakkarna li fiżikament qegħdin qrib ħafna ta’ ċertu artijiet, imma aħna nippreferu nħarsu n-naħa l-oħra.  U waqt li mneħirna forsi nxammruh meta nisimgħu b’xi aħbarijiet minn hemm, għandna komuni magħhom ħafna aktar milli naħsbu, jew aħjar milli nammettu.

U l-Malti użat mill-isbaħ.  Billi l-fuħħar ma tantx għadu moda ma jfissirx li m’hawnx għad min għandu sengħa biżżejjed biex joħloq dak li jpaxxi.  Anke jekk ma jleqqx.

Il-ktieb jista' jinkiseb onlajn minn hawn.


Sunday, September 2, 2012

Isfar




Isfar.  Le mhux l-isfar tal-flokk ta’ Birkirkara.  Lanqas tad-diska tal-Coldplay.  Lanqas ta’ dak il-wiċċ xipli li rajt meta kont qed nistenna fl-emerġenza tal-Mater Dei, u bħalissa qed ifakkarni fil-krib silenzjuż li beda jingħi.  L-għajnejn jikxfu kollox.  Imma trid tkun taf tħares lejhom u ma tpetpitx għajnejk waqt li qed tħares f’ta’ ħaddieħor.  Għax inkella titlef ħafna, bħal min jaqbeż xi kapitlu ‘l hemm u ‘l hawn minn xi ktieb li għalih hu oħxon wisq.  Imma wiċċ isfar ma tistax ma tinnutahx.  Għax minflok dijametru ta’ ftit millimetri kien hem dijametri ta’ erba’ ċentimetri mhux ħażin.  

M’aħniex fl-Italja lanqas u għalhekk m’hawn xejn tal-biża’ bħal dak il-film giallo li wrew fuq wieħed mill-istazzjonijiet tal-eks prim ministru.

Hawnhekk l-isfar mhuwiex sempliċi kunċett, imma metri sħaħ ħoxna.  Ħafna aktar mis-sinjal bold li tagħmel taħt xi titlu.  U doppju.  U jibqa’ għaddej anke minn fuq tappiera, kważi kważi jrid jimla l-ispazju ta’ bejn ħadida u oħra, donnu nesa li l-ispazju qiegħed hemm apposta ħalli meta tinżel ix-xita ma tfurx it-triq.

Hawnhekk l-isfar qed jgħidlek biex ma tipparkjax.  Ħalli l-ispazju.  Din in-naħa tat-triq qiegħda biex tgħaddi minnha, imma tikkapparahiex aktar minn hekk.  Għax jekk tagħmel hekk inti, ħaddieħor lanqas biss jgħaddi minn hawn ma jkun jista’.  U jiġri bħal kif jiġri meta tagħmel ħafna xita, u din it-tappiera tinstadd.  Ikun hawn pandemonju, u tirrenja d-diżorganizazzjoni.  Diżorganizazzjoni mwielda min-nuqqas ta’ rispett.  Bħal kważi dejjem.

U inti qisek qed tieħu gost timxi ma’ dawn iż-żewġ linji sofor.  Niftakar meta kont ċkejken kont niddejjaq nirfes bejn maduma  u oħra, u nagħmel ċert li kull sieq qiegħda f’maduma waħda biss.  Bħal meta fil-futbol ma tħallix il-ballun jaqbeż il-linja.  Għax inkella titlef il-ballun u jkollok ittih lill-avversarju.  U l-avversarju bil-ballun f’saqajh jista’ jiskurjalek.  Bħal Spanja.  Ittihom il-ballun u tinsa meta jerġa’ jmiss miegħek.  Dak iż-żmien konna naħsbu li l-Brażil biss jistgħu qatt jilgħabu hekk.
Imma inti donnok qed tieħu pjaċir timxi fuq il-linji sofor għax taf li ċitazzjoni ma tistax taqla’, qisek qed togħxa li se ddur ma’ din il-kantuniera nofs tond.  Il-basket tal-karti f’idejk miżmum sod qed taħseb li miexi bil-mija u allura ma tridux itirlek, rasek ħarira l-isfel ħalli ma turix li min għaddej li qed tieħu gost u jgħadduk b’sempliċi.

Imma bħalissa dan biss li jgħodd għalik.

Li ma tistax tagħmel karozza, qed tagħmlu b’riġlejk.

Ir-ritratt ta' hawn fuq li inspira din l-istorja huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi għal darb'oħra ħabib.

Tuesday, August 14, 2012

In-niċċa




Illum żbajt il-bieb.  Biċ-ċelest, bħal kif kien qabel.  Ma kelliex aptit nixxkatla u allura għedt nerġa nagħmlu l-istess kulur li kien qabel.  Forsi aptit kelma mhux f’posta.  Naħseb aħjar ma kelliex motivazzjoni.  Anzi aħjar bħalissa n-nervaturi f’idejja bdew jitilqu, s-saħħa tagħhom m’għadiex l-istess u kedda żejda żgur mhux li jrid it-tabib, li kultant immur inżur, u dejjem noħroġ mingħandu aħjar milli dħalt.  Jgħidli, li qed nehwden u li qed inħoss mhux uġiegħ li għandi ninkwieta fuqu għax hu biss il-bidu, imma sempliċiment uġiegħ taż-żmien.  Bħall kulur tal-bieb, beda jitlaq għax biż-żmien mhux għax xi ħadd b’vendikazzjoni qagħad jigirfu biċċa biċċa biex ikiddni, għax forsi mingħajr na naf weġġajtu.

U la żbajt il-bieb, żbajt din in-niċċa.  Ilha hemm minn żmien missieri.  Missieri kien jgħid li qiegħda biex min jgħaddi minn hawn jiftakar li kien miet għalina.  U jekk forsi jkun tiela’ din it-telgħa fis-sħana t’Awwissu u jħoss id-dinja kollha kontrih, jħares ‘l hawn u jiftakar li qed jaħseb li d-dinja ddur madwaru u li qed iħoss mhu fil-fatt xejn.  Ngħidlek id-dritt jien naraha mod ieħor.  Naraha kultant li missieri qisu ried juri l-qdusija tiegħu lit-triq kollha.  U min-niċċa kollha, l-fjuri tal-plastik narahom jirrapreżentaw l-artifiċjalita ta’ kollox.  Imma umbgħad ngħid missieri mhux veru hekk.  Ħafna drabi ma kienx iħalli idu x-xellugija tara x’qed tagħmel il-leminija. 

U għaliex tgħid kien għażel mument ta’ passjoni għal din in-niċċa.  Kien hemm tant mumenti ta’ ferħ.  Ma niftakrux ibati wisq bil-melankolija.  Forsi għax għalih dan kien l-akbar sagrifiċċju?  U naf li kien jiċċaħħad ħafna minn affarijiet għalina.

Ħsibt u ħsibt, u fil-fatt telqitli ftit il-konċentrazzjoni u fil-fatt ilqatt il-ħġieġa bil-pinzell.  Qed ngħid dan kollu fuq missieri, din in-niċċa jien ħallejtha hemm.  M’iniex komdu mija fil-mija biha, imma ma nafx inneħħieha.  Għall-memorja ta’ missieri tgħid jew għax wiċċu kif inhu jġibli sudizzjoni?

Dubju jinseġ dubju ieħor, li flimkien qed jagħmlu konundru.  Il-fatt hu li din in-niċċa bħat-twemmin parti minni.  Toħloqli d-dubji, imma jekk ma jkollix id-dubju fuq din, nibda niddubita fuq affarijiet oħra.  U tlett xhur oħra nerġa’ niżbogħha b’żebgħa friska ċelesti.


Ir-ritratt li ispira din l-istorja huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl!