Thursday, February 25, 2010

Ċensura

Ħaffift ftit il-pass wara li pparkjajt il-Furjana, tellajt iż-żipp tal-ġakketta għax donnha bdiet traxxax, u sakemm ilni ngħidlek wasalt Putirjal. Il-ħamsa kienu għoddhom kif daqqew. U issa kont għal-kenn mil-arkati ta’ Putirjal stess u bdejt nara lil min naf u ma nafx. Folla jew forsi aħjar ġgajta li normalment taraha f’xi attivita alternattiva, xi gig, xi Club Sandwich u hekk. U xi erba’ artisti li minbarra li jkunu mal-folla bħali, kultant ikollhom il-privileġġ li jkunu fuq xi pjattaforma, bid-dawl fuqhom, bl-għajnejn fuqhom, jirċievu xi applaws u wara erba’ taptipiet fuq daharhom.

Erba’ daqqiet bir-ras lejn erba’ uċuh familjari, ankè jekk rari jew qatt m’għedna kelma lil xulxin, u ftit ‘kif inti’ lil xi erba’ oħra li huma meqjusa aktar ta’ ġewwa. Żewġ bnadar ħomor biss, aħmar skur, aħmar ta’ veru, mhux aħmar ta’ xi grupp, partit, moviment sejjaħlu li trid, konvenzjonali. L-istrixxa tal-Moviment Graffitti ovvjament kienet hemm. Il-konsistenza ta’ dan il-moviment tispikka. Regolari fi ġlidiet daqs sekundiera ta’ arloġġ matul is-satra tal-lejl ta’ meta ma’ tistax torqod. U forsi dik li tagħmel il-Graffitti, ma tħalliekx torqod u tfakkrek li għandek id-dejn. Strixxun ieħor, din id-darba umoristiku, Stop Being Bloody Nerds. Bloody tgħid kelma dispreġġjattiva? Tieħu xejn bi kbir. U slaleb ta’ Sant’Andrija fuq ħalq jew aħjar ix-xuftejn ta’ xi attivisti oħra. Flok sarima.

U mad-daqq ritmiku ta’ żewġ tnabar bdejna nimxu lejn il-Parlament. Xi erba’ tal-ħwienet ħarġu jittawlu, min jitbissem, min jieħu interess, min jagħti b’rasu qisu jrid jgħid m’għandhomx x’jagħmlu dawn. U wasalna sa fejn il-Parlament, u r-riħ beda jagħmel tiegħu, imma l-ġgajta kellha spirtu kumbattiv u spirtu ta’ komunita, li llum kif qal Mark Vella stess minflok qagħdet id-dar tiekol xi ħaġa tajba ddeċidiet li tinżel fit-toroq għax l-oppressjoni fuq kif sempliċiment tesprimi ruħha dejjqitha u qed tħossha tifgaha. Kelmtejn tal-okkażżjoni, u fost kollox il-ħames proposti.

Tispikka l-proposta li tfakkarna fil-ħrafa tas-sekulariżmu f’Malta, fejn liġi miktuba fl-1933 għada fil-Kostituzzjoni tagħna, b’piena minn xahar sa sitt xhur fil-ħabs jekk il-Knisja Kattolika tiġi satirizzata. Id-dagħa pubbliku u komunitarju kontra qaddisin oħra fil-festi hekk imsejjħa tradizzjonali nimmaġina li huwa iżda eżentat. Inkella jkollna aktar nies ġewwa milli barra. Jew forsi agħar minn hekk għal ċertu nies il-festi jispiċċaw.

Min jgħid li konna 250, min 300. Kif jgħidu l-Brikkuni dan hu poplu li jsemma’ leħnu biss meta jogħla t-trab tal-ħasil. U għalhekk in-numru huwa sinjifikanti. Fil-mument hemm min qiegħed jinkwieta fuq it-trab tal-ħasil u jinsa li ‘l quddiem taf ma jkollux ħwejjeġ aktar x’jaħsel. U ċ-ċensura tara sa mnieħirha u moħħha magħluq daqs dan.

Saturday, February 13, 2010


Qiegħed hawn ftit waħdi, il-Mars Volta qiegħdin fl-isfond, u barra huma hawn il-kwiet u l-ħemda ma’ dawn l-erba’ ħitan. Qiegħed bi flokk komma qasira imma hawn ftit kesħa fina, jew forsi umdità? Imma avolja li qed nirtgħod xi ftit m’għandix aptit inxidd xejn fuqi, hekk. M’hawnx min jagħti parir jew jindaħal, u mal-uniku ħoss li għażilt jien, hawn, x’taqbad issejjaħlu, paċi? Le naħseb forsi kelma ftit żejda, naħseb sempiliċità l-kelma li rrid. Li tkun waħdek mhux bil-fors solitudni, jew forsi aħjar is-solitudni mhux bil-fors negattivita.

Fil-friġġ hemm nofs flixkun inbid diċenti, milli baqa’ mil-bieraħ, imma naħseb għadu ftit il-ħin għalih.

Din is-sena, naqqast. Jew forsi għax ma tantx ħriġt. Imma t-Tlieta kont barra, fil-post fejn fl-antik kont inniżżel l-aktar u ħadt tnejn biss. L-ewwel wieħed għax xi ħadd insista u Malta qatt ma rrifjutat qamħ u t-tieni biex ikolli xi ħaġa f’idi. U ftit wara mort lura d-dar bil-kwiet. Kien qisu t-tieni dar tiegħi hemm. Għadni nħobbu imma l-ġenn ta’ qabel qisu telaq. Hekk, waħdu mingħajr ma pruvajt niskartah. Min kien li qal, il-verita ssibek hi u mhux tfittixha int?

Forsi l-verita ma tantx għandha x’taqsam ma’ dan. Naħseb l-affarijiet jiġu waħedhom aktar propizja, imma ta’ qabel forsi fiha aktar toqol.

Imma t-toqol mas-sempliċità li semmejt qabel ma tantx toqgħod. Jew ridt ftit taħlita. U issa naħseb gedwidt biżżejjed, jew wasal il-ħin biex nibda naħseb ftit għal dik li qed tgerger minn ġo fija.

Jew, jew, jew.

Sunday, December 20, 2009

Ċikku l-Poplu

Niftakar darba kont għand ħbieb barranin tiegħi, u wara ikla tajba, bħala deżerta ħadt jew aħjar offrewli biċċa ċikkulata bil-bżar aħmar. Missieri li kien miegħi u li għalih il-Kinnie bħala ‘Bitter Sweet’ hija l-pinnaklu tal-kuntrasti fetaħ par għajnejn daqs ta’ kuntrattur meta jara xi biċċa art ODZ li fi ftit żmien tista’ tinbena biex jgħin lil xi familja biex ikollha fejn toqgħod. Jiena, ejja ngħidu li wkoll ma kontx rajt bħalha qabel, imma lgħabtha li llum b’xejn ma trid tkun sorpriż u għajnejja ma tantx ftaħthom wisq għax l-inbid kien qiegħed jagħmel tiegħu.

Il-Ġimgħa li għaddew, irħejtha lejn il-Belt għall-Chiaroscuro, li wkoll għandu l-kuntrasti tiegħu. Post ejja ngħidulu sofistikat ġewwa Strada Stretta. Imma llum m’għadx hawn baħrin, u għalhekk tista’ tgħid li l-kuntrasti nqalbu f’kompremessi. Kelli idea għal xiex sejjer imma ħriġt sorpriż aktar milli stennejt.

Ċikku l-Poplu kellu jkun hemm idoqq. U fil-fatt hemm kien. Dan Ċikku l-Poplu pjanista eċċellenti, u għalhekk sibt l-ewwel kuntrast, għax il-pjanu tiegħu mhux eżattament tal-populin imma aktar forsi tal-magħżula. Ma nafx kif m’għażilx xi isem Franċiż biex jirreklama lilu nnifsu. Ftit inbid tajjeb ġo tazza kbira li trid ftit teknika partikulari kif taqbadha ħa tidher sofistikat u pjanu li kif għedna tajjeb ħafna. S’issa xejn speċjali u kien hemm affarijiet li jmorru ma’ xulxin daqs ipod u mużika mniżżla b’xejn.

Imma meta leħen Ċikku jew aħjar il-versi miktuba minnu stess akkumpanjaw l-pjanu tiegħu stess, l-affarijiet inqalbu ta’ taħt fuq u l-kuntrasti bdew jinħolqu fi klassi għalihom. Umoriżmu fin li jgħarrxek u bħal tagħrixa tipprova tirreżistiha u fl-istess ħin qed tieħu pjaċir biha. Jew bħal xarba tajba li taf li l-għada se tqum b’rasek daqs qartalla imma terġa tagħmilha darba wara l-oħra għax iċ-ċirkustanzi mhux ituk għażla oħra.

Minn temi ambjentali għal dawk li forsi jdaħħku għax taboo, i.e. sesswali Ċikku seraq ix-xena. Miegħu kellu lil Rose u din tat palata. Oriġinalita fil-vernakular anitk u forsi anke ma’ dak kontemporarju, għax minn mindu ‘l hawn sirna nidħku għax tistaqsi tfajla tixrobhiex? Udjenza li forsi s-soltu tiddejjaq tisma’ erba’ kelmiet goffi minn erba’ fit-triq, imma llum qiegħda mixħuta mal-art tidħak tisma’ l-istess kliem jintqalu minn wieħed fuq mikrofonu.

Wara kollox il-mod ta’ kif l-istess kliem jiġu trażmessi aktar importanti milli x’jintqal.

U l-inbid intiehem ħafna aħjar għax billi Maltin mhux bil-fors inħobbu l-Eurovision.

Saturday, August 1, 2009

Brikkuni

Kien hemm festun bil-bozoz ħomor fuq il-palk. U kien hemm l-isem tagħhom disinjat bil-kartun b’dimensjoni 3-d. U ma kienx hemm reklam wieħed imkien. Il-biċċa ta’ quddiem il-palk kienet għadha vojta s’issa u mad-dawra kien hemm min intasab bil-qiegħda. U l-arja kienet kajmana, ta’ kif tistenna fl-aħħar ta’ Lulju f’Malta. Nofs il-lejl beda joqrob u l-antiċipazzjoni bdiet tiżdied u l-kotra bdiet titħajjar timxi ‘l quddiem, qrib il-palk u qrib fejn se jkun hemm l-azzjoni kollha dalwaqt. U min qiegħed bil-qiegħda fuq iż-żewġ tarġiet mal-madwar beda jitgħatta. U wieħed minn ta’ bil-qiegħda beda jitfa’ l-birra mill-flixkun. Beda jiġri l-entużjażmu bih, jew il-bozoz ħomor fakkruh fil-festa tar-raħal u sussegwentament f’xi marċ? Jew ried jesibixxi viralità finanzjarja għax flixkun birra kien xi tlett ewro? Jew kien sorpriż li l-kotra llum differenti mis-soltu, u għal kunċert trid titla’ fuq saqajk. Il-kotra ma tridx toqgħod lura, b’idejha fil-but u xxengel ftit rasha u tiġbed ir-ritratti ħa timpustahom fuq il-facebook. Illum il-kotra trid tipparteċipa u tkun parti mill-avveniment u tinsa l-ġimgħa sħiħa li għadha kif għaddiet minnha, u tirremetti ġimgħa xogħol.

U ftit wara il-birra waqfet tixxerred fl-ajru u l-aħħar numru tal-album ‘Kuntrabanda’ – Funeral tal-Barberun beda ftit ftit jaqta’ l-għatx u jiġġustifika l-istennija u l-antiċipazzjoni kollha, bil-brikkuni imlibbsin b’uniformi li fakkritni fi żmien il-Franċiżi f’Malta u ovvjament Napuljun. U l-awtentiċità u r-realiżmu ta’ ħajjet il-kotra u tiegħi personali għola bit-tieni numru: ‘Uffiċju’, b’Mario Vella jpenġi stampa preċiża ta’ naħseb nofs l-uffiċji f’Malta biss flokk pinzell juża pinna u flokk biċċa karta għandu lil sħabu jdoqqu warajh.

U komplejna, waħda wara l-oħra, u min-numri ftit kajmani għaddejna għal dawk aktar mgħaġġla u n-nies issa mhux tipparteċipa biss bdiet imma tiżżagħbel qisha trid tfakkar lilha nnifisha, li qed tieħu sehem f’xi ħaġa li maż-żmien ħa tibqa’ ssemmi u tiftaħar li kienet hemm. U billi ma tantx hemm ritratti biex tfakkar u tipprova li kienet hemm ma jimpurtax għax il-memorji kollha stampati vivaċament f’moħħha. U ż-żagħbil naqas xi ftit għax issa kien hemm numru ġdid: ‘Gallinar tas-Sultan’ u din għadu ħadd ma semagħha u jixraqilha l-attenzjoni kollha.

Umbgħad is-soltu l-encore u bħal kif ġara f’Jannar u f’ta’ qabel, il-kotra għadha ma xebgħetx u tgħajjat għal oħra u wara ftit inkejja l-Brikkuni ma jiddiżappuntawx. U ankè wara l-oħra żejda il-kotra trid iżjed imma issa daqshekk u minn banda aħjar hekk għax għandi bżonn nieħu ftit nifs u għarqan xraba, u ħasra li ta’ qabel beda kollox ma għadux iwaddab il-birra, għax m’għandix aptit nimxi sal-bar.

Lejla tremenda. Lejla pinna. Lejla Maltija ta’ vera, minkejja mingħajr murtali u ġigġofogu. Is-siġar tal-Buskett qiegħdin fl-isfond ta’ kollox. Il-qamar ma jidhirlix li jidher imma hemm ftit stilel jixgħelu s-sema. U llum l-istilel xegħlu hawn isfel fil-Buskett Roadhouse ukoll.

Wednesday, March 18, 2009

Qed nistenniek nieżla max-xita


Qiegħdin hekk qishom ringiela wara xulxin jew aħjar ħdejn xulxin. Tazzi żgħar tax-shooters. Imma mhux mimlijin bil-vodka bir-Red Bull jew biż-Zambuca. Naħseb mimlijin bil-Limunċell. It-tazza żgħira, u l-istorja qasira. Imma t-tazza mimlija sa fuq u trid taqbadha bi ftit galbu u teknika għax inkella twaqqa minnha u l-Limunċell idellek ħafna u jdejjqek. Naħseb li mimlijin bil-Limunċell għax l-istejjer ma jweġġgħulekx rasek bħall-vodka. Fihom l-alokoħol xorta waħda imma l-persentaġġ qiegħed tajjeb. Ma jaqtgħukx minn saqajk mill-ewwel, wara wieħed tieħu tnejn oħra u l-ikla ta’ qabel tħossha kompluta wara li ddurhom waħda waħda.

Mejlak iħallat il-ħelu mal-morr. Il-familjari mal-istranġier. Il-ħemda ta’ raħal Għawdxi ma’ belt f’nofs l-Ewropa burokratika. Il-parrokkjaliżmu mal-kosmopolitan.

Ħafna mill-istejjer kont qrajthom qabel minn fuq il-blogg tiegħu stess. Imma naqrahom għat-tieni darba ma ddejjaqt xejn. Bħal xarba tajba ma tiddejjaq xejn terġa’ tixrobha t-tieni darba. Speċjalment jekk preżentata fi flixkun aktar sabiħ jew adattat mill-ewwel darba. L-ewwel darba l-Limunċell kien jintefa’ fi flixkun kwalunkwe, x’aktarx tal-wiski jew vodka, bit-tikketta se tinqala’ jew ma tinqalax, din id-darba l-flixkun waħdu wkoll iħajjrek u hu ta’ dehen għal ta’ ġo fih.

Monday, December 22, 2008

Liverpool vs Real Madrid

Il-mobajl żarżar mal-mejda u minn taħt il-għajn rajtu jixgħel biex jgħidli li daħal messaġġ. Ftaħt il-messaġġ u kien hemm ‘Real Madrid’. Żewġ kelmiet li kienu biżżejjed biex inħoss żewġ friefet joħorġu mill-fosdqa u jduru mal-istonku b’ċertu ħeġġa qisu xi ħadd qiegħed jiġri bil-kopp warajhom. L-uffiċċju kien vojt u bħall-friefet dort dawra tal-boloh miegħu. Il-kampjonat il-ħobża tagħna, imma t-Tazza taċ-Champions għandha ċertu maġija u palat li l-ebda ħobża għadha ħierġa minn forn tal-ħatab ma ttik.

Ftit wara l-istess ħabib li bgħattli l-messaġġ qalli li qiegħed jiftakar f’dik il-lejla li vvjaġġja minn Liverpool lejn Pariġi, meta fis-27 ta’ Mejju, 1981 Liverpool u Real Madrid iltaqgħu fil-finali tal-istess tazza.
Liverpool kontra Real Madrid, l-aħmar Bolxevista kontra l-abjad aristokratiku. Konfront bejn żewġ istituzzjonijiet li bejniethom jgħaqqdu erbatax –il titlu. AC Milan u l-istess Real Madrid biss jistgħu joffru aktar titli minn dan il-konfront. Konfront li ilu ma jiltaqa’ seba u għoxrin sena, u se jagħti lil Rafael Benítez iċ-ċans li jivvjaġġja bit-tim tiegħu lejn il-belt ta’ tweliedu għat-tieni darba fi staġun wieħed. Din id-darba speċjali ħafna aktar mill-ewwel darba, se jħaddem it-talenti tiegħu kontra t-tim li ssapportja meta kien għadu tifel u li li kkowċja ż-żgħażagħ tagħhom stess fil-bidu tal-karriera tiegħu. Waqt li kien qiegħed jistejqer f’daru wara operazzjoni tal-ġebla, żgur li nesa l-fjuri ta’ madwaru u sidru ntefaħ. Ugwalment ċert li ħass ċertu kburija l-kowċ li waqt li l-imgħallem propja kien fis-sodda hu kien f’Melwood jagħmel ċert li kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. Fl-istess lejla Sammy Lee kien fejn kulħadd xtaq li kien u l-midalja ta’ dik il-lejla żgur li deheret tleqq aktar f’għajnejh mis-soltu meta fil-għaxija mar lura d-dar.

Għalhekk għall-okkażjoni ttraduċejt ir-rapport tal-logħba ta’ David Lacey għall-ġurnal influwenti
The Guardian li deher l-għada tal-logħba.


Liverpool..... 1
Real Madrid... 0

Liverpool saru l-ewwel klabb Brittaniku li rebaħ it-Tazza taċ-Champions tlett darbiet meta għelbu lil Real Madrid 1-0 f’Pariġi l-lejl li għadda f’finali li għalkemm rarament laħqet il-livelli għolja milħuqa fis-snin bikrin tal-istess kompetizzjoni, pproduċiet kuntest interessanti b’ ħafna kuntrasti.

Gowl tard ta’ Alan Kennedy żamm it-trofew fl-Ingilterra għall-ħames sena konsekuttiva u fit-tmiem il-Kop fakkar lill-Parc des Princes li la huma u lanqas it-tim mhu qatt se jimxu waħedhom. Fil-verita Liverpool dejjem dehru li x’aktarx joħorġu rebbieħa u r-rebħa waslet mhux tant wara maltempata imma wara serje ta’ rxiex minn ħin għall-ieħor li bħahom il-Pariġini bdew jevitaw il-ġurnata kollha.

Madankollu, jekk kien hemm persuna li seta’ jċaħħad lil Liverpool mir-rebħa, dan kellu jkun Juanito. L-Ispanjol ċkejken, wieħed mill-arkitetti tal-umiljazzjoni tal-Ingliżi f’Wembley f’Marzu, sfida l-awtorità ta’ Liverpool f’nofs il-grawnd fl-ewwel taqsima, waqt li fit-tieni beda javvanza lejn id-difiża b’effetti tajba tant li deher li seta’ jisfida l-loġika tal-andament tal-logħba, li kienet qiegħda xxaqleb lejn suċċess Brittaniku.

Il-vittorja ta’ Liverpool taf kollox lis-snin twal ta’ esperjenza fil-kompetizzjonijiet kontinentali. Real, minkejja t-tradizzjoni kbira fit-Tazza taċ-Champions, kompartivament dehru mingħajr esperjenza u ħażen speċjalment fid-difiża. Mill-bidu nett Liverpool qattgħu f’biċċiet it-tgħassis raġel ma’ raġel tal-Madrid. Souness, ġaladarba taffa l-effetti tal-fawl minn Sabido, kien profondament influwenti bħal dejjem, Lee ġera u għafas b’qawwa fuq il-lemin, bil-full-backs, Neal u Alan Kennedy, dejjem lesti biex jagħfsu il-fuq waqt li Hansen u Thompson baqgħu soda waqt perjodu skomdu fejn Real heddew li jsibu gowl.

Fl-ewwel taqsima Dalglish, ġie miżmum wara l-ewwel darba li ħarab lil Cortes imma rarament reġa’ nżamm wara, u kien ta’ theddida kontinwa fil-kaxxa l-kbira tar-Real. Dan il-vantaġġ seta’ ta gowl lil Liverpool ħafna aktar kmieni. Wara l-ħin tal-mistrieħ Dalglish lagħab aktar irtirat, jara li jiġbed lejh id-difensuri biex isir l-użu massimu mil-ġirjiet ta’ McDermott fl-isfond tal-qoxra Madrilena. Hekk kif Liverpool bdew jiddominaw iżda baqgħu ma skurjawx, il-logħba saret aktar perplessament bilanċjata aktar ma beda jgħaddi l-ħin.

Liverpool setgħu marru minn fuq fl-ewwel nofs siegħa, meta Augustin salva xutt imżerżaq ta’ Alan Kennedy, McDermott tefa’ għoli, u Dalglish reġa’ dar b’ħeffa biex jinkwieta lil Cortes iżda ma setgħax jikkonkludi b’xutt b’saħħtu biżżejjed li jikkonfondi lill-goalkeeper.

Real ħadu l-ħin tagħhom biex jikkordinaw fuq istess livell. Madankollu il-periklu beda jberrgħen għal Liverpool meta Juanito beda jfittex l-opportunitajiet li jdaħħal fil-logħba lill-kollegi ġejjin għall-passijiet tiegħu li bdew jaqbżu d-difiża ta’ Liverpool. Ballun minn dawn sab lil Camacho jaqbeż lil Hansen sabiex jixxutja barra meta Clemence kien barra minn postu.

Ir-rwol ta’ Cunningham kien wieħed periferiku. Għal darba darbtejn l-abbiltà u l-aċċelerazzjoni tiegħu heddew li jieħdu xi waħda mil-linji laterali ta’ Liverpool, iżda ftit jew wisq ġara ankè mill-avvanzi l-aktar promettenti tiegħu.

Ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Neal, waqt li jattakka minn fuq il-lemin, sab lil Dalglish, li żamm il-ballun b’ċertu sengħa u baram il-ballun f’passaġġ lejn Souness, li kien ġej tard lejn id-difiża ta’ Real bla kliem u bla sliem. Agustin ma setax iżomm ix-xutt imma l-Iskoċċiż ukoll falla li jilħaq ir-rebound.

Liverpool dehru jew se jirbħu b’mod metodiku jew inkellà jitilfu bi trasukraġni, u meta Juanito beda jassertixxi l-abbiltà tiegħu fuq il-logħba, dawn iċ-ċirkustanzi tal-aħħar dehru jidhru aktar possibli. Kmieni fit-tieni taqsima Liverpool waqfu għal offside kontra Cunningham li iżda ma ngħatax u hawnhekk Camacho ġie mħolli jiġri waħdu lejn Clemence. Il-goalkeeper, ħareġ minn postu, u ġie megħlub minn lob straordinarju , imma ħa r-ruħ mal-bqija tal-Brittanja meta ra l-ballun jogħla fuq il-lasta mimduda.

Fl-aħħarnett il-logħba ġiet mirbuħa għal Liverpool b’taqbila bejn iż-żewġ Kennedys. Ray tefa’ throw-in lejn ix-xellug fejn Cortes deher f’pożizzjoni li jilħaq. Iżda l-ballun laħaq lil Alan, li l-ħarba tiegħu minn mal-linja vertikali ssorprendiet lil Real. Cortes għafas leġġeralment lil Alan Kennedy, imma l-momentum ta’ dan tal-aħħar ġarru biex jitfa’ xutt bix-xellug fir-rokna tat-tieni lasta. Wara dan Liverpool setgħu żiedu ma li kellhom hekk kif Real Madrid issagrifikaw kull ma kellhom fid-difiża għal gowl min-naħa tagħhom iżda kien Agustin li kellu jagħmel numru ta’ parati kuraġġjużi.

Liverpool: Clemence, Neal, A Kennedy, Thompson, R Kennedy, Hansen, Dalglish (Case), Lee, Johnson, McDermott, Souness.

Real Madrid: Agustin, Sabado, Navajas, Cortes (Pineda), del Bosque, Angel, Camacho, Steilike, Juanito, Santillana, Cunningham.

Monday, December 8, 2008

Heysel, 1985


‘We won it three times without killing anyone’

Dan l-aħħar kont mistieden fi programm radjufoniku u mistieden ieħor bħali li huwa membru tal-Manchester United Supporters Club (Malta) irrimarkali l-frażi ta’ fuq. Hija frażi li tismagħha kemm il-darba tiġi kantata f’Old Trafford, meta t-tim oppost ikun kwalunkwe. Ovvjament dawn qegħdin jirreferu għat-traġedja ta’ Heysel li ġrat fid-29 ta’ Mejju, 1985, fejn fil-finali tat-Tazza taċ-Champions bejn Liverpool u Juventus, disgħa u tletin persuna tilfu ħajjithom. Illum il-ġurnata grazzi għall-pluraliżmu fix-xandir, isiru programmi fuq programmi. Il-kwantita żdiedet infinitament, sfortunatament iżda jiena personali għandi dubju serji kemm il-kwalita żdiedet bl-istess mod. Nammetti li llum huwa faċli ħafna aktar biex wieħed isemma’ leħnu, biss naħseb li huwa ż-żmien ukoll biex l-ewwelnett il-preżentaturi jieħdu ħafna aktar responsabbilita, għax huwa tajjeb li student jingħata ċertu għodda f’idejh, biss huwa daqstant importanti li l-għalliem jurieh kif juża din l-għodda u aktar minn hekk jara li ma jweġġax huwa stess jew lil ħaddieħor. Ukoll il-mistieden jew kull min isemma’ leħnu għandu juri wkoll ċertu rispett lejn min qiegħed jisimgħu u japprezza l-fatt li għandu dan id-dritt li jsemma’ leħnu, u għalhekk dan il-privileġġ jużah b’ċertu rispett.

Jiena nifhem ir-rivalitajiet li jeżistu, u ngħixhom ukoll. Rivalita hija li tagħmel ħafna drabi l-isport dak li hu, bħal kif il-kompetizzjoni tmexxi suq. Mar-rivalita iżda jeżisti r-rispett, li huwa importanti fl-isport daqs ir-rivalita u jagħmlu differenti u rispettabli aktar minn oqsma oħra tal-ħajja.

* * * * *

Il-futbol huwa ħafna aktar minn sempliċi logħba. X’jiġri fil-logħba u fl-istadji huwa ħafna drabi mera ta’ x’qiegħed jiġri fis-soċjetà. Id-diżastru ta’ Heysel ġara fl-1985, f’nofs it-tmeninijiet. Meta llum naraw tant investiment fi stadji, fejn li tattendi logħba futbol hija kważi sikura daqs kemm meta tmur it-teatru, huwa faċli li ninsew kif il-futbol kien jitqies f’dawn iż-żminijiet. Għalhekk inħoss li għandi nibda billi mmorru lura fit-tmeninijiet, id-diċenju ta’ Margaret Thatcher, jew aħjar ta' The Iron Lady.

Flimkien mal-futbol inħoss li l-mużika ħafna drabi wkoll tirrifletti x’qiegħed jiġri fis-soċjetà. Il-grupp minn Coventry, The Specials kien laqat il-musmar fuq rasu bid-diska Ghost Town li ħarġet f’Ġunju tal-1981 u laħqet l-ewwel post tal-klassifika Ingliża u damet hemmhekk għal tlett ġimgħat sħaħ.

This town is coming like a ghost town
All the clubs have been closed down
This place is coming like a ghost town
Bands won’t play no more
Too much fighting on the dancefloor


Il-grawnds, it-toroq ta’ ħdejn il-grawnds u d-dancefloor kienu ħafna drabi simili għal xulxin. Jaqblu bħal qalziet, qmis u ġlekk tal-istess libsa. Il-qgħad fl-Ingliterra f’dawn iż-żminijiet kont tista’ tmissu b’idejk, u hekk kif in-numru ta’ dan is-suġġett tela’, invarjabilment il-kriminalita u d-delinkwenza bdew jgħolew.

Il-fenomenu tal-hooliganism kien ħafna drabi fuq l-ewwel faċċati tal-gazzetti Ingliżi. F’kull tournament li l-Ingliżi ħadu sehem fit–tmeninijiet, b’mod partikulari fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Ewropew tal-Italja fl-1980, Ġermanja fl-1988 u Tazza tad-Dinja fi Spanja fl-1982, dan il-fenomenu kien assolutament bla kontroll u rażan u fil-fatt ħafna drabi t-tim nazzjonali ġie mhedded li jitkeċċa.

Liverpool f’dawn iż-żminijiet u anke ta’ ftit qabel kienu jilgħabu fl-Ewropa b’mod konsistenti, u jibqa’ l-fatt li s-support kien ta’ kredtu għall-klubb li kien qiegħed jiddomina, meta ntrebħu erba’ Tazzi taċ-Champions f’seba’ snin. Liverpool bħala belt minn dejjem kienet tħobb tpinġi ruħha differenti mill-bqija tal-Ingilterra. Bl-influss qawwi Irlandiż u kunsill pjuttost xellugi f’dawn iż-żminijiet meta l–Ingliterra kellha gvern Konservattiv, mill-ewwel tifhem dan il-kuntrast. Il-miżuri drastiċi tal-gvern ta’ Thatcher laqtu lil Liverpool agħar mill-bqija tal-Ingilterra. Il-port li kien il-polz ta’ din il-belt beda prattikament jaqa’ fuq saqajh. Il-Merseyboom ta’ żmien The Beatles kien biss memorja passata. Il-futbol iżda żamm lil Liverpool fuq il-mappa meta Liverpool F.C. baqgħu jiddominaw u b’hekk offrew ukoll aljenazzjoni minn dawn iż-żminijiet diffiċli.

Li ġara f’Heysel, kien kompletament kontra n-norma tal-imġieba tal-partitarji ta’ Liverpool. L-ewwelnett, Liverpool permezz tas-CEO ta’ dak iż-żmien Peter Robinson mill-ewwel urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-għażla ta’ Heysel mill-UEFA. Dan il-grawnd kien pjuttost antik u fi stat ta’ telqa, fejn is-sigurta tal-partitarji kienu mħarrsa u ta’ prijorita daqskemm kienu mħarrsa d-drittijiet tas-suwed fl-Afrika ta’ Isfel fi żmien l-apartheid tal-istess żmien. Il-mod ta’ kif tqassmu l-biljetti ukoll ħallew ħafna x’wieħed jomgħod meta ngħata blokk sħiħ għall-partitarji ‘newtrali’, meta fil-Belġju kien hemm komunità imdaqqsa ta’ Taljani. Dan il-blokk kien imiss mal-blokk riservat lill-partitarji ta’ Liverpool. Ħafna partitarji għadhom sal-ġurnata tal-lum bil-biljett mhux mimsus. Ħafna nies daħlu fil-grawnd mingħajr ma ġew mistoqsija biex juru l-biljett, il-passaport biex inti tidħol fil-grawnd minflok f’pajjiż. Jissegregaw lill-partitarji kien hemm barbed wire li aktar kien jixraq lil gallinar b’tiġieġa mgħaxxa ġo fih.
Bil-blokka allokata għal Liverpool qiegħda tfur bin-nies, meta l-blokka tas-suppost partitarji newtrali kienet nofsha biss mimlija, inevitabliment dan il-barbed wire inqata’, u ammont ta’ partitarji qabżu lejn din il-parti. Kien hemm moviment aktar milli mistenni, u jiena l-ewwel wieħed li nammetti li Liverpool kellhom sehem fih sewwa b’riżultat li ħajt partikolari waqa’ li kellu konsegwenzi katastrofiċi.

Il-logħba ntlagħbet xorta waħda. Juventus ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. L-iskor minn fulkrum ta’ kollox sar formalità.

Thatcher sabet ix-xoqqa f’moxxtha biex turi snienha u turi l-istmerrija tagħha b’mod pubbliku. Il-klabbs Ingliżi ġew imċaħħda milli jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej għal ħames snin. It-tajn tar b’aktar aggressivita għall-isem ta’ Liverpool. Storja ta’ għoxrin sena li bdiet taħt Bill Shankly li kienet imsemmija biss għas-suċċessi, bnadar ħomor u kant oriġinali ġew mitlufa f’ħakka t’għajn.

Inkjesta uffiċjali qatt ma seħħet. Is-segretarju ġenerali tal-UEFA, Hans Bangerter ingħata sentenza ta’ tlett xhur sospiża u multa ta’ 30,000 Frank Belġjan. Il-President tal-FA Belġjana , Albert Roosens ingħata sentenza ta’ sitt xhur sospiża, filwaqt li John Mahieu, Kaptan tal-Pulizija ta’ Brussels ingħata sentenza ta’ tlett xhur sospiżi u multa ta’ 500 Frank Belġjan, li huma ekwivalenti għal €32.

Huwa fatt li kieku ċertu movimenti u forsi anke insulti ma sarux, ma kienx jiġri li ġara. Huwa fatt ukoll li idejalment jekk tħalli l-bieb ta’ barra miftuħ ħadd m’għandu jidħol, għax il-privatezza hija sagrosanta. Huwa fatt ukoll li idejalment m’għandniex bżonn pulizija u li l-liġijiet qegħdin hemm biss biex jiggwidawna. Huwa daqstant fatt li r-realtà u l-idejaliżmu huma ferm il-bogħod, u s-soċjetà dan taċċettah, tant li tistenna li tkun imħarrsa mill-pulizija.

Il-frażi tal-bidu nett ma tiġiex kantata għax iħossu għal dawk id-disgħa u tletin li tilfu ħajjithom b’mod hekk traġiku. Hija biss ossessjoni fuq rival u ċelebrazzjoni ta’ mwiet. Sfortunatament iżda l-qaħba milli jkollha ttik. Il-logħba tal-ballun għalija hija ħarba mir-realtà, u finali tat-Tazza taċ-Champions għandha dejjem tkun ċelebrazzjoni ta’ futbol u taħlita ta’ żewġ kulturi.

Disgħa u tletin isem li għandhom jibqgħu mfakkra:

Rocco Acerra (29)
Bruno Balli (50)
Alfons Bos (21)
Giancarlo Bruschera (21)
Andrea Casula (11)
Giovanni Casula (44)
Nino Cerrullo (24)
Willu Chielens (17)
Giuseppina Conti (17)
Dirk Daenecky (51)
Dionisio Fabbro (51)
Jacques François (35)
Eugenio Gagliano (35)
Francesco Galli (25)
Giancarlo Gonnelli (20)
Alberto Guarini (21)
Giovacchino Landini (50)
Roberto Lentini (31)
Barbara Lusci (58)
Franco Martelli (46)
Loris Messore (28)
Gianni Mastrolaco (20)
Sergio Bastino Mazzano (38)
Luciano Rocco Papaluca (38)
Luigi Pidone (31)
Bento Pistolato (50)
Patrick Radcliffe (44)
Domenico Ragazzi (44)
Antonio Raganese (29)
Claude Robert (43)
Mario Ronchi (43)
Domenico Russo (28)
Tarcisio Salvi (49)
Gianfranco Sarto (47)
Amedeo Giuseppe Spalaore (55)
Mario Spanu (41)
Tarcisio Venturin (23)
Jean Michel Walla (28)
Claudio Zavaroni (28)

Strieħu fis-sliem.