Nhar it-Tnejn filgħaxija, maniġer tal-KNK fajret l-istqarrija li l-kittieba Maltin kollha jitqaħħbu. L-għada, għalaq blogg li b’mod megalomanjaku sejjaħ lilu nnifsu Malta Literary Review. Nhar l-Erbgħa, il-KNK ħareġ din l-istqarrija, li jien inqisha definizzjoni tal-aġġettiv “fjakk.” Aktar milli apoloġija kienet tattika biex jitnaqqsu l-effetti tad-danni, bħallikieku dan kien żball ġenwin sforz li l-persuna inkwistjoni mhix imħarrġa biżżejjed fir-relazzjonijet pubbliċi u mhux każ ta’ stmerrija lejn grupp ta’ persuni li timmaġina li l-KNK jeżisti minħabba fih. Minn dakinhar ’l hawn, fil-media nkitbu artikli, ħafna drabi bl-għarus tal-persuna msemmija mdaħħal, u saħansitra anki sar vidjow mil-Lovin Malta. Xi kittieba nfushom stqarrew li jaraw l-aġir ta’ kittieba oħra bħala tħaġġir pubbliku, ta’ bullying, kontra persuna li għandha ħafna potenzjal u li sempliċiment għamlet żball ġenwin.
Jekk hemm xi ħaġa li urtatni minn dan kollu hija din tal-aħħar. Jiena, bħala wieħed li nhar it-Tlieta ktibt post seminejjieki fuq il-profil tiegħi ta’ Facebook qed inħossni li qed niġi meqjus ta’ xi bully. Għalhekk, biex nagħmel paċi mal-kuxjenza nixtieq nindirizza entità li s-Sa Bajada hija parti minnha, u naħseb li hija akbar ħafna minni. Naħseb issa diffiċli li jkun hemm min jakkużani li jiena bully.
Nibda biex ngħid, jekk il-kittieba Maltin jitqaħħbu, u għalhekk qħab, biex inkompli bil-metafora, il-KNK huwa l-qaħħab, għax wara kollox il-premjijiet u l-fondi huma f’idejh. Taf qed jagħmilha ta’ hekk mingħajr ma jaf, imma naħseb ta’ min jiġbidlu l-attenzjoni. Jekk Bajada kienet qed tirreferi għar-reċensjonijiet, nistaqsi x’seta’ għamel il-KNK biex minflok jinħoloq blogg anonimu, bi stmerrija diretta għal xi kittieba, tinħoloq pjattaforma, li reċensur jikteb reċensjoni oġġettiva u jitħallas sew tal-ħafna sigħat li biċċa xogħol bħal din tieħu.
Fuq din is-saga, il-KNK ħareġ bħala fortizza, li l-impjegati tiegħu qed jistkennu fiha. Ir-re qiegħed fil-fortizza u l-oħrajn qegħdin barra jitqatlu bejniethom. Ma naħsibx li hija xi ħaġa ġdida. Fil-fatt, skont dan ir-rapport, bħalissa l-KNK lanqas biss għandu bord. La qed insemmu t-tqaħħib, bilfors irridu nsemmu l-flus. Wara kollox, il-qħab jitqaħħbu għall-flus. Ma naħsibx li hawn minnhom jitqaħħbu għall-unur.
Il-KNK bħalissa magħmul minn Kap Eżekuttiv appuntat politikament, Direttur Eżekuttiv, Maniġer Anzjan, u erba’ maniġers oħra. Magħhom hemm persuna li tieħu ħsieb il-kontijiet. L-inqas persuna fi ħdan il-KNK hija maniġer. Id-Direttur Eżekuttiv ma tafx bil-Malti, u għalhekk tistgħu timmaġinaw l-imħabba tagħha lejn il-kitba Maltija. Sa fejn naf jien, ma tistax tħobb dak li ma tafx. Ħa nispjega ruħi sew, jekk inti ċċempel lill-Kunsill, tibgħat email, jew titlob ISBN, hemm xi ħadd jaqdik b’paga ta’ maniġer. Bejniethom, dawn jgħaqqdu salarji ta’ madwar €300,000 kull sena. Nistaqsi lill-kittieba, il-pubblikaturi, l-edituri u l-qarrejja tal-provi kemm il-mitt elf fis-sena jaqilgħu. Biex inpoġġu kollox f’kuntest, il-Fond Malti tal-Ktieb, li huwa għall-kittieba u l-pubblikaturi kollha għandu baġit ta’ €165,000, bejn wieħed u ieħor nofs dawn il-pagi.
Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa tal-KNK u jieħu l-krettu kollu tiegħu. Fil-verità, il-KNK jaħtar l-aġġudikaturi, jilqa’ l-applikazzjonijiet, jikteb xi żewġ stqarrijiet, jixtri t-trofej, itella’ s-serata tal-aħħar. Madankollu, fil-verità, il-Premju jsir bil-għaraq tal-aġġudikaturi maħtura. Huma l-aġġudikaturi li jagħmlu x-xogħol. B’kollox ikun hemm disgħa minnhom. Tlieta jieħdu ħsieb ħames kategoriji tal-letteratura fittizja, tlieta jieħdu ħsieb it-tliet kategoriji ta’ letteratura mhux fittizja u tlieta jieħdu ħsieb is-sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka. Premju huwa b’saħħtu daqskemm huma b’saħħithom l-aġġudikaturi. Fid-dawl ta’ dan, il-KNK iħallas is-somma ta’ €1,000 lil kull aġġudikatur. Biex inpoġġu kollox f’kuntest, l-aġġudikaturi li jieħdu ħsieb il-ħames kategoriji tal-letteratura fittizja, din is-sena kellhom fil-lista t-twila 65 ktieb. Għalhekk, ftit matematika sempliċi tgħidlek li tħallsu anqas minn €16 għal kull ktieb. Il-KNK lanqas frazzjoni ta’ paga minima mhu jħallas, meta suppost jistabbilixxi l-istandards. Biex taqra biss, ktieb jieħu sigħat sħaħ. Inutli joħorġu posters bħal dan, meta l-KNK qed jistenna li kulħadd jaħdem b’xejn.
Waqt li l-kittieba rebbieħa tal-premjijiet għall-adulti jieħdu premju diċenti ta’ €4,000, jintefqu flus oħrajn għal ideat megalomanjaċi ta’ xi membri tal-persunal tal-KNK bħal pereżempju vidjows fuq il-kotba. Il-Booker għadu kif ġie mħabbar, ma rajt ebda vidjow tal-ktieb rebbieħ. Jintefqu flus sostanzjali ma’ kumpaniji li lanqas huma parti mill-industrija. Il-filmati jittellgħu wkoll ħafna wara li l-ktieb ikun ġie ppubblikat u rebaħ il-premju. In-nuqqas ta’ ppjanar irendi dan bħala ħela ta’ flus, li għal kittieba ‘qħab’ ftit hemm minnhom.
Il-Fond Nazzjonali tal-Ktieb
Bħalissa l-Fond Nazzjonali tal-Ktieb għandu baġit ta’ €165,000 kull sena. Għal darb’oħra, prattikament ix-xogħol isir mill-aġġudikaturi li jerġgħu jitħallsu anqas mis-somma msemmija qabel. Lil hinn minn dan, kull ktieb jingħata massimu ta’ €5,000. Parti sostanzjali tmur għall-istampar u d-disinn tal-ktieb. Il-kittieba jitħallielhom f’idejhom ammonti miżeri. Rumanzi rarament jieħdu l-fondi, għax dawn mhumiex meqjusa bħala xogħlijiet “b’nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali.” Bħallikieku r-rumanziera qed jitħallsu figuri kummerċjali għal xogħolhom. Il-kittieba ‘qħab’ qed jieħdu ras il-ħuta biss.
Il-Festival tal-Ktieb
Bħalissa l-Festival tal-Ktieb qed jittella’ f’Ta’ Qali. Hemm min jogħġbu, hemm min ma jogħġbux. Normali. Li ma nifhimx kif jintefqu l-flus. Skont ir-rapport annwali li jinsab hawn, jintefqu kważi €300,000 għal dan il-festival, jew fiera, sejjaħlu li trid. L-ispiża tal-kiri tas-sala waħedha taqbeż il-€100,000. L-istess il-punt tal-voucher li jingħata lill-istudenti li jżuru l-Festival filgħodu mal-iskejjel tagħhom. Dawn jingħataw voucher ta’ €5 kull wieħed. Il-ktieb jiġi ddevalwat b’dan il-mod, u fil-fatt ħafna mill-vouschers jissarrfu għand min ibigħ il-ktieb bir-ribass. Il-ktieb Malti ma jingħata ebda imbuttatura. Pubblikatur ewlieni lanqas iħoss il-bżonn li jkun hemm. Niddubita jinbigħux bl-istess ammont f’kotba. Fl-istess ħin, xi kittieba ġew mitluba kemm-il darba biex itellgħu avvenimenti, jintervistaw kittieba oħra, u ma jitħallsu xejn. Dawn huma l-‘qħab’ tagħna, li jitlajjaw għalxejn.
Nittama li ma nitqiesx aktar bħala bully. Jiena lanqas m’jiena martri bħal ħaddieħor. Wara kollox ktibt ftit wisq biex nitqies bħala kittieb. Sadattant, biex ma niktibx fuq il-kittieba biss, infakkar li snin ilu l-pubblikaturi talbu xi tip ta’ għajnuna minħabba l-għoli fil-prezz tal-karta. Sa issa ntesiet. Fid-dawl ta’ dan, il-KNK faċilment ikun fergħa mill-Kunsill Malti għall-Arti. Jiġu ffrankati l-ispejjeż u forsi l-ftit loqom milli jibqa’ jitqassmu bejn il-kittieba ‘qħab’ li taf għejew jitlajjaw fil-kesħa.